JISTA’ GĦAMA JMEXXI GĦAMA? – It-8 Ħadd Matul is-Sena Ċ – 2 ta’ Marzu 2025

JISTA’ GĦAMA JMEXXI GĦAMA? – It-8 Ħadd Matul is-Sena Ċ – 2 ta’ Marzu 2025

February 28, 2025

It-8 Ħadd Matul is-Sena Ċ

JISTA’ GĦAMA JMEXXI GĦAMA?

Sir 27,4-7;  Salm 91;1 Kor 15, 54-58; Luqa 6,39-45

Il-Vanġelu

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (6:39-45)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli din il-parabbola: «Jista’ agħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra? Id-dixxiplu mhuwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu.

Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Kif tista’ tgħidlu lil ħuk: “Ħi, ejja nneħħilek it-tibna li għandek f’għajnek”, meta m’intix tara t-travu li għandek f’għajnek int? Ja wiċċ b’ieħor! Neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk.

Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-għolliq.

Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.

Il-Kelma tal-Mulej.

Tifħir lilek Kristu.

 

 

Il-Ħsieb

Forsi fil-ħajja tagħna ġieli ddispjaċiena li tlabna parir mingħand persuni li ma kinux kapaċi jagħtuna risposta, jew li żżattu jtuna risposta u sibna ruħna f’għali akbar?  Kemm-il darba forsi lagħbnieha minflok għexna ta’ qaddisin fil-ħajja tagħna?  Kemm-il darba konna minn ta’ l-ewwel li ġġudikajna lil ħaddieħor minflok ma dawwarna s-subgħa tal-kritika lejna nfusna?  Kif qatt nistgħu nikbru fil-ħajja tagħna jekk aħna dejjem inqisu ruħna bħala perfetti?  Dan l-atteġjament jurina biss li għadna immaturi u jkabbar fina l-egoiżmu u s-suppervja.

L-attaġġjament ta’ suppervja tagħna rridu nibdluh immedjatament.  Dan nistgħu nagħmluh billi nintelqu f’idejn ir-rieda ta’ Alla.  Huwa Alla li jrid u jista’ jfejjaqna mis-suppervja tagħna.  Huwa Alla li jista’ jiżra fina t-trankwilitaÏ li permezz tagħha nagħmlu deċiżjonijiet tajba fil-ħajja.  Huwa Alla li jista’ jagħtina d-dawl li permezz tiegħu nagħmlu deċiżjonijiet tajba fl-istess ħajja tagħna.

 

Il-Kelma

L-ewwel qari tal-lum huwa meħud mill-ktieb ta’ Bin Sirak u jurina li wieħed jingħaraf sewwa x’inhu minn għemilu stess.  Bil-kliem biss ma naslu mkien.  Il-fatti kollox fil-ħajja tagħna.  Is-Salm Responsorjali, minn Salm 91 jurina li biex wieħed jimxi wara Kristu jrid ikun sinċier.  L-imġiba tagħna minn barra trid tkun taqbel ma’ dik ta’ ġewwa.

Fit-Tieni Qari tal-lum huwa meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin u fiha l-Appostlu juri li għan-nisrani li jemmen fil-qawmien mill-Imwiet, ir-rebħa ġa bdiet, iżda hija rebħa li rridu nipparteċipaw fiha bil-ħidma tagħna.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna lil Ġesù juri li s-sinċerita fit-tagħlim tal-Vanġelu għandha post quddiem nett.  Ġesù jwissi biex id-dixxipli jegħlbu l-ipokresija.

 

Il-Ħajja

  1. Taħseb li miexi fit-triq it-tajba?
  2. Minn liema għajn qed tixrob?
  3. Kemm int ċert mis-salvazzjoni tiegħek?
  4. Kapaċi tumilja ruħek, jew is-suppervja tirrenja fil-ħajja tiegħek?
  5. Kemm tassew qed tħalli lil Ġesù jneħħi jew it-tibna jew it-travu

minn għajnejk?

 

Id-Djalogu

Mulej, tħallinix inkun supperv bija nnifsi.  Agħmel, Mulej, li kontinwament ninduna bl-iżbalji tiegħi biex nersaq lejk.