L-ASPETT PASTORALI TAL-VJAĠĠI TAL-PAPA FRANĠISKU
Il-laqgħa bdiet bit-Talba tal-Moviment.
Knisja li toħroġ:
Kien mill-katakombi li ħarġet il-Knisja, u hekk ukoll illum il-Knisja trid toħroġ ‘il barra. Dan hu l-messaġġ kontinwu tal-Papa Franġisku. Meta qed jitkellem hekk, il-Papa jfisser Knisja li ma tibqgħax fis-sagristija, li ma tibqgħax maqfula fl-għaqdiet. Dawn huma postijiet importanti, għax huma l-postijiet fejn il-Knisja trid tinbena. Imma mbagħad irridu nkunu Knisja li toħroġ ‘il barra. Il-Knisja tfisser l-imgħamdin kollha. Aħna lkoll imsejħa biex inxandru l-Aħbar it-Tajba. Il-vjaġġi tal-Papa huma proprju biex iwassal dan il-messaġġ ta’ Knisja li toħroġ.
Knisja li titkellem:
L-ewwel laqgħa li jagħmel il-Papa fil-vjaġġi tiegħu tkun mas-soċjeta’ ċivili – il-President, membri tal-Parlament, ambaxxaturi etċ. L-ewwel messaġġ li jwassal huwa lilhom – il-Knisja trid tkun f’dan id-djalogu kontinwu mad-dinja biex aħna nwasslulhom il-messaġġ tal-Evanġelju.
Kelli ngħid kelma ta’ ġid għidtha? Kelma ta’ ġid, kelma ta’ kuraġġ, tagħti daqqa t’id – dak li jimpurtah Alla. U dan hu li qed jagħmel il-Papa – jiltaqa’ mal-foqra, mal-batuti. Hu Papa li jrid ikun qalb in-nies għax in-nisrani ma jistgħax ikun imsakkar waħdu.
Il-Papa jiltaqa’ wkoll maż-żgħażagħ fil-vjaġġi tiegħu, biex juri li dawn huma parti mill-ħidma tal-Knisja llum. Il-Papa jagħti mportanza liż-żgħażagħ u l-anzjani flimkien, għax tal-ewwel għandhom bżonn l-esperjenza tal-anzjani, u dawn għanhom bżonn il ħeġġa taż-żgħażagħ.
Knisja li titkellem, mhux fuq il-pulptu biss, imma billi tiltaqa’ man-nies, tara l-problemi tagħhom, tiddiskuti magħhom u tħallihom jitkellmu.
Knisja li tisma’:
Il-Papa iktar jagħti mportanza lil dak li jridu jgħidulu n-nies milli lil dak li jkun irid jgħidilhom hu. Jekk aħna ma nisimgħux il-weġgħat tan-nies, kif nistgħu ngħinuhom? Irridu nisimgħu u naraw x’għandom bżonn fiċ-ċirkostanzi tal-lum. Il-Papa, permezz ta’ dawn il-vjaġġi, irid juri li hemm bżonn li l-Knisja toħroġ, li tisma’ u li titkellem.
Il-Papa, kif jagħmel fit-tmiem ta’ kull vjaġġ, fuq l-ajruplan lura lejn il-Vatikan, jagħmel konferenza stampa għall-ġurnalisti li jivvjaġġaw miegħu. Jagħmlulu kull tip ta’ domandi, u hu jwieġeb mill-aħjar mod li jista’, bl-iktar mod sinċier u miftuħ.
F’dawn il-vjaġġi, il-Papa mhu qed jagħmel xejn ġdid li ma kienx ilu jagħmel qabel. Meta kien Arċisqof ta’ Buenos Aires, kien jivvjaġġa kuljum b’tal-linja biex ikun qalb in-nies. Irid jurina li rridu nkunu Knisja qalb in-nies, biex titkellem magħhom u tismagħhom.
Knisja miftuħa għal insara oħra u reliġjonijiet oħra:
Il-Papa ma jmurx fuq dawn il-vjaġġi biex jiltaqa’ mal-Kattoliċi biss, imma ma’ nsara oħra, bħal Protestanti, Ortodossi, Luterani u Anglikani, fost oħrajn. Jiltaqa’ wkoll ma’ Musulmani, Lhud, u Buddisti, għax il-messaġġ tal-Vanġelu ma nistgħux inwassluh biss li ta’ ġewwa, imma lil kulħadd: “Morru mad-dinja kollha…”
Knisja tal-fqar u l-batuti:
L-ewwel vjaġġ tal-Papa kien f’Lampedusa – vjaġġ b’messaġġ qawwi. Irid li l-Knisja – aħna lkoll – inkunu qalb in-nies, speċjalment dawk li qegħdin ibatu. Irid ikollna l-umanita’, li nħossu għal min qed ibati.
Meta l-qassis, fl-aħħar tal quddiesa, jgħid “Morru fil-paċi ta’ Kristu”, ikun qed jibgħatna biex dak li rċevejna waqt il-quddiesa nwassluh lill-oħrajn. Dan hu li jagħmel il-Papa fil-vjaġġi tiegħu.
Meta mar il-Calabria u ltaqa’ mall-ħaddiema qal li t-tort ta’ dak kollu li jiġri fid-dinja hu li fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna poġġejna l-alla falz tal-flus. Alla jrid li fiċ-ċentru tad-dinja jkun hemm il-bniedem, għax meta Alla sar bniedem fil-persuna ta’ Ġesu’ kristu, Hu poġġa lill-bniedem fiċ-ċentru.
Meta ngħidu Knisja tal-fqar u l-batuti mhux qed nitkellmu biss fuq il-faqar tal-but, imma wkoll fuq il-faqar spiritwali, l-faqar ta’ mingħajr Alla.
Knisja b’messaġġ ta’ tama:
Jitkellem fuqiex jitkellem, il-Papa dejjem jispiċċa d-diskors tiegħu b’messaġġ ta’ tama. In-nisrani veru hu dak li, minkejja l-ħażen kollu, il-problemi u d-diffikultajiet kollha, xorta jara illi hemm messaġġ ta’ tama. Infatti, fl-aktar mumenti li l-Knisja kienet għaddejja minn żminijiet koroh u diffiċli, Alla pprovda lil Knisja qaddisin kbar.
Alla jara l-indiema, id-disponnibbilta’ tal-qalb. Ħadd minna mhu qaddis. Aħna lkoll għandna bżonn il-ħniena t’Alla. Imma aħna lkoll nistgħu nkunu Kristu ieħor għall-oħrajn.
Il-Papa jiddiskrivi l-Knisja bħala sptar fuq il-kamp tal-battalja. U fi sptar, morda ssib! Allura m’għandniex neħduha bi kbira li fil-Knisja nsibu min hu marid spiritwalment. Kieku aħna lkoll qaddisin, kieku l-Knisja m’hemmx bżonnha. Aħna mmorru l-Knisja għax għandna bżonn il-fejqan.
Knisja għal ta’ ġewwa wkoll:
Il-Papa jitkellem kemm ma’ ta’ ġewwa kif ukoll ma’ ta’ barra. Alla jridna nwasslu l-Aħbar it-Tajba fl-ambjent ta’ madwarna – id-dar, fuq ix-xogħol, fil-ħanut, etċ. Irridu nagħmlu l-vjaġġ tagħna biex nilħqu lill-oħrajn – il-vjaġġ tal-Kelma t’Alla. Ma nħallux lix-xitan jaqtalna qalbna. Irridu nagħmlu l-parti tagħna mill-aħjar li nistgħu.
Il-Papa jisħaq ukoll fuq l-importanza tal-ġenituri u n-nanniet li jridu jwasslu dan il-messaġġ liż-żgħar.
U l-Papa jgħid ukoll li l-messaġġ tal-Vanġelu hu Kristu Rxoxt – l-Aħbar it-Tajba li, minkejja ċ-ċirkustanzi li nkunu għaddejjin minnhom, aħna rridu ngħidu: “Mulej, agħmel minni dak li trid Int”
Il-laqgħa għalqet bit-Talba tal-Missierna.