TALLAB AGĦMA – It-30 Ħadd Matul is-Sena – 27 t’Ottubru 2024
It-30 Ħadd Matul is-Sena
TALLAB AGĦMA
Ġeremija 31: 7-9; Salm 125; Lhud 5: 1-6; Mark 10: 46-52
Il-Vanġelu
U waslu Ġeriko. Hu u ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma’ kotra kbira ta’ nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda mal-ġenb tat-triq. Dan, meta sama’ li kien Ġesù ta’ Nazaret, qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!” Kien hemm ħafna li bdew jgħajjtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!” Ġesù waqaf u qal: “Sejjħulu.” Huma sejjħu l-agħma u qalulu: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek.” Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù. U Ġesù kellmu u qallu: “Xi tridni nagħmillek?” “Li nerġa’ nara, Rabbuni,” wieġbu l-agħma. “Mur,” qallu Ġesù, “il-fidi tiegħek fejjqitek.” U minnufih raġa’ beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq.
Il-Ħsieb
Tallâb agħma sema’ li ġej Ġesu u sfaċċatament għamel il-kuraġġ, neħħa kull mistħija u beda jgħajjat: Ikollok ħniena minni. Ilkoll kemm aħna nagħmlu mumenti mill-ħajja tagħna fid-dlam. L-iżball huwa li xi kultant, minkejja li nkunu fid-dlam, ma nittalbux. Nistħu jew nidraw id-dlam u ma jkollna l-ebda xewqa li nfiqu. L-agħma jagħtina eżempju. Kif kellu l-ewwel indikazzjoni li riesaq lejh Ġesu, beda jgħajjat. ried jagħmel l-esperjenza ta’ fejqan li Ġesu biss seta’ jagħtih. Kellu għatx għall-veru dawl. Għandna aħnda dan l-għatx biex nibdlu l-ħajja tagħna? Għandna aħna dan il-għatx biex ngħajtu lil Ġesu sabiex ifejjaqna? Ġesu kontinwament imissna bl-imħabba tiegħu u jgħidilna: Il-fidi tiegħek fejqitek. Imma jrid ikollna fidi qawwija bħal dik tallâb agħma. kemm nistgħu ngħidu li għandna din il-fidi? Dan huwa Ħadd fejn il-liturġija tiftħilna għajnejna għall-veru dawl iżda fuq kollox trid tagħmlilna kuraġġ. Hemm tama kbira għall-fejqan tagħna!
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija, għandna silta fejn Alla jidher bħal ragħaj tajjeb li jiġbor flimkien dak li fadal mill-merħla tiegħu, jiġifieri l-Lhud ta’ wara l-eżilju ta’ Babel. Wara t-tisfija, dan il-poplu se jibni ġens ġdid. Dan iseħħ għax Alla huwa ħanin. Dan il-kobor ta’ għemil insibuh fis-Salm 125 – KBIR U F’GĦAEMILU L-MULEJ MAGĦNA! Fit-Tieni Qari tal-lum, meħdu mill-Ittra lill-Lhud, għandna l-idea tal-qassis il-kbir li kien meħtieġ li jiġi magħżul mill-bnedmin. Xogħol il-qass il-kbir li Alla jagħżlu biex bl-offerta tiegħu jpatti għad-dnubiet ta’ l-oħrajn. Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Mark, għandna l-għajta ta’ Bartilmew bin Timew, tallâb agħma. Ried lill-Mulej ifejqu. Il-Mulej itenni li l-fidi tiegħu stess fejqitu.
Il-Ħajja
- Irridu li tassew il-Mulej imissna u jfejjaqna mill-ħażen tagħna? Li jagħtina d-dawl mill-ġdid?
- Kemm qegħdin nittallbu u nitolbu lilu biex ikun magħna kull ħin, speċjalment fil-mumenti li nħossuna mitlufin b’nuqqas ta’ fidi?
- Kemm qed nuru l-ferħ tagħna f’ħajjita li l-Mulej huwa preżenti magħna? Qegħdin nagħtu xhieda fi djarna u fuq il-post tax-xogħol tagħna?
- Il-Mulej jersaq lejn il-persuni bi ħtiġijiet speċjali biex ifejjaq u jqawwi l-qalb. Din hija l-missjoni tagħna l-Insara. Qiegħed tagħti sehmek?
Id-Djalogu
Mulej Ġesu
inti li missejt u tajt id-dawl lit-tallab agħma,
nitolbok inżel ħdejja u miss il-pjagi u l-problemi tiegħi.
Għinni kull ħin nikseb id-dawl,
li bih nagħraf nimx warajk kull ħin.