Ħallu ‘l Mulej jidħol u jinvadina – Prayer Café #12
Waqt il-‘Prayer Cafe’ minn Fr. Charles Fenech 10 ta’ Jannar 2014
Il-Festa tal-Magħmudija tal-Mulej.
Illum qed nimlew l-ispazju tagħna bil-preokupazzjonijiet tal-ħajja u spazju għal Ġesu’ m’għandniex. Materjal biex naħdmu hemm kemm wieħed irid. Bħal meta naqraw kotba reliġjużi, nisimgħu Radju Marija, infittxu fuq l-internet… Pero’ mhux dawn biss, anke min isegwi l-internet jew min għandu radju diġitali, jista’ jisma’ il-Kelma tal-Papa Franġisku KULJUM fuq ir-radju Vatikan. Li nistgħu nisimgħu l-Omeliji tal-Papa kuljum hija xi ħaġa ġdida – qabel wieħed kien jisma’ biss xi omelija tal-Papa jew fil-Milied u l-Għid jew f’xi okkażżjonijiet solenni. Il-Papa jitkellem b’mod li jifhmu kulħadd. Għalhekk ninsabu iffurtunati li min jrid jħalli l-Mulej jidħol fih, hemm kull mezz. M’għandniex skużi!
Importanti li nħarsu lejn il-magħmudija tagħna għax ħafna minna l-Insara ma nagħtux kas li aħna Nsara.
Dawn huma xi wħud mill-frażijiet li uża l-Papa waqt l-omeliji tiegħu. Kompla jgħid, kif jista’ jkun li bl-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli, fuq il-knisja u fuq kull wieħed minna, jkollna knisja ta’ nies li jemmnu imma l-fidi tagħhom hija mejta. Aħna nofsna ħajjin u nofsna mejtin. Dan qalu l-Papa’ illum.
Atejiżmu Kristjan? Min huma dawn?
Kull min jgħid li hu Kristjan imma ma jemminx huwa dak il-bniedem li jaf meta twieled imma l-anqas joħlom biex ikun jaf meta tgħammed. Huwa dak li jmur il-knisja u ma jemminx. Nofs il-knisja hija iffurmata minn nies nofshom mejtin. L-importanti mhux li l-bankijiet tal-knisja ikunu mimlijin, imma li nkunu konvinti minn dak li qed nisimgħu. Mhux il-kwantità mma l-kwalità. Il-knisja kienet aktar b’saħħitha meta kienet fil-minoranza; il-knisja tal-bidu, tal-persekuzzjonijiet, tal-martri, fejn in nies kienu ta’ kwalità. Bil-kontra ta’ meta l-knisja kienet marbuta mal-gvernijiet, fejn kien hemm kwantità tan-nies imma ukoll ħafna skandli.
Għalhekk tajjeb li wieħed jagħmel sforz u jkun nisrani ta’ kwalita’ u mhux ta’ numru. Dan billi nagħtu spażju fil-ħajja tagħna lil Ġesu’. Ma niċċelebrawx biss il-ġurnata ta’ għeluq snina , imma d-data tal-magħmudija. Min minkom tafu d-data tal-magħmudija tagħkom?
Wara li Ġesu’ tgħammed instama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż; fih sibt il-għaxqa tiegħi.” Ġesu’ jista’ jgħid l-istess fuqna? Kemm minna naħsbu f’Ġesu’ matul il-ġurnata? Forsi aħna nsemmuh l-isem ta’ Alla ta’ spiss; għax kif inxelfu subgħajna jeħel Alla magħna. Kif tiġri xi ħaġa ħażina jeħel Alla mall-ewwel, jekk ma ngħidux bil-kliem, naħsbu f’moħħna. U fl-istess ħin ninsew in-nar ta’ imħabba li daħal fina fil-magħmudija.
Aħna qegħdin nagħtu x-xhieda tagħna ta’ Nsara?
Jekk l-aġenda tiegħek hija kompletament differenti minn dik ta’ nisrani, allura hemm xi ħaġa li mhux sejra sew fl-għejxin tal-fidi tiegħek. Għalhekk importanti li tiftakar meta tgħammidt, għax m’hijiex biss data imma hija ukoll mixja. Importanti li nħallu lill-Mulej jmexxina Hu fit-triq tagħna. Huwa għandu l-modi, il-mumenti ta’ sorprizi ta’ kif imexxina fit-triq tagħna. Uża kull meżż biex tagħti spażju lil Alla, taqtax qalbek, Il-Mulej qiegħed miegħek, ħallih jidħol f’ħajtek imbagħad imexxik Hu. Aħna wkoll dixxipli.