IS-SATANIŻMU – Prayer Cafè – 4 ta’ Novembru 2016
IS-SATANIŻMU – taħdita minn John Seguna
Is-suġġett tas-sataniżmu mhux suġġett sabiħ, iżda mportanti. Ħażin li ntuh importanza żejda, u ħażin jekk ma ntuhx l-ebda mportanza. Alla dejjem għandu jieħu l-ewwel importanza. Alla huwa l-Kreatur. Ix-xitan qatt ma jista’ jkun aqwa minn Alla.
Il-kelma Satana tfisser avversarju – qiegħed kontra Alla. Bħal wiċċ tax-xitan fil-film “The Passion of the Christ”, Satana jurik ħafna direzzjonijiet – jista’ jidher bħala mostru jew ħabib.
Għalkemm fuq is-salib qisu jidher li Ġesu’ qed jitlef u x-xitan qed jirbaħ, fil-fatt dak il-ħin Ġesu’ kien qed jirbaħ l-umanita’ kollha u x-xitan kien qed jitlifha.
Niġu għal festa ta’ Halloween. Din hi l-vġili ta’ festa qaddiesa Kristjana – All Hallows Day – All Saints’ Day. Issa “Hallowed Evening”, li tfisser “holy evening”, ġejja mill-lingwa Skoċċiża. Bħala Hallows Day ma fiha xejn ħażin. Imma tibqa festa qaddiesa meta ntuha dak li suppost intuha. Meta ċerti nies u movimenti dawwru d-direzzjoni tagħha u saret ċelebrazzjoni tal-mewt, allura issa qed tirrappreżenta festa ħażina. Aħna f’All Saints Day niċċelebraw il-ħajja tagħhom, mhux il-mewt. Saret festa ta’ mewt, u fejn hemm il-mewt m’hemmx Alla iżda x-xitan, li jinfiltra bil-mod il-mod biex jidħol u tibda tgħaddi tiegħu. Infatti kien hemm eżorċista li qal li fi żmien il-Halloween jiżdidilhom ħafna xogħol. Minn festa Kristjana, il-Halloween saret eloġju lill-mewt.
Satana kien Kerubin – l-għola grad ta’ anġlu, u l-iktar qrib t’Alla. Hemm min jgħid li dan ħada kontr’Alla għax beda jgħir għall-qawwa li kellu Kristu, l-Iben t’Alla. Hemm imbagħad min jgħid li meta Alla ħalaq il-bniedem xbiha Tiegħu, din bdiet iddejjaq lid-demonju, u iktar u iktar meta Ġesu’ libes il-ġisem uman bħalna. Satana tkabbar u ġibed terz tal-anġli miegħu.
Għalfejn ix-xitan jattakka lil bniedem? id-demonju m’għandux qawwa li jeħodha kontr’Alla, allura jattakka l-iżjed ħaġa li għandu għal qalbu – il-bniedem, li għalih Alla niżel fid-dinja u ssallab biex isalvah. Ix-xitan jagħmel minn kollox biex joħdilna din il-ħajja.
Għaliex Alla ma jeqirdux lix-xitan? Alla ma jistgħax jgħati milli m’għandux. Alla m’għandux mibgħeda. Alla jħallina nagħmlu għażla, u ma joqtolniex. Ix-xitan kapaċi jidher taħt ħafna għamliet, u l-aqwa tarka kontrieh hu t-Talb, L-Iskrittura Mqaddsa, il-Qrar u t-Tqarbin.
Kif irnexxielu x-xitan jidħak b’Adam u Eva? Qallhom “Issiru daqs Alla”. Ittradiehom bix-xejn, għax huma ma kien jonqoshom xejn! Kienu jaraw lil Alla wiċċ imb’wiċċ. “Qalbu tkabbret bi ġmielu” – kontra ta’ Ġesu “ta’ qalb ħelwa u umli”. Ippretenda li jsir daqs Alla. Satana waqa’ minħabba l-kburija tiegħu. Ma riedx ikun servjent t’Alla.
Hawnhekk saret riferenza għan-numeroloġija fil-Bibbja. Kif in-numru 777 ifisser perfezzjoni kompleta, hekk ukoll in-numru 666 jfisser imperfezzjoni kompleta – għalhekk jissejjaħ in-numru tax-xitan.
X’inhi d-differenza bejn il-ħażen u l-ħażin? L-ikbar forma ta’ ħażen hu d-dnub. Il-ħażin hu d-demonju. Kultant naqgħu f’nasba u nwaħħlu fih, imma mhux dejjem il-każ. Hawn min jidħol fl-għalqa tiegħu, bħal min juża l-ouija board. Darba ddaħħlu fil-logħba, miskin int! Jagħtik kull ma trid, imma jeħodlok ruħek. Jinqeda bik biex tkompli tkabbar il-ħażen. Il-quddiesa s-sewda, bir-riti annimaleski tagħha, tkasbar ix-xbiha t’Alla fil-persuna tal-bniedem, li hu maħluq bħala tempju t’Alla. Ix-xitan jipprova jżeblaħna għax aħna maħluqin xbiha t’Alla.
Ħafna drabi nkunu aħna li nsejħu lix-xitan, u la darba jidħol, ma tantx jinqala’ malajr. Trid konverżjoni sħiħa. Alla biss jista’ jsalvak! Noqogħdu attenti li ma nkunux aħna li nfittxu lil Satana. Dan kapaċi biss jobgħod lil Alla u lilna. It-tqarbin ta’ spiss jiskansana mill-infern.
Il-possessjoni vera isseħħ, imma mhux daqstant. Jekk ix-xitan jippossedi li xi ħadd, dak il-bniedem ma jibqax sid ta’ għemilu, u allura x-xitan ġa tellief, għax għalkemm ipposseda, l-affarijiet li qed isiru mhux mill-bniedem, iżda minnu. Hemm diversi sinjali ta’ possessjoni, li l-eżorċista jkun konxju tagħhom. L-arma tiegħu hija t-talb.
Illum nitkellmu fuq New Age, White Magic, Black Magic. Sħaħar tajba ma jeżistux. Ma tistax titlob it-tajjeb minn sorsi ħżiena. Kristu qatt ma uża l-maġija, imma mirakli. Infatti, l-Lhud qatt ma akkużawh b’maġija. Mill-ħażin ma jiġi xejn tajjeb. Il-quddiesa s-sewda hi l-agħar eżempju ta’ dan.
Irridu noqgħodu attenti għax qed tidħol fin fin l-ideja li xejn mhu xejn, li kulħadd hekk jagħmel, li llum hekk hi s-soċjeta’. Saħansitra x-xitan jipprova jikkonvinċina li ma jeżistix!
SATANA HU D-DNUBIET KOLLHA!