Inħobbu daqs Ġesu? – Prayer Cafè – 22 t’April 2016
Il-laqgħa Prayer Cafe tal-ġimgħa 22 t’April bdiet bil-qari tal-vanġelu tal-Ħadd li jmiss mehud mill-Evanġelu ta’ San Ġwann Kapitlu 13 Versi 31-33a,34-35. Dawn li ġejjin huma xi ħsibijiet li ħew diskussi waqt il-laqgħa.
Il-qari ta’ Żmien il-Għid igħaddina ta’ sikwit minn passaġġ ta’ din id-dinja li qegħdin fiha għal dik li għad irridu naslu fiha, u bil-maqlub. Ifakkarna f’dak li suppost inkunu, dak li mexjin lejh, u jurina fl-istess waqt is-sitwazzjoni tagħna f’din it-triq. Papa Franġisku jiċċalinġjana b’mistoqsijiet fl-omeliji tiegħu ta’ kuljum biex neżaminaw is-sitwazzjoni tagħna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
It-TIENI QARI tal-Ħadd li ġej mehud mill-ktieb tal-Apokalissi jitkellem dwar Ġerusalemm il-ġdid; hija l-skop tagħna l-insara. Biex tgħina fil-mixja tagħna Kristu waqqaf il-knisja; li hi magħrufa wkoll bħala l-Wiċċ ta’ Kristu Sidna; biex tmexxina għal ħajja ta’ dejjem. Barra minn hekk fl-aħħar ċena Kristu ħallilna wkoll lilu nnifsu biex nitrejjqu u ngħixu bih. Speċjalment waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija għandna niftakru li fil-quddies aħna nitqarbnu b’żewġ speċi ; bit-tqarbina tal-Kelma t’Alla u għandna t-tqarbina bl-Ispeċi u l-Ħobż. Infatti laqgħat bħal din jippreparawna għal din il-laqgħa Ewkaristika.
Dan il-vanġelu seħħ wara li Ġuda telaq mill-aħħar ċenaklu tal-Appostli ma’ Sidna Ġesu qabel il-passjoni tiegħu. Kien il-waqt li l-missjoni ta’ Ġesu f’din id-dinja kienet waslet fi tmiem tagħha. Nsibu lill-apostli bezgħana u kif turina l-istorja kif ġie l-iebes telqu kollha. Ma kienx Ġuda biss li tradih li Ġesu. Papa Franġisku jħobb isemmi l-ipokresija – ipokresija tal-Fariżej u tagħna nfusna; li faċli naraw id-difetti ta’ l-oħrajn iżda ninsew nħarsu lejn id-difetti tagħna nfusna. Infatti l-Papa jgħid li jħoss dieqa kbira meta jisma’ li l-qassisin il-kbar kienu magħluqa għall-indiema ta’ Ġuda. Dan meta nduna l-iżball tiegħu mar niedem biex jerġa jagħtihom lura l-flus li tawh imma dawn ma aċċettawhomx. Rejazzjoni li waslet lil Ġuda jitgħallaq fid-disperazzjoni tiegħu. Il-qassisin kienu moħħhom fir-regoli u xejn ma importahom mill-ħajja tal-persuna. Hawn il-Papa jrid jpoġġilna quddiem għajnejna l-ebusija tal-qalbna lejn il-midneb.
Il-qofol ta’ dan il-vanġelu hija s-sentenza; “ Se nagħtikom kmandament ġdid li tħobbu lil xulxin. ” Qabel Kristu l-poplu Lhudi wkoll kien imsejjaħ li jħobb u jgħin lil għajru. Fi spjega ta’ Santu Wistin dwar dan, insibu li għalkemm dan il-kmandament kien ġa jeżisti huwa ġdid biss għaliex aħna nżajna l-bniedem il-qadim u bi Kristu lbisna l-bniedem il-ġdid għax l-imħabba vera ġġeded lil kull min jismagħha. Infatti l-Mulej Ġesu kompla jgħid “Bħalma ħabbejtkom jien..” biex jgħamel għażla mill-imħabba li toffri d-dinja. Hu ħabbna bi gratwita mingħajr ma jistenna xejn lura. Alla jħobbna kif aħna. Pero hawn rridu noqgħodu attenti. Dan ma jfissirx li wieħed jista’ jagħmel dak kollu li jiġih f’moħħu..iżda l-Mulej tant jirrispettana li jagħtina l-liberta li nagħżlu aħna xi triq irridu nieħdu u jibqa’ jagħtina mumenti ta’ grazzja biex nerġgħu nirritornaw lura lejH. Id-differerenza li kien hemm bejn Ġuda u San Pietru, kienet li Ġuda mar bl-indiema tiegħu fejn il-bnedmin u fin-nuqqas ta’ ħniena mar tgħallaq; filwaqt li San Pietru ltaqa’ mal-ħniena u l-maħfra f’għajnejn Ġesu u setgħa jkompli l-mixja tiegħu fit-triq tal-Mulej bil-waqgħat u l-qawmien kollha li għadda minnhom.
Papa Franġisku il-ġimgħa 22 t’April fl-omelija tiegħu qal li n-nisrani awtentiku jrid jħabbar bil-kelma u b’għemilu li jemmen fl-Interċessjoni u jrid jittama u jkollu fiduċja fi KRISTU.
L-ewwel patt li għamel Alla kien ma Mose patt ta’ Liġi biex jgħin lil-poplu Lhudi hu u għaddej fil-mixja tiegħu lejn l-art imwegħda. Aħna wkoll bil-miġja ta’ Kristu ġejna mwegħda Ġerusalemm ġdida. L-ġenna. Filwaqt li fi żmien Mose l-għadu kienu jtemmuh bix-xabla issa aħna għandna kmandament ieħor dak li irridu nħobbu l-għadu tagħna. Mhix faċli. Kristu jrid Imħabba altruwista.
Se nagħtikom kmandament ġdid tqanqal eċċitament ta’ stennija għal ġdid. Aħna meta mmuru nismgħu l-quddies qiegħdin immorru b’din l-antiċipazzjoni għal Kelma t’Alla? Kif qegħda tgħolqotna fil-ħajja personali tagħna ta’ kuljum? X’ħin noħorġu mill-Knisja qegħdin inkomplu bħal qabel? Morru biss bi tradizzjoni jew isir bdil ġenwienament ġewwa fina?
Bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu naslu li nħobbu lil xulxin bħalma ħabbna Ġesu. Il-veru mħabba huwa l-qagħdi. Infatti din is-silta tal-vanġelu mehuda mit-test li jibda bil-ħasil tar-riġlejn. Niftakru li Ġesu ħasel anke s-saqajn ta’ Ġuda avolja kien ġa jaf li kien se jitraddih. X’lezzjoni għalina lkoll! X’messaġġ ! Anke bid-dnubiet tagħna jkun hemm mumenti li aħna wkoll sirna Ġuda għal Kristu għal dak il-mument ngħidulu warrab ‘l hemm. Imma HU li jaf kemm aħna dgħajfa ħallielna rimedju biex nerġgħu mmorru lura għandu – ħallielna s-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, li jerġa jqarribna lejn Alla l-Missier. Hemm bżonn li nerġgħu nibdew nagħtuh l -importanza li jistħoqlu għax m’aħniex nersqu biżżejjed lejn dan is-sagrament. Permezz tiegħu nħossu t-tgħannieqa tal-Missier kif dejjem jgħid Papa Franġisku. Infatti fit-talba tal-Ħniena tal-Ġublew insibu: “Int ridt li l-ministri tiegħek ikunu huma wkoll imlibbsa bid-dgħufija biex jistgħu jħossu għal dawk li qegħdin fl-injoranza u l-iżball; agħmel li kull min jersaq lejn wieħed minnhom iħossu milqugħ, maħbub u maħfur minn Alla.” Aħna lkoll midinba. Konfessur tajjeb jwasslek biex issib l-paċi u lil Alla. Meta tħossok maħfur tista taħfer lil ħaddieħor. Din hi l-mediċina li għandna bżonn biex infejqu r-ruħ. Din hi l-Elizir tagħna l-insara li biex nifhmu dan il-kmandament il-ġdid – li nħobbu lil xulxin bħalma ħabbna Hu – rridu nagħtu importanza lis-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni.
Wara din l-ispjega nqrat kwotazzjoni minn ta’ Mother Theresa: “ Xerrdu l-imħabba kull fejn tmorru. Tħallu lil ħadd jiġi għandkom mingħajr ma jitlaq aktar ferħan.”
Il-laqgħa ngħalqet billi għidna t-talba tal-Missierna flimkien.