Esperjenza: Teens 4 Jesus
L-esperjenza ta’ Michaela Agius bħala parti mit-Teens 4 Jesus; fi kliemha:
“Jiena ġejt avviċinata mid-Direttur tal-Moviment Kerŷgma u staqsieni jekk kontx lesta li nagħmel parti mill-grupp sabiħ t’adoloxxenti li hemm fi ħdan il-Kerŷgma. Jien aċċettajt mal-ewwel, bil-ferħ dan ix-xoghol ġdid tiegħi għax indunajt li kien ser ikolli sfidi ġodda quddiemi. L-ewwelnett jien sibt ħbieb ġodda jistennewni f’dan il-grupp t’adoloxxenti. Għall-ewwel bdejt nibża’ li nista’ ma niġix aċċettata iżda malajr indunajt li l-membri tal-grupp kienu persuni żgħażagħ bħali, li għalkemm ġejjin minn postijiet differenti ta’ Malta xorta waħda għandna għan wieħed – dak li naħdmu sabiex inressqu aktar żġħażagħ lejn Ġesù permezz tal-ħidma tagħna. [pullquoteright]”għandna għan wieħed – dak li naħdmu sabiex inressqu aktar żġħażagħ lejn Ġesù permezz tal-ħidma tagħna”[/pullquoteright] Fil-grupp qegħdin numru sabiħ ta’ żgħażagħ li flimkien għandna r-responsabbiltà li noħolqu attivitjiet u parties. Kull nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija niltaqgħu sabiex naqraw il-Vanġelu, niddiskutu fuqu u naqsmu l-esperjenzi tagħna ta’ matul dik il-ġimgħa. Barra minn dan, kull xahar nieħdu ħsieb li norganizzaw party għal żgħażagħ oħra bħalna. Jien nieħu ħafna gost norganizza għax minnbarra li qed ningħata opportunità li nkun leader billi ngħin fl-organizzazzjoni tal-party, qegħda wkoll ningħata ċans li permezz tal-idejat tiegħi nuri x’naf u x’kapaċi nagħmel. Dan qed jgħinni ħafna nikber fil-ħiliet tiegħi. Jien inħoss li f’dan il-grupp irnexxieli wkoll nitgħallem naħdem ma persuni li huma differenti minni fl-idejat tagħhom u għalhekk inħoss li tgħallimt naċċetta dak li hu differenti f’ħaddieħor filwaqt li nkun parti mill-grupp.”