KEMM GĦANDEK ALLAT F’ĦAJTEK? – Il-31 Ħadd Matul is-Sena (B) – L-4 ta’ Novembru 2018

KEMM GĦANDEK ALLAT F’ĦAJTEK? – Il-31 Ħadd Matul is-Sena (B) – L-4 ta’ Novembru 2018

October 11, 2018

Il-31 Ħadd Matul is-Sena

KEMM GĦANDEK ALLAT F’ĦAJTEK?

Dewteronomju 6, 2-6; Salm 17; Lhud 7, 23-28; Mark 12, 28b-34

Il-Vanġelu

     Wieħed mill-kittieba resaq fuqu u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?” Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: Isma’ Iżrael; il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha.  U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn.” Qallu l-kittieb: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu. Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha.” Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ‘il bogħod mis-Saltna ta’ Alla.” U ħadd ma kellu l-ħila jistaqsih iżjed.

Il-Ħsieb

     Il-paġna tal-Vanġelu tal-lum turina t-tagħlim ta’ Ġesù dwar il-kmandamenti ta’ l-Imħabba.  Turina r-rivoluzzjoni li għamel Ġesù proprju f’dan il-kamp, speċjalment fl-iżvilupp ta’ l-idea li kien hemm mill-Antik Testment.  Turina wkoll ir-rapport li għandu jkun hemm bejn fidi u mħabba u bejn l-imħabba ta’ Alla u l-imħabba tal-proxxmu.  It-tieni qari jurina l-qawwa tas-saċerdozju ta’ Kristu.

     Biex nidħlu sew fil-messaġġi tal-liturġija tal-lum irridu nżommu quddiem għajnejna diversi mistoqsijiet li wieħed irid

iwieġeb fil-fond ta’ qalbu:  IMMA KEMM GĦANDNA ALLAT FIL-ĦAJJA TAGĦNA?

     Irridu nifhmu u naċċettaw li hemm biss Alla wieħed fil-ħajja tagħna u rridu nimxu b’fidi kbira u bi mħabba kbira lejn dan Alla.  Permezz ta’ hekk anki r-rapport tagħna mal-proxxmu tagħna jkun rapport ta’ mħabba akbar u sinċiera nieqsa mill-artifiċjalita li ħafna drabi nipprattikaw fl-imħabba lejn il-proxxmu tagħna.

Il-Kelma

     Fl-ewwel qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju, għandna l-wegħda ta’ Alla lill-poplu ta’ Israel li se jitfa’ fuqu barka u grazzja jekk dan jibqa’ fidil lejh.  Fis-Salm 17 naraw li l-MULEJ HUWA L-BLATA TAGĦNA u għalhekk ma nistgħux ma nħobbuhx.  It-tieni qari mill-Ittra lil-Lhud itenni li s-Saċerdozju ta’ Kristu jisboq bil-bosta s-saċerdozju tar-Rabta l-Qadima.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark, Ġesù jgħaqqad flimkien l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu.

Il-Ħajja

  1. L-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu? Jeżistu fir-rutina tiegħek ta’ kuljum?
  2. Kemm tassew tista’ tgħid li s’issa f’ħajtek ħabbejt lil Alla? Kif?
  3. L-imħabba tal-proxxmu skarsa fil-ħajja tiegħek?
  4. Hemm bżonn QAWMIEN ĠDID fil-fidi tagħna. Fuq il-fidi tagħna nistgħu nibnu rapport ta’ mħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu tagħna.

Id-Djalogu

  Mulej, għallimni nifhem u ngħix l-imħabba miegħek u mal proxxmu.