Għażilna – Prayer Café: 8 ta’ Mejju 2015
Il-laqgħa Prayer Café tal-Ġimgħa 8 ta’ Mejju, bdiet b’talba ċkejkna u spontanja; fejn aħna inħallu l-Ispirtu jaħdem fina, imexxina u jqanqalna, għax fejn tnejn jew tlieta jkunu hemm, hemm jien inkun f’nofshom. Segwita minn mistoqsija elimentari li kienu jsaqsuha fil-Katekiżmu.
Fejn jinsab Alla?
B’mod umoristiku, il-membri preżenti wieġbu dak li konna ngħidu meta konna żgħar.
Alla jinsab fis-sema, fl-art u kullimkien.
Wara dan inqara l-vanġelu tal-Ħadd li ġej skont San Ġwann (15: 9-17).
Intqal li dan l-aħħar kellna proċess, fejn ġimgħa ilu kellna vanġelu tar-Ragħaj it-tajjeb – in-nagħaġ jagħrfu leħnu u hu jagħrafhom minn leħinhom. Li kieku kellu jgħaddi xi ħadd prominenti u jgħajjatlek b’ismek, kont tieħu gost. Ġesù, li Hu aqwa minn kull idolu, jafna b’isimna. Fil-vanġelu ta’ qabel, kien hemm id-dielja: ‘Min jibqa’ fija u jiena fih..’ Illum reġa’ qalilna ħaġa oħra.
Allura x’inhu dan il-proċess?
Huwa proċess ta’ intimita’. L-intimita’, Ġesù qed itiha ċertu dimensjoni, bdieha l-ġimgħa l-oħra. Ġesù qed jitkellem bi kliem sempliċi, kultant taħsbu qed idur mal-lewża, imma mhuwiex. Imma qed jgħaqqad dan il-proċess ta’ intimita’ – aħna, Hu u l-Missier.
Il-ġimgħa l-oħra, ippreżentalna, li aħna il-fergħa, Hu iz-zokk u l-Missier il-bidwi. Aħna ma nistgħux nagħmlu frott jekk ninqataw minn maz-zokk.
Hawnhekk ingħatat spejgazzjoni verament li tolqot lil kullħadd:
Meta taqsam iz-zokk, joħroġ il-ħalib; qed niċċelebraw il-maternita’, il-ġmiel tal-intimita’ tal-omm mat-tarbija, l-ewwel fiha u mbagħad treddaw. U l-missier huwa l-bidwi, li jdur, jnaqqi u kultant jisbor. Probabbli d-dielja tgħidlu “ahh” x’ħin jiżborha, imma mingħajr iż-żabra ma jsirx il-frott. Din hija ir-realta’.
Bil-Vanġelu tal-Ħadd li ġej, din titkompla, “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena”. “Ibqgħu fl-imħabba tiegħi.” Nerġgħu insibu l-intimita’. It-tgħanniqa li Ġesù jrid jagħti lilek illum. Din insibuha ukoll fil-logo li saret għas-sena tal-ħniena li għadu kemm niehda l-Papa, bit-tema, “ħennu bħalma hu ħanin Missieri”
X’ifisser dan?
Li bħalma Ġesù dejjem qal li “min ra lili ra l-Missieri, għax jien u Hu ħaġa waħda”, hekk ukoll qed jistieden lilna biex inkunu intimi miegħu – Hu fina u aħna fiH.
Għaliex dan?
Għax b’din l-intimita’, Ġesù qed itina l-ferħ ġewwieni. Irridu nisperjenzawH.
Biex aħna nibqgħu f’dan il-ferħ, irridu inħobbu lil xulxin.
Meta fil-bidu ġie mistoqsi, “Fejn Hu Alla?” aktarx ħadd ma ħaseb li Alla Hu fina.
Alla Jinsab Fija?
“Qalbna ma jsib qatt kwiet jekk ma tistrieħx fik” – Santu Wistin.
Dak hu il-ferħ.
Il-parti l-oħra tal-Vanġelu titratta fuq il-ħbiberija. Is-servjent mhux ħa tgħidlu kollox, imma ħabib/a intimu tgħidlu kollox. Dak kollox li l-Missier qal lil Ġesù, Hu qalu lilna.
‘Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’’
Aħsbu sew fuq din is-sentenza. Għax INT mintix qiegħed hawn għalxejn. Mhux int għażilt li tattendi l-laqgħa imma Ġesù għażlek, Hu li jafek b’ismek, għajjatlek. Għajjatlek biex tagħmel il-frott. Iva int. Il-frott nistgħu nagħmluh jekk nibqgħu imwaħħlin miegħu.
Tkunx attiv fil-komunita’ mingħajr ma tagħmel il-frott.
Tkunx attiv fil-ħajja tiegħek, mingħajr ma tagħmel il-frott.
Ħafna drabi lil Ġesù ndaħħluh fl-aġenda tagħna. Niftakru f’dik is-silta fejn Ġesù qal, “ħalli kulma titlob lill-Missier f’ismi, huwa jagħtihulkom”, imma rridu nkunu mwaħħlin fiH. Trid tkun parallel ma’ Ġesù.
Il-Mulej għażilna: għaliex? Kulħadd irid jwieġeb hu għalih innifsu. Għażilna biex kulħadd jagħmel il-frott u dan jista’ jsir jekk aħna nħobbu lil xulxin. Hekk biss nistgħu nibqgħ magħqudin miegħu u hekk biss il-ferħ tagħna jista’ jkun sħiħ.
‘Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom’
Dan il-Vanġelu jmur tajjeb ma’ Jum l-Omm. Dan għaliex jum l-omm huwa vjaġġ ta’ imħabba matul ħajjitna u mhux ta’ ġurnata. Ġesù tana lil ommu fuq is-salib fejn miet għalina. Omm hija dik li tagħti mħabbitha ‘Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien.’