Għalfejn Nibżgħu? – Prayer Café: 10 t’April 2015
Prayer Café 10 t’April 2015
Fil-bidu tal-laqgħa nqara l-Evanġelu ta’ nhar il-Ħadd li ġej – it-tieni Ħadd tal-Għid. Is-silta hija meħuda minn San Ġwann fejn tittratta meta Ġesù deher lill-Appostli li kienu magħluqin għax kienu mbeżża’. Hu nefaħ fuqhom u imliehom bl-Ispirtu s-Santu. L-ewwel darba Tumas ma kienx magħhom u ma ridx jemmen. It-tieni darba Tumas kien magħhom u wara li ra l-pjagi qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” U Ġesù wieġbu “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.”
Mhux Tumas biss ma emminx. Meta l-Anġlu qal lin-nisa, li marru biex jidilku l-ġisem ta’ Ġesù li Hu kien qam, l-Appostli ma emmnuhomx lanqas. Pietru kien mar hu stess biex jara b’għajnejh biex emmen! Il-frażi henjin dawk li ma rawx u emmnu tgħodd għalina lkoll. Din il-fidi sopranaturali għandha tgħinna nżommu l-paċi f’qalbna anke meta jkollna l-kumplikazzjonijiet fil-ħajja tagħna. Ġesù ikun f’nofsna speċjalment meta inkunu miġburin flimkien. Hu stess kien qalilna li fejn tnejn jew tlieta jiltaqgħu f’Ismu, Hu ikun f’nofsna. Mela jekk Alla hu magħna min jista’ jkun kontra tagħna? Mela għaliex nibżgħu, għaliex nitħawwdu, għaliex niddubitaw? Għaliex it-twemmin tagħna huwa fqir?
Min jaf kemm-il darba nagħlqu l-bibien tagħna bħall-Appostli. Nagħlqu qalbna. Nagħlqu moħħna. Ninqatgħu mill-bnedmin. L-Appostli, għalkemm Ġesù kien ippreparhom li Hu kien ser imut u jqum mill-imwiet, xorta ma emmnux u kien imwerwrin. Aħseb u ara kemm hu iżjed diffiċli għalina li nemmnu. Il-Qawmien ta’ Ġesù jgħina ngħixu fiċ-ċirkostanzi li nkunu fihom.
Għandna nħallu lill-Mulej jaħdem f’ħajjitna. Jagħtina Hu s-saħħa, l-kelma u l-għerf. Kull ma jrid hu l-kelma tagħna li nservuH. Għandna nemmnu li Alla jista’ jagħmel ħwejjeġ kbar bina, basta nħalluH! Kulħadd huwa msejjaħ biex jaħdem fost dawk ta’ madwaru.
Fl-aħħar inqrat silta mill-ktieb tal-Papa Franġisku, “Il-Ferħ tal-Vanġelu” bl-isem ta’ “Id-don ta’ Ġesù lill-poplu tiegħu”:
“Fuq is-salib, waqt li Ġesù kien qed ibati f’ġismu l-laqgħa drammatika bejn id-dnub tad-dinja u l-ħniena t’Alla, seta’ jilmaħ biswit riġlejh il-preżenza kollha faraġ ta’ Ommu u d-dixxiplu l maħbub. F’dak il-waqt kruċjali, qabel stqarr b’mitmuma l-ħidma li l-Missier kien fdalu f’idejh, Ġesù qal lil Marija: “Mara, hawn hu ibnek”. Imbagħad qal lid-dixxiplu l-maħbub: “Hawn hi ommok”. Dawn il-kelmiet ta’ Ġesù fuq l-għatba tal-mewt l-ewwelnett ma jesprimux xi tħassib mimli ħniena għal ommu, imma pjuttost huma formula ta’ rivelazzjoni li tikxef il-misteru ta’ missjoni speċjali ta’ fidwa. Ġesù ħallielna lil ommu biex tkun omm tagħna. Kien biss wara li għamel dan li Ġesù seta’ jħoss li “kollox mitmum”. F’riġlejn is-salib, fis-siegħa l-kbira tal-ħolqien ġdid, Kristu jibgħatna għand Marija. Jibgħatna għandHa għax ma jridx li nimxu mingħajr omm u l-poplu f’dik ix-xbieha ta’ omm jaqra l-misteri kollha tal-Vanġelu. Il-Mulej ma jridx li l-Knisja tiegħu tkun nieqsa mill-ikona femminili. Hi, li nisslitu b’fidi hekk kbira, tissieħeb ukoll “mal-bqija ta’ nisilha, ma’ dawk li jħarsu l-preċetti ta’ Alla u li għandhom ix-xiehda ta’ Ġesù”. Ir-rabta intima bejn Marija u kull fidil, li, f’xejriet diversi inisslu lil Kristu, ġiet imfissra bi kliem mill-isbaħ mill-Beatu Iżakk tal-Istilla: “ Fl-Iskrittura mnebbħa minn Alla, dak li b’mod ġenerali nifhmu, għall-Knisja, verġni u omm, nifhmuh b’mod ġenerali għall Verġni Marija. Bl-istess mod nistgħu ngħidu li kull ruħ fidila hi għarusa tal-Verb ta’ Alla, omm ta’ Kristu, bint u oħt, verġni u omm għammiela. Kristu baqa’ għal disa’ xhur f’ġuf Marija, jibqa’ fit-tabernaklu tal-fidi tal-Knisja sat-temma tas-sekli; u, fl-għarfien u fl-imħabba tar-ruħ fidila, għal dejjem ta’ dejjem.”