Id-Dielja Vera – Prayer Café: 1 ta’ Mejju 2015
IL-Laqgħa PRAYER CAFE ta’ l-1 ta’ Mejju bdiet bil-qari tal-vanġelu tal-Ħadd li jmiss meħud minn San Ġwann 15:1-8. Dawn huma xi punti li ntqalu waqt il-laqgħa. Il-vanġelu ta’ San Ġwann nqisuh bħala l-vanġelu tal-imħabba u hu mibdi bi stil naqra tqil, b’mod astratt, “ Fil-bidu kien il-Verb…” Imma mbagħad insibu li il-Verb misterjuz sar bniedem u sar vizibli, sar xi ħadd li d-dixxipli raw u semgħu.
Filqat li l-ġimgħa l-oħra Ġesu ġie msejjah mhux biss ragħaj iżda r-Ragħaj it-Tajjeb, fil-vanġelu ta’ din il-ġimgħa nsibu lil Ġesu jxebbah lilu nnifsu ma dielja; anzi ma Dielja Vera. Ix-xbieha tad-dielja turi t-tip ta’ relazzjoni li kien hemm bejn id-dixxipli u Ġesu. Il-friegħi ma jistgħu jagħmlu xejn weħidhom; iżda hemm bżonn li jibqgħu magħqudin maz-zokk prinċipali. Filwaqt li nagħġa tista’ taħrab u titlaq minn fejn ir-ragħaj tagħha, il-fergħa trid tibqa’ mwaħħla maż-żokk biex tagħti l-frott. L-għaqda li hemm bejn iż-żokk u l-friegħi mhix bħal żewġ ħwejjeġ marbutin jew imwaħħlin flimkien. Hija rabta minn ġewwa, parti mill-istess ħajja. Hekk trid tkun ir-relazzjoni tagħna ma Ġesu. Irridu nkunu ħaġa waħda miegħu.
Il-verb “tibqa’ ” ġie użat ħafna drabi f’dan il-qari tal-lum. “Ibqgħu fija, jiena nibqa’ fikom…Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nnfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija. …Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott, ….Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa u jinxef…Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom…Mela rridu niddeċidu rridux nimxu ma Ġesu ; u jekk iva rridu nżommu mal-kmandamenti tiegħu u nagħmlu dak li joġgħob lilu. Jeħtieġ li nħobbu lil xulxin fl-egħmil mhux biss bil-kliem.
Aħna parti minn proċess – għandna responsabilita wkoll fil-knisja. Nistgħu nkunu nafu l-Bibbja kollha iżda qatt ma nkunu esperjenzajna lil Ġesu. Aħna parti minn komunita’, mela l-imġieba tagħna se tħalli effett fuq dawk ta’ madwarna. Bl-imġieba tagħna se nħallu l-friegħi ta’ madwarna jħaddru jew se noqtluhom bl-indifferenza – bin-negattivita! Kultant niltaqgħu ma’ persuni li nħossuhom jixorbuna bin-negattivita tagħhom. Ma nistgħux ngħaddu l-ferħ tal-vanġelu jekk noqgħodu dejjem bil-geddum. Għandna nuru l-ferħ fil-knejjes tagħna b’kant ta’ ferħ u billi nilqgħu lill xulxin. Irridu nifhmu li dak li nagħmlu se jirrifletti fuq il-komunita. Ma nistgħux ngħidu li aħna n-nisrani u nitkellmu baxx. Ma nistgħux ngħidu li aħna nsara u naħlu ħina fuq ix-xogħol. Rridu nagħmlu kollox għal imħabba t’Alla bl-imħabba t’Alla. Mother Theresa kienet tħobb tgħid “ Always do small things with great love.” Hija aktar diffiċli li tħobb lil dawk ta’ madwarek milli titfa’ idejk fil-but u tagħti karita lil min hu l-bogħod minnek bħal nies fil-bżonn fl-Afrika u f’Nepal. Papa Franġisku dejjem iħeġġiġna biex inkunu konxji tal-bżonnijiet ta’ dawk ta’ madwarna, ta’ dawk l-aktar viċin tagħna.
B’egħmilna u kliemna rridu nkunu xhieda ta’ dak li nemmnu.
Fl-Aħħar Ikla li għamel mal-Appostli, Ġesù qalilhom: “Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom” (Ġw 15,16), u dan ifakkar lil kulħadd, u mhux biss lis-saċerdoti, li kull vokazzjoni hi dejjem inizjattiva t’Alla. Aktar lura fl-istess kapitlu 16 vers 18 nsibu: “Jekk id-dinja tobgħodkom, kunu afu li lili bagħditni qabel ma bagħdet lilkom.” .. “ Jekk ippersegwitaw lili, għad jippersegwitaw lilkom ukoll..” Li tkun xhud ta’ Kristu mhix faċli. Irridu nkunu konvinti minn dak li nemmnu u anke meta nkunu għaddejin minn problemi fil-ħajja rridu nħallu lil Ġesu jmexxina – bħalma Ġesu mexxa d-dgħajsa tal-appostli fil-maltempata, aħna rridu nafdaw fil-Mulej u nħallu togħma tajba fejn inkunu tkun xi tkun is-sitwazzjoni. Li tkun nisrani fil-ġurnata tal-llum qed tfisser li tkun saħansitra martri ..refugjati nsara ġew magħżula minn aħwa Musulmani u minnħabba twemminhom ġew mitfugħ il-baħar .Il-grupp estremist Isis qatlu nsara oħra billi qatgħulhom rashom barra.
Nħossu li l-Ġordan hu post sagru? Hawn kien għix Sidna Ġesu Kristu. Qassis mill-Ġordan Father Nabil Haddad qal: “Kif jistgħu l-Musulmani jemmnu li din (il-Gordan) hi l-art Mqaddsa jekk ma jaraw lil ħadd hawn? Nixtieq li nkun kburi bl-ammont ta’ turisti li jiġu jzuru dan il-post sagru.”
Ix-xhieda tagħna bħala nsara trid tibda mill-familja tagħna stess. L-imħabba lejn it-tfal mhux bir-rigali nuruha iżda billi nħobbuhom u nikkoreġuhom bl-imħabba. Li tkun nisrani mhux li tmur l-quddiesa tal-Ħadd biss – iżda nuruh bil-mod kif nitkellmu d-dar, ix-xogħol, u kull fejn inkunu. Irridu nkunu friegħi li jħaddru kull fejn inkunu.
Ssemma ukoll li l-1 ta’ Mejju hi ukoll il-Festa ta’ San Ġuzepp Ħaddiem. Fl-1899, il-Papa Ljun XIII, kien talab lill-ħaddiema jżommu ’l San Ġużepp bħala protettur u l-Mudell tagħhom. Hu xtaqhom ifittxu li jtejbu mhux biss l-affarijiet materjali iżda wkoll dawk spiritwali. San Ġużepp ġie magħżul biex ikun il-Patrun tal-Ħaddiema, mhux biss għax kien jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum bix-xogħol ta’ idejh u bl-għaraq ta’ xbinu, iżda wkoll għax fl-istess waqt kellu jieħu ħsieb, u jmantni lil Ġesu u l-Madonna. Il-ħaddiem għandu jimita lil San Ġużepp, mhux biss li jaħdem bl-onesta, iżda wkoll li jrabbi l-familja tiegħu skond il-qalb t’Alla, u jieħu x-xogħol bħala mezz ta’ salvazzjoni.
Il-Laqgħa nngħalqet bit-talba tal-Missierna u bi stedina għal attivitajiet li se jittelgħu mill-Moviment Kerygma fl-okkazzjoni tal-Jum l-Omm. Għal aktar informazzjoni agħfas hawn.