ATTENTI MILL-IPOKRITI – It-32 Ħadd Matul is-Sena -11 ta’ Novembru 2018
It-32 Ħadd Matul is-Sena
IFTĦU GĦAJNEJKOM MILL-IPOKRITI
1 Slaten 17, 10-16; Salm 145; Lhud 9, 24-28; Mark 12, 38-44
Il-Vanġelu
Hu u jgħallimhom qal ukoll: “Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez, u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa.”
Kien qiegħed biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi tliet ħabbiet. Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor. Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kull ma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix.”
Il-Ħsieb
Kemm-ildarba nkunu kapaċi nirreċtaw u mhux ngħixu l-ħajja tagħna? Kapaċi nagħmlu show u spettaklu mill-istess ħajja tagħna? Jekk tħares ftit madwarek, fit-triq, forsi fl-istess familja u fl-istess komunita ta’ fidi li tipparteċipa fiha, issib ħafna minn dawn u forsi anki inti stess. Li nagħmlu, anki fir-reliġjon tagħna, nagħmluh għal wiċċ in-nies.
U bla dubju ta’ xejn dan jagħmel mill-fidi tagħna KARIKATURA U FARSA. Għax il-fidi trid tissaqqa’ fis-sinċerita u fl-awtentiċita. Huwa għal dan il-għan li l-kliem ta’ Ġesù li jtenni fil-Vanġelu tal-lum jista’ jitqies bħal xabla li taqta’ b’żewġt ixfar. Kemm tassew aħna nistgħu ma nagħtux każ ta’ dan id-diskors? Jekk ma nagħtux każ, ħajjitna tibqa’ fil-medjokrita.
Il-Kelma
Fl-ewwel qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten insibu rakkont ta’ kif Elija ħarab minn pajjiżu u jsib l-għajnuna skond ma wegħdu Alla nnifsu għand waħda armla pagana li, għalkemm fqira, qasmet dak kollu li kellha mal-bniedem ta’ Alla. Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 145, għandna tifħir lill-Mulej għax huwa dejjem mal-parti tal-fqir.
Fit-tieni qari mill-Ittra lil-Lhud, insibu li Kristu mhux biss huwa s-Saċerdot il-Waħdieni tar-Rabta l-Ġdida iżda wkoll il-vittma waħdanija. Fil-Vanġelu ta’ San Mark għandna lil Ġesù jwissi biex niftħu għajnejna mill-ipokresija u l-artifiċjalita. Alla jrid jara l-qalb tal-bniedem u mhux il-pożi u r-reċti li ħafna drabi naqgħu fihom f’ħajjitna.
Il-Ħajja
- Lill-mara armla, Ġesu faħħarha għax tefgħet kulma kellha. Inti x’għandek u x’qed tagħti? Qed tagħti miż-żejjed li għandek?
- Kemm tassew qed nimxu f’ħajjitna wara affarijiet artifiċjali li jgħaddu u ser jispiċċaw?
- Għaliex qed nibżgħu nagħmlu għażla radikali għal Alla?
- Kemm tassew qed napprezzaw is-sagrifiċċju waħdieni li għamel Ġesù għalina l-bnedmin?
- Hemm bżonn li nagħmlu għażla WAĦDA U RADIKALI għal Ġesù.
Id-Djalogu
Mulej, għallimni ngħix b’sinċerita l-fidi tiegħi.