NIKBRU JEW NIĊKIENU? – Il-25 Ħadd Matul is-Sena – Il-Ħadd 22 ta’ Settembru 2024

NIKBRU JEW NIĊKIENU? – Il-25 Ħadd Matul is-Sena – Il-Ħadd 22 ta’ Settembru 2024

September 14, 2024

Il-25 Ħadd Matul is-Sena

ID-DILEMMA: NIKBRU JEW NIĊKIENU?

Għerf 72: 12,17-20; Salm 53; Ġakbu 3:16-17, 4 1-3; Mark 9: 30-37

Il-Vanġelu

     Telqu minn hemm u għaddew minn nofs il-Galilija, u ma ried li ħadd ikun jaf,  għax beda jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin u joqtluh; u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt.”  Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh.

     Waslu Kafarnahum; u meta kienu d-dar staqsiehom: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?” Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien  l-akbar. Mbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd.” U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom:  “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni

 

Il-Ħsieb

     Il-Mulej huwa magħna dejjem.  Il-Mulej huwa għas-servizz tagħna dejjem.  Isimgħu x’għandna fl-antifona tal-bidu tal-quddiesa tal-lum:  “Jiena s-salvazzjoni tal-poplu”, jgħid il-Mulej, “kull meta jsejħuli fid-dwejjaq tagħhom, jiena nismagħhom u nkun il-Mulej tagħkom għal dejjem” (Danjel 3,31).

  Kemm-il darba għaddejna minn mumenti iebsa fil-ħajja tagħna u ppruvajna nsibu elf faraġ elf soluzzjoni u mhux dik tal-Mulej?  Kemm-il darba fil-ħajja tagħna ppruvajna naħarbu minn dak li l-Mulej irid jagħmel għall-ġid u għall-fejqan tagħna?  Il-Mulej ikun ta’ servizz, iżda l-Vanġelu tal-Kultura Moderna huwa l-oppost.  Kontinwament jipproġetta lill-individwu fuq quddiem, biex jidher.  Fil-moħbi ma jiswa xejn.  Hemm bżonn li tkun kbir, li tidher.  Il-Mulej irid il-kuntrarju.  Il-Mulej iridna nkunu ta’ servizz għall-iżgħar u aħna nkunu żgħar bħalhom.  Diffiċli…aqraw sew il-qari tal-lum.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb ta’ l-Għerf, għandna r-rakkont li f’din id-dinja l-bniedem tajjeb jiġbed fuqu l-għadab tal-ħżiena.  Ħajtu stess hija ċanfira għall-imġiba ħażina ta’ ħafna.  Din kienet il-ġrajja tal-Lhud li kienu f’Lixandra ta’ l-Eġittu, li sabu tifsira għall-għemil li kienu jġibu fuqhom l-Eġizzjani.

    Is-Salm Responsorjali, minn Salm 53, huwa għanja lill-Mulej biex ikun hu dak li jgħinna.  Fit-Tieni Qari San Ġakbu jtenni

li fl-għemil tagħna trid tidher il-fidi tagħna u għalhekk in-nisrani jrid ibiegħed minnu dak li jtebbagħlu ġieħu.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark Ġesù jħabbar il-passjoni tiegħu.  Mhux talli ma fehmuhx id-dixxipli, talli bdew jaraw min kien l-ewwel fosthom.  Ġesù jurihom li min jimxi warajh irid ikun ta’ servizz għal ħaddieħor.

Il-Ħajja

  1. L-għerf li ġej mis-sema huwa għerf safi li jfittex is-sliem, it-tjubija u l-irġulija. Hekk itenni llum San Ġakbu.  Kemm  qed teżerċita fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum dan id-don?
  2. Għalxejn ngħidu li aħna Nsara. Irridu nixhdu li aħna Nsara.  Mill-għemil se jagħrfuha l-fidi tagħna.
  3. Il-fidi tagħna hija mixja wara Ġesù fis-servizz tal-fqir u l-batut. Kemm tassew qed inkunu ta’ servizz għal min huwa fil-bżonn u fiċ-ċkejknin ta’ madwarna?  Xi kultant il-fqir u l-batut jista’ jkun fid-dar tagħna.
  4. Irridu niftħu għajnejna biex nilqgħu liċ-ċkejknin. Hemm tassew inkunu qed inħaddmu l-fidi tagħna u nilqgħu lil Kristu.

Id-Djalogu

  Mulej,

  fil-ħajja ta’ kuljum,

  iftaħli sew għajnejja,

  sabiex nagħraf lilek fil-fqir u l-batut.