Naf lil Ġesù jew fuq Ġesù? – Prayer Café #13
Fr. Charles Fenech beda l-laqgħa Prayer Café tal-ġimgħa 17 ta’ Jannar, billi għamel ħsieb ċkejken fuq Fr Ugo Cremona , patri u teologu kbir Dumnikan li miet nhar l-Erbgħa 16 ta’ Jannar. Kien bniedem ġgant tal-Ispiritwalità, li baqa’ sa l-aħħar jagħti s-servizz tiegħu fuq l-artal minkejja li kien muġugħ. Kien bniedem ta’ sapport kemm b’mod fiżiku u anke spiritwali. Kien bniedem li jaf lil Ġesù u għalhekk Fr Ugo kien jitrasmetti fiduċja ma kull min jitkellem miegħu. U hawn Fr. Charles ħeġġigna biex nżommuh fit-talb tagħna.
Wara li nqara l-vanġelu tal-Ħadd li ġej Fr. Charles qasam dawn il-ħsibijiet:
Ġwanni li kien jaf lil jgħalaq il-vanġelu billi jgħid: ‘Dan rajtu b’għajnejja u xhedt, “Dan hu l-Iben t’Alla.”’ Aħna ħafna drabi nenfazzizaw li nagħtu xhieda, dan kompla Fr Charles irridu ngħamluh – f’affarijiet żgħar ta’ kuljum billi naraw lil Ġesù f’dawk l eqreb tagħna-f’martna/f’żewġna/f’uliedna/f’ommna… anke f’affarijiet żgħar bħal ngħinu fil-faċċendi tad-dar billi naraw u nħossu l-preżenza ta’ Ġesù f’dawk ta’ madwarna.
Kemm nagħtu xhieda ta’ x’aħna sal-mewt? Statistika li ħarġet mill-Vatikan tistqarr li fl-2012; 118,000 il-persuna ġew maqtula sempliċiment għax stqarru li kienu nsara. Fl-2013 nqatlu 105,000; 48,000 minnhom fis-Syria – fejn qegħed issir ‘wipeout’ tal-insara. Iħabbtu l-bieb, jistaqsu intix nisrani u jekk twieġeb iva jisparawlek. U dawn jagħżlu li jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom u jieħdu l-mewt. Kemm int lest li tagħmlu dan? Jew inġibu mitt skuża – għax għandi l-familja, għax għandi x-xogħol… Ix-xhieda tagħna, tar-Reliġjon tagħna kif qegħda tkun? Hija waħda ta’ low cost kif isejħilha Papa Franġisku – immorru l-quddies il-Ħadd skond l-aptit, jew għax inħossu li rridu immorru bilfors? Kemm nħossu li rridu nxandru lil Ġesù u nħajjru aktar nies jersqu lejh? Kemm nħossu li għandna nħajru lil Mulej jagħmel mirakli fuq ċerti nies li birdu? Fr. Charles kompla jgħidilna li għandna nibdew minn dawk l-eqreb tagħna. Jekk għandek ir-raġel jew il-mara li birdet mir-Reliġjon, jew uliedek adolexxenti, itlob biex l-Ispirtu s-Santu jdawwlek b’kelma fil-mument ġust biex terġa tressaqhom lejn Ġesù. Kemm nemmnu li nafu lil Gesu mhux kemm nafu fuq Gesu? Dan hu l-messaġġ tal-vanġelu tal-Ħadd li ġej.
Biex nkunu nafu lil Ġesù rridu nħallu spazju għalih. Kemm inqattgħu ħin nitolbu anke ftit minuti kuljum? Jew ħajjitna mimlija daqs bajda dejjem b’xi skuża lesta… issa għax għandi x-xogħol tad-dar… anke min hu waħdu llum ħajtu mimlija daqs bajda… anke s-saċerdoti u r-reliġjużi għandhom ħajjithom mimlija; Anke t-talb u l-quddiesa jistgħu jsiru parti mir-rutina – kemm qegħdin nħallu ħin ta’ intimita ma Ġesù? Inti trid verament tara lil Ġesù bħala l-mera ta’ ħajtek? Skond l-eta tiegħek trid tkun lest li toffri sagrifiċċji ta’ veru għal Ġesù mhux għalik. Forsi tgħiduli, kompla Fr Charles, li nrabbi t-tfal, li nieħu ħsieb lit-tfal tat-tfal, li nieħu ħsieb lil kbar, dawn mhumiex sagrifiċċji? Mela mhumiex, IMMA qiegħed tagħti 100% tiegħek lil Ġesù? Inti qiegħed titkellem ċar u ma tibqax ddur mal-problemi. Ġwanni f’dan il-vanġelu qegħed jgħidilna: ‘Dan rajtu b’għajnejja u xhedt: “Dan hu l-Iben t’Alla.” ’ Forsi din hi l-problema tagħna l-insara li mmorru l-quddies kuljum – mingħalina li nafu lil Ġesù iżda m’għandniex rapport miegħu. Li jkollok rapport miegħu jfisser li meta jkellmek taġġixxi anke fi rqaqat żgħar. Papa Franġisku jenfasizza li m’għandniex naħlu. Għandu jkollna ‘management’ tajjeb kemm tal-flus u kif ukoll tal-ħin. Jekk ġa għandek ġakketta tal-firma qabel tmur tixtri oħra, ara tinqediex b’dak li għandek..din hi l-fidi..mhux jien x’irrid – iżda nħares lejn ta’ madwari għax faċli li nrattbu l-kuxjenza tagħna.
Waħda mill-affarijiet li qegħda tiġi diskussa anke fit-teoloġija hi jekk ċ-ċittadini li jemmnu għandhomx jibdew jiġi ntaxxati. Waħda mill-pajjiżi li ġa tagħmel dan hija l-Ġermanja. L-gvern jissusidja x-xogħolijiet ta’ tiswija fil-knejjes kemm Luterani u kif ukoll Insara u dawk li jemmnu jiġu ntaxxati xi ħaġa żgħira. Għal l-ewwel kien hemm rejazzjoni kbira saħansitra kien hemm min mar għand il-kappilan u staqsa biex jinqata’ mir-registru tal-magħmudija! U dan biex ma jħallasx taxxa żgħira! (Filwaqt li għandna pajjizi oħra kif diġa għidna fejn n-nisrani qiegħed imut biex ma jiċħadx il-fidi tiegħu!)
Għalhekk il-Papa Franġisku jinsisti li l-fidi tagħna trid tkun high cost u mhux low cost. Il-Fidi mhix li tmur il-quddies issaħħan il-bank, ir-reliġjon u l-fidi tagħna ma titkejjilx minn kemm nagħmel dnubiet jew le, għalkemm dan ma jfissirx li meta tagħmel d-dnub m’intix teħodha kontra Alla, imma l-ewwel pass tagħna jrid ikun kemm qegħdin nibnu relazzjoni intima ma’ Ġesù. Kemm qed nużaw il-quddies u laqgħat li mmorru biex nibnu relazzjoni biex insiru nafu lil Ġesù b’mod intimu? Dan irid ikun it-training tagħna.
Fr Charles kompla billi fakkar profezija tal-Papa Ġwanni Pawlu II, meta kien qal “familja li ma tilobx flimkien b’xi mod jew ieħor titfarrak” u dan qegħdin narawh llum.
Il-laqgħa tkompliet b’diskussjoni fuq jekk aħniex nagħmlu r-rieda t’Alla. Qegħdin nagħtu xhieda li aħna nsara? Meta naraw inġustizzja qegħdin nitkellmu? Nħossuna ħatja jekk naraw inġustizzja u ma nitkellmux?
Avviż: Ġimgħa 24 ta’ Jannar fis-7.00 ta’ filgħaxija se jsir seminar fuq it-Talba tal-Missierna miftuh għal kulħadd fiċ-ċentru tal-KERYGMA, jitmexxa minn Fr Charles Fenech o.p.