IL-FEJQAN TAL-GĦAXAR LEBBRUŻI
- Il-Lebbrużi fil-Bibbja.
Barra l-fejqan tal-għaxar lebbrużi [Lq 17,11-19] il-Vanġeli jirrakkuntaw il-fejqan ta’ lebbruż ieħor [Mt 8,1-4 = Mk 1,40-45 = Lq 5,12-26] u mingħajr ma jirrakkuntaw id-dettalji isemmu l-fejqan ta’ lebbrużi oħra [Mt 11,4 = Lq 7,22]. Fiż-żminijiet bibliċi il-lebbra jidher li kienet marda komuni u l-Liġi ta’ Mosé tispeċifika x’għandu jsir fil-każijiet tal-lebbra [Lev 13 – 14], u barra dawk in-nies li jissemmew fil-Vanġeli l-Iskrittura ssemmi oħrajn li b’xi mod kellhom din il-marda: Mosé [Eż 4,6-9], Mirjam oħt Mosé [Num 12,10-15], Nagħman kmandant tas-sultan tas-Sirja [2 Slat 5,1-14], Geħażi qaddej ta’ Eliżew [2 Slat 5,27], erba’ min-nies anonimi fi żmien Eliżew [2 Slat 7,3-11], Għażarija sultan ta’ Ġuda [2 Slat 15,5], Xmun li laqa’ ’l Ġesù għandu [Mt 26,6 = Mk 14,3].
Il-lebbra li titkellem fuqha l-Iskrittura hi marda tal-ġilda li s-severità tagħha tvarja minn każ għal każ. F’xi każijiet dak li jkun kien jeħles minnha f’qasir żmien, bħalma ġara fil-każ ta’ Mosé, Mirjam, u probabbilment Xmun, imma f’każijiet oħra l-individwu baqa’ jbati biha fit-tul, bħalma ġara fil-każ ta’ Nagħman, Geħażi, u Għażarija. Meta kien hemm il-biża li tittieħed il-lebbruż kien jinżamm iżolat, bħalma ġara lil Mirjam sa ma fieqet [Num 12,15], lill-lebbrużi ta’ żmien Eliżew li kienu joqogħdu f’bieb il-belt [2 Slat 7,3], u lil Għażarija [2 Slat 15,5], imma għalkemm Nagħman kien ilu marid bil-lebbra żamm postu fis-saltna u baqa’ joqgħod id-dar.
L-għaxar lebbrużi li jitkellem fuqhom il-Vanġelu għamlu t-talba tagħhom flimkien, u dan jagħti l-impressjoni li kienu jgħixu flimkien, probabilment ’il bogħod mill-ġemgħa tan-nies, l-istess bħall-erba’ lebbrużi ta’ żmien Eliżew. Kien għalhekk li ma ssugrawx jersqu lejn Ġesù, waqfu ’il bogħod minnu u biex għamlu t-talba tagħhom kellhom jgħollu leħinhom. Il-marda tagħhom kienet għalhekk serja, ma tantx setgħu ifiequ minnha b’mod naturali, u kien għalhekk li daru fuq Ġesù biex ifejjaqhom. Il-kundizzjoni ta’ dawn kienet diffiċli ħafna. Mhux biss kellhom fuqhom marda serja, imma minħabba l-iżolament tagħhom l-għijxien tagħhom kien jiddependi minn dak li kienu jsibu fl-inħawi tal-iżolament tagħhom jew minn dak li kienu jwaddbulhom dawk li kienu jissugraw jersqu lejhom.
2. Il-Fejqan tal-għaxar lebbrużi
Biex wieħed jifhem is-sens tar-rakkont wieħed irid iżomm quddiem għajnejh is-sens li l-mirakli ta’ Ġesù għandhom fil-Vanġeli.
Wieħed jista’ jħares lejhom bħala atti ta’ ħniena ta’ Ġesù biex jeħles lil dawk li kienu għaddejjin minn mumenti diffiċli. Il-Vanġelu stess jirrakkonta kif f’xi okkażjonijiet Ġesù għamel il-miraklu għax ħenn, għax tħassar, lil dawk li kienu qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet. Ġesù tħassar lill-lebbruż [Mk 1,41], lill-għomja ta’ Ġeriko li talbuh iħenn għilhom [Mt 20,30.31.34], lill-armla ta’ Najn u qajjem lil binha mill-mewt [Lq 7,13], lill-folla, u fejjaq il-morda u kattar il-ħobż u l-ħutiet [Mt 14,16; 15,32]. Wieħed jista’ jgħid li fejjaq l-għaxar lebbrużi għax ġietu ħniena minnhom. Effettivament biex Ġesù fejjaqhom il-lebbrużi appellaw għall-ħniena tiegħu, “Ġesù, Mgħallem, ikollok ħniena minna”, u wieħed minnhom fehmu anki bħala att ta’ ħniena u reġa’ lura biex iroddlu ħajr.
Biss l-iskop tal-mirakli kien li jqanqal lin-nies – il-mirakulati u ’l dawk preżenti – għall-fidi fih. Effettivament kien jaħsibha darba tnejn ħa jara jekk hemmx fidi qabel jiddeċiedi jekk jagħmilx miraklu. Jingħad li meta n-nies ta’ Nazaret ma laqgħuhx – m’emmnux fih – “ma għamilx ħafna mirakli minħabba n-nuqqas ta’ fidi tagħhom” [Mt 13,58]. Għax l-iskribi u l-Fariżej ma emmnux fih irrifjuta li jagħmel miraklu meta talbuh jagħmel dan: “Sinjal jitlob nisel ħażin u infidil! Imma ebda sinjal ma jingħatalu ħlief dak ta’ Ġona. U ħalliehom b’hekk u telaq” [Mt 16,6; cf. 12,38-39]. Lill-mara Kanagħanija ħasibha darbtejn jekk ifejqilhiex lil bintha għax ma kienx ċert jekk din il-barranija setgħetx ikollha l-fidi [Mt 15,26].
Meta ntebaħ li l-Kangħanija kellha fidi fejqilha lil bintha [Mt 15,28], u kemmil darba faħħar u ftaħar bil-fidi li sab hu u jagħmel il-miraklu [Mt 8,13; 9,2.22-29; Mk 5,36; 10,52]. Anki fil-fejqan tal-għaxar lebbrużi irrikonoxxa l-fidi tas-Samaritan li reġa lura biex iroddlu ħajr, “Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek” [Lq 17,19]. Ir-rakkont jissoponi li kienu emmnu anki d-disgħa l-oħra – “Mhux, l-għaxra fiequ mill-lebbra” [Lq 17,17] – u la fiequ għax qagħdu fuq il-kelma ta’ Ġesù u għamlu dak li qalilhom.
3. Il-Fidi li Takkumpanja l-Mirakli
Il-fidi tal-lebbrużi ma kienitx sempliċement fiduċja għamja li Ġesù seta’ jfejjaqhom, imma kienet fidi fil-missjoni messjanika ta’ Ġesù. Ġesù kien ħabbar li x-xandir tal-Aħbar it-Tajba akkumpanjat bil-mirakli kien prova li ġew inawgurati ż-żminijiet messjaniċi. Meta Ġwanni l-Battistia kien il-ħabs bagħat jistaqsi lil Ġesù jekk kienx “dak li għandu jiġi” – il-Messija – jew għandhomx jistennew ’il ħaddieħor. Biex iwieġeb lil Ġwanni li kien “dak li għandu jiġi” Ġesù qal lill-qaddejja ta’ Ġwanni, “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, u l-Evanġelju jixxandar lill-foqra. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija” [Mt 11,2-6].
Il-lebbrużi kienu jafu li Ġesù kien qed jagħmel dan. Kienu jafu li Ġesù kien qiegħed ixandar l-Evanġelju lill-foqra, u għalhekk sejjħulu “Mgħallem”, u kienu jafu li l-Evanġelju li kien qed ixandar Ġesù kien akkumpanjat bil-mirakli, inkluż il-fejqan tal-lebbra. Meta rrikorrew għand Ġesù il-fidi tagħhom fih ma kienitx sempliċi fiduċja li seta’ jfejjaqhom, imma kienet fidi fih li kien “dak li għandu jiġi” – il-Messija – u l-mirakli kienu espressjoni tal-benedizzjonijiet li Alla kien wiegħed għaż-żminijiet messjaniċi. Is-Samaritan li reġa’ lura jrodd ħajr lil Ġesù jgħajjat u jfaħħar lil Alla ġab ruħu bħal dawk li emmnu fil-missjoni messjanika ta’ Ġesù; ġab ruħu bħal Żakkarija [Lq 1,64], Xmun [Lq 2,28], il-profetissa Anna [Lq 2,38], il-mara li kienet mifluġa [Lq 13,13], l-għama ta’ Ġeriko [Lq 18,43], in-nies li raw il-mirakli [Lq 5,25-26; 7,16; 19,37], iċ-ċenturjun f’riġlejn is-salib [Lq 23,47], l-appostli wara l-qawmien mill-imwiet [Lq 24,53], il-membri tal-ewwel komunità nisranija [Atti 2,47; 21,20], il-magħtub mfejjaq fil-bieb tat-Tempju u dawk li rawh [Atti 3,8.9; 4,21], u l-ewwel pagani li kkonvertew għall-Kristjaneżimu [Atti 13,48]. Fil-każijiet kollha il-foħrija t’Alla tfisser li dawn in-nies kienu laqgħu l-Evanġelju.
Bħal Ġwanni l-Battista qablu mill-bidunett tal-missjoni tiegħu l-Evanġelju – l-Aħbar it-Tajba – ta’ Ġesù kien li s-saltna tax-xitan kienet waslet biex tintemm u li s-saltna t’Alla kienet waslet biex tiġi inawgurata [Mt 3,2; 4,17.23; 10,7; 24,14; Lq 4,43]. Biex jikkonvinċi lin-nies minn dan l-Aħbar it-Tajba akkumpanjaha bil-mirakli ta’ fejqan, għax il-gwaj fiżiku tal-bniedem kien meqjus bħala konsegwenza tad-dnub – mhux neċessarjament tad-dnub personali – u per konsegwenza espressjoni tal-ħakma tax-xitan fuq il-bniedem. L-agħar espressjoni tal-ħakma tax-xitan fuq il-bniedem kienu il-każijiet fejn jingħad li xi nies kienu maħkuma minn xitan jew spirtu ħażin. F’xi każijiet kienu maħkumin minn xitan fis-sens li l-marda tagħhom kienet meqjusa bħallikieku il-kawża tagħha kien ix-xitan. Biżżejjed wieħed jikkunsidra dak li qal Ġesù meta fejjaq mara li kienet ilha mifluġa tmintax-il sena; iddeskriva l-marda tagħha bħala “rbit li fih ix-xitan kien ilu jżommha għal tmintax il-sena sħaħ” [Lq 13,16]. Individwu ieħor kien meqjus maħkum minn xitan għax kien mutu [Mt 9,32-34] u ieħor għax epilettiku [Mt 17,14-20]. Il-fejqan ta’ dan il-gwaj fiżiku Ġesù ppreżentah bħala prova tal-Aħbar it-Tajba li l-bniedem jista’ jeħles mill-ħakma tax-xitan u jissottometti ruħu għas-saltna ta’ Alla: “… jekk jien qiegħed inkeċċi x-xjaten bl-ispirtu ta’ Alla, dan ifisser li waslitilkom is-saltna ta’ Alla” [Mt 12,28; Lq 11,20].
L-inawgurazzjoni tas-saltna t’Alla ifisser li tħalli ’l Alla jsaltan fuqek. Il-bniedem waqa’ taħt il-ħakma tax-xitan meta ma qagħadx għar-rieda t’Alla u għamel dak li qaltlu rasu. U baqa’ jagħmel hekk għal żmien twil. Ġesù ried jinawgura s-saltna t’Alla billi jikkonvinċi l-bniedem jeħles mid-dnub u joqghod għar-rieda t’Alla. Fil-Pater Noster il-petizzjonijiet Tiġi saltnatek u Ikun li trid int kif fis-sema hekkda fl-art għandhom l-istess tifsira.
In-nies kienet qed tistenna l-inawgurazzjoni tas-saltna ta’ Alla. Mhux kulħadd kellu l-istess ideja tas-saltna ta’ Alla, imma ħafna kienu jemmnu li Alla kien se jinawgura s-saltna tiegħu b’intervent favur dawk li kienu se jidħlu fis-saltna u kontra dawk li ma kienx se jkollhom post fis-saltna. Skont din il-viżjoni dak li Alla kien se jinqeda bih biex jinawgura s-saltna kellu jiġbed lejh dawk li kienu se jkunu membri u jwarrab – jemarġina – lil dawk li ma kellhomx post fis-saltna. Ġesù m’aċċettax li jinawgura s-saltna b’emarġinazzjoni ta’ xi kategorija ta’ nies. Mill-bidunett ried li l-missjoni tkun totalment inklużiva. Ma emarġina lil ħadd minħabba l-kultura tiegħu: ma emerġinax lis-Samaritani, [Lq 17,11-19; cf. 11,29-37], lill-Kagħanin [Mt 15,21-28], lir-Rumani [Lq 7,1-10], anzi kellu kliem pożitiv fuqhom. Ma emarġina lil ħadd minħabba l-kundizzjoni morali tiegħu: ma emarginax il-midinbin, irġiel [Lq 5,29-32] jew nisa [Lq 7,36-50], avolja dan ġibed fuqu il-kundanna tal-awtoritajiet reliġjużi. Ma emarġina lil ħadd minħabba l-kundizzjoni fiżika tiegħu: ma emarġinax lill-lebbrużi [Lq 5,12-14; 17,11-19], anzi f’każ minnhom ma ddejjaqx joħrog idu biex imiss il-lebbruż [Lq 5,13].
L-iskop ta’ Ġesù ma kienx sempliċement li jersaq lejn l-emarġinati, imma li jgħin lill-emaġinati fiżikament u spiritwalment ħalli jintegrahom fil-komunità ħalli isibu posthom mill-ġdid fil-komunità. Kif fieq is-Samaritan seta’ jabbanduna l-iżolament tiegħu u jersaq “f’riġlejn Ġesù”, u wieħed jimmaġina li sabu posthom lura fil-komunità anki d-disgħa l-oħra. Lill-lebbrużi bagħathom ħa jarahom is-saċerdot skont ma kien hemm fil-Liġi ta’ Mosé [Lev 13 – 14] u hekk setgħu ukoll jieħdu sehem mal-bqija tal-komunità fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi.
Dak li kien qed jagħmel hu Ġesù ta mandat lill-appostli jagħmluh anki huma: “… morru fittxu n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael. Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-lebbrużi, keċċu x-xjaten” [Mt 10,6-7]. Il-mandat lill-appostli hu mandat lill-Knisja, lill-Knisja universali u lill-Knisja lokali. Kull fejn hemm nies li għal xi raġuni jew oħra is-soċjetà temarġinahom il-Knisja – l-insara li jiffurmaw il-Knisja – hi obbligata tersaq lejn dawn in-nies u tgħinhom jintegraw ruħhom fil-komunità.