Fejn tieqaf il-liġi, hemm tibda l-imħabba – Prayer Cafè – 28 t’Ottubru 2016
Il-laqgħa tat-28 t’Ottubru 2016 tmexxiet minn Dr. Paul Pace li huwa lecturer fl-Universita ta’ Malta kif ukoll membru tal-Kummissjoni Interdjoċesana dwar l-Ambjent tad-Djoċesi ta’ Malta. Din il-kummissjoni kienet waħda mill-frott tal-aħħar sinodu li sar; u l-iskopijiet tagħha huma li sservi bħala kuxjenza għall-Kurja nnifisha għad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-ambjent, li titkellem u tkun vuċi dwar xi kwistjonijiet li jaffetwaw l-ambjent ta’ madwarna u t-tielet li teduka u tinforma n-nies dwar ċertu deċiżjonijiet u affarijiet li jkunu qed iseħħu. Il-fatt li hija interdjoċesana jfisser ukoll li tinkludi fiha l-gżira ta’ Għawdex.
Dr. Paul Pace introduċa l-Enċiklika ‘Laudato Si’ li bħala frażi tfisser tkun imfaħħar, frażi bit-Taljan antik meħuda minn talba ta’ San Franġisk. Dan l-isem huwa parti mill-poeżija/talba tal-Kantiku tal-Ħolqien ta’ San Franġisk. Franġisku kien bniedem qaddis li kien imsejjaħ minn Alla sabiex jirrestawra l-Knisja tiegħu; u l-Papa jippreżentah bħala mudell. Kien għalhekk li Franġisku jagħti każ kemm tal-Knisja kif ukoll tan-nies li hemm ġewwa fiha. Kien bniedem li ħadem ħafna għall-ġustizzja soċjali filwaqt li kien bniedem mimli bil-paċi interjuri u li għadu jġennen in-nies għal warajh sal-lum il-ġurnata.
Dr. Pace kompla jispjega il-kunċett bażiku tal-ekoloġija integrali li kien beda qablu l-Papa Benedittu XVI. Żvilupp sostenibbli huwa li meta l-iżvilupp isir, jingħataw ukoll iċ-ċans li jiżviluppaw dawk il-persuni li għad jiġu warajja. Dan jista’ jiġi kkunsidrat bħala liġi. Issa Ġesu Kristu ġie biex jgħallimna li fejn tieqaf il-liġi, hemm tibda l-imħabba. Għalhekk l-iżvilupp sostenibbli għall-Knisja irridu narawh mil-lat ta’ relazzjonijiet. Dan id-dokument, l-enċiklika ‘Laudato Si’ titkellem dwar relazzjonijiet li huma marbuta ma’ xulxin. L-ewwel waħda hija: “Jiena x’iwassalni biex ma jimpurtanix minnek u ma nirrispettakx bl-aġir tiegħi?” It-tieni ħaġa hija aħna nfusna; kemm huwa mportanti li aħna rigal minn Alla għalina nfusna kif ukoll għal dawk ta’ madwarna. Il-Papa f’din l-enċiklika aktar milli jitkellem dwar l-ambjent, jitkellem dwar il-ħolqien għaliex jindika li hemm relazzjoni bejn min ħalaq u l-ħolqien.
Il-Papa jitkellem kif il-mentalitá li l-flus huma kollox, twassalna biex nagħmlu li rridu fl-ambjent. Il-Papa Ġwanni Pawlu II kien qal li aħna għandna kriżi fil-valuri fejn aħna poġġejna l-flus qabel kollox. Dr. Pace ġab l-eżempju kif pereżempju meta beda jiġi diskuss it-tunnel għal Għawdex, l-ewwel marru grupp ta’ imprendituri Maltin biex jaraw jekk hix vijabbli; vijabbli b’mod speċjali b’mod ekonomiku. Il-ġid ekonomiku qiegħed jiġi qabel kollox, qabel l-impatt fuq il-gżejjer u fuq in-nies u l-mod kif jgħixu. Il-gwaj hu li kollox jibda jiġi mgħawweġ sabiex naslu għall-iskop aħħari għall-profitt ekonomiku.
Dr. Pace semma eżempju ta’ persuna Maltija li għaliha ma kinux jiġu l-flus l-ewwel. Il-persuna li semma’ kien Vincenzo Bugeja li wara li kien rebaħ ħafna flus barra minn Malta, meta ġie lura Malta huwa nvestihom fejn kien hemm verament bżonn dak iż-żmien; investa f’konservatorju li jgħin nies bi problemi soċjali u jagħti kenn għal tfajliet bi problemi.
L-ambjent huwa magħmul minn diversi biċċiet li huma magħquda flimkien. Inti trid tara l-affarijiet kif inhuma mingħajr ma tilbes nuċċalijiet; nuċċalijiet tal-partit partiġġjan politiku tiegħek.
Il-Papa fl-enċiklika tiegħu semma kif il-Papa qiegħed jikkritika sistema li għandna ta’ poter u teknoloġija. It-teknoloġija qiegħda tiġi użata biex inkabbru l-miżerja ħalli nkabbru l-profitti. Dr. Pace semma l-eżempju kif f’pajjiżi bħall-Afrika, l-ilma qiegħed jiġi użat bħala mezz għall-profitt.
Il-Papa semma wkoll il-valur ta’ kull ħlejqa fejn jikkritika r-rispett għall-ħajja fil-forom kollha tagħha. Kull ħlejqa għandha r-rwol tagħha u parti min-natura. L-importanza tal-ħlejqiet ma għandhiex tiġi abbinata ma’ kemm tiswa jew kemm tirrendi flus.
Is-sens uman tal-ekoloġija integrali jpoġġi l-bniedem bħala parti essenzjali mill-ħolqien u l-ħolqien huwa komplut permezz tal-bniedem. L-univers u l-bniedem huwa kompluti permezz ta’ xulxin.
Dr. Pace semma diversi affarijiet bħal-ħwejjeġ li nilbsu illi sabiex dawn isiru, in-nies isiru biss għodda ta’ profitt u tinqered għal kollox id-dinjitá tagħhom.
Lejn l-aħħar tal-laqgħa Dr. Pace elenka t-taqsimiet differenti tal-Enċiklika ‘Laudato Si’. L-Ewwel kapitlu jitkellem dwar x’inhuma l-problemi. It-tieni kapitlu jitkellem dwar l-isfond bibbliku eż. fis-sena tal-Ġublew il-bniedem kien jingħata ċ-ċans li jinħafrulu d-djun sabiex ikun jista’ jerġa’ jibda jgħix b’dinjitá. Il-ġid li għandna huwa mogħti lilna b’xejn minn Alla l-Missier. Fit-tielet u r-raba’ kapitlu l-Papa jibda jagħti s-soluzzjoni għall-problemi bħan-nuqqas ta’ valuri. Fil-ħames kapitlu, il-Papa jattakka l-istrutturi politiċi li jużaw in-nies biex jisservew huma. Fl-aħħar il-Papa jitkellem dwar edukazzjoni u konverżjoni ekoloġika. Il-Papa jpoġġi l-prinċipju tal-‘għożża tad-dar komuni’; xi ħaġa li tintegra flimkien l-opri tal-ħniena. Il-Papa jenfasizza kif il-konverżjoni hija vjaġġ u mhux destinazzjoni.
Bħala konklużjoni, Dr. Pace semma kemm il-prinċipju huwa mportanti li jiġi miżmum minn kullħadd. Semma eżempju nteressanti ta’ tfal li jaraw ir-riċiklaġġ bħala tixbiha ta’ Alla li jagħti każ u jagħti valur lil kullħadd.
Bħala għeluq għal-laqgħa ġiet użata din is-song ‘A Prayer for the Earth’ li hija parti mill-Enċiklika ‘Laudato Si’ tal-Papa Franġisku.