Nippreparaw Ruħna Spiritwalment għall-Milied – Prayer Café #10
It-Tielet Ħadd tal-Avvent
Il-Ġimgħa 13 ta’ Diċembru 2013
Fl-assenza ta’ Fr Charles Fenech, Prayer Café din il-ġimgħa tmexxa minn membri tal-Kerŷgma. Dawn huma xi ħsibijiet li nqassmu waqt il-laqgħa wara li nqara l-Vanġelu tal-Ħadd li jmiss.
F’dan il-Vanġelu naraw lil Ġwanni l-Battista mixħut fil-ħabs minħabba li bla biża’ ta’ xejn ċanfar lil Erodi u Erodijade tal-imġiba tagħhom.
Ġwanni l-Battista ŻGUR li ma kienx “qasba vojta tixxejjer mar-riħ”. Kien bniedem sod fit-twemmin tiegħu. Ġesù stess meta jiddeskrivih jgħid “ħadd ma qam aqwa minn Ġwanni l-Battista.” Ġwanni l-Battista qeda lejalment il-parti tiegħu, fil-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla. Hu kien il-pont bejn ir-Rabta l-Qadima u r-Rabta l-Ġdida.
Għall-mistoqsija li jibgħat Ġwanni lil Ġesù jekk hux il-veru MESSIJA,Kristu Ġesù ma jweġibx direttament iżda jikkwota minn kliem il-profeta ISAIJA. “ l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, l-imġiddmin ifiequ, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, u l-Bxara t-tajba titħabbar lill-fqar.” Dawn huma profeziji li nsibu dwar Ġesù f’Isaija u li seħħew fiH.
L-aħbar it-tajba hi li Alla għandu l-wiċċ tal-emarġinati u l-imwarrbin, għalhekk anki l-mejtin għad iqumu għax l-aħbar it-tajba ma jwaqqafha xejn anqas id-dnub u l-mewt. Id-dubji tagħna u tal-Battista se jibqgħu jagħmlu parti mill-mixja ta’ fidi tagħna.Il-kelma u l-wegħeda huma persuna waħda –Ġesù. X’neħtieġu iktar bħala garanzija għall-fidi tagħna?
Mela hekk kif il-messaġġ ta’ Ġwanni ħejja t-triq għall-Mulej fl-ewwel seklu, aħna wkoll imsejħin biex inkunu profeti ta’ Ġesù, li nwasslu l-Aħbar it-tajba, li Ġesù ġej; u dan permezz tax-xhieda ta’ ħajjitna.
L-Avvent għaldaqstant huwa opportunità mill-isbaħ li jagħtina Alla biex niskopru r-rigal tal-indiema u l-grazzja tas-sagrament tal-qrar. L-id tal-ħniena t’Alla hi fil-qrib, miftuħa u lesta biex tilqa’ lilek u lili li għandna bżonn nħejju t-triq tal-Mulej u niddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.
Wara ttiehdu xi punti mid- diskors ta’ Mons. Arċisqof Pawlu Cremona O.P. fil-quddiesa ta’ l-ordinazzjoni episkopali tiegħu.
Il-laqgħa tkompliet b’riflessjoni minn wieħed mill-membri:
Ġesù ġie mistoqsi min kien. L-istess domanda għadha tiġi mistoqsija sal-ġurnata tal-lum anke biex in-nisrani jiġi ċċalinġjat minn persuni li ma jemmnux fiH.
Darba mort norqod naħseb fuq dan. Ħlomt…. rajtni miexi fi triq mimlija nies. Daħal fija tifel li kien qiegħed jiġri. Imbeżża’ ħares lejja, u għidtlu li ma kien ġara xejn. Rajt wiċċu jikkalma u jieħu r-ruħ.
Bqajt miexi. Minn ħanut ħarġet mara b’xirja f’idha. Waqalha pakket u jien ġbartulha. Meta rringrazzjatni weġibtha li ma kienx hemm għalfejn.
Wara rajt raġel anzjan b’bastun f’idu li kien qiegħed jipprova jaqsam triq traffikuża. Għintu biex imur in-naħa l-oħra tat-triq u qalli,“Għall-erwieħ tiegħek tal-għajnuna.”
Ma nafx kif, sibt ruħi f’dawl qawwi, tiela’ taraġ wiesa w abjad. Fit-taraġ, iltqajt mat-tifel li kien ħabat miegħi. Qalli “Jien Ġesu. Grazzi talli ma rrabjajtx meta dħalt fuqek.” Ftit wara, iltqajt mal-mara tal-pakkett u din qaltli “Jien Ġesù. Grazzi li ġbart il-pakkett”. Aktar ‘l quddiem, għaddejt minn ħdejn l-anżjan tat-triq. Qalli “Jien Ġesù. Grazzi talli għintni naqsam it-triq.”
F’daqqa waħda, ftakart li Ġesù kien qal li dak li aħna nagħmlu ma’ ħaddiehor, inkunu qegħdin nagħmluh miegħU.
Mela barra li Ġesù huwa wieħed mit-tlett persuni f’Alla wieħed, huwa wkoll kull persuna li aħna niltaqgħu magħha fid-dinja. Għaldaqstant, għandna nittrattaw lil xulxin b’rispett u mħabba.