Il-Missierna – Prayer Café #14
IL-MISSIERNA
Nimmeditawha, Nifhmuha, Ngħixuha
Minn Fr. Charles Fenech O.P. – Direttur Moviment Kerygma
Prayer Cafe il-bieraħ ħa xgħejra differenti minn dik tas-soltu. Iltqajna f’laqgħa waħda l-adulti flimkien mal-adoloxxenti. Fr. Charles għamel spejgażżjoni ta x’inhi verament it-talba tal-Missierna. Waqt din il-laqgħa niżżilt ftit punti li laqtuni u li ħa nkun qed naqsam magħkom.
l-ewwel parti:
Il-Missierna hija l-forma ta’ kif wieħed għandu jitlob. Araw ftit kif:
Missierna li inti fis-smewwiet,
Jitqaddes Ismek
It-talba tibda b’tifħir lil Alla. Hekk għandha tibda kull talba li nagħmlu. Ma nħarsux lejn Ġesu’biss għax irridu xi ħaġa… Imma b’tifħir lil Alla.
Jitqaddes Ismek
Din hija importanti li wieħed jifhimha. Meta jkun hemm ambjent ta’ dagħa fid-dar , fuq il-post tax-xogħol eċċ IKUN HEMM AMBJENT TA’ SAĦTA. U allura viċi versa. Meta ikun hemm ambjent ta’ talb, IKUN HEMM AMBJENT TA’ BARKA.
Tiġi saltnatek,
Ikun li trid int,
Kif fis-sema hekkda fl-art.
Aħna meta nitolbu, irridu nafdaw f’Alla u nkunu pożittivi fit-talb tagħna. Irridu nintelqu f’idejH b’fidi soda u mhux dubjuża. Irridu nkunu ċerti minn dak li qed nitolbu u mhux kif irridu aħna. Irridu nkunu dixxipli u ma niibżgħux ngħidu li aħna nsara.
It-Tieni parti:
Hawnhekk nkomplu naraw il-forma ta’ kif aħna għandna nitolbu. Kif ukoll ħarsa lejn il-passat, preżent u futur.
Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum,
U hawnhekk nibdew inressqu t-talbiet tagħna. Ta’ kuljum irridu nsibu ħin fil-ġurnata fejn nieqfu u nitolbu. Fejn nidħlu f’intimita’ mal-Mulej u hawnhekk, verament inkunu qed ninħallu mill-għoqiedi tagħna – meta ngħatu spazju lill-Mulej fit-talb, fis-skiet.
aħfrilna dnubietna bħalma
naħfru lil min hu ħati għalina,
U min mhux mibneb? Il-knisja hi mibnija fuq il-midinbin, la darba aħna għandna mal-art. Għax il-knisja mhix tal-anġli; dawk qegħdin biex jipproteġuna. Il-knisja mhix tal-qaddisin – dawk qegħdin hemm biex jispirawna. Iżda la darba aħna lkoll midinba, ma nistgħux inżommu f’qalbna l-weġgħat, il-ħsarat, il-gideb, il-ġlied eċċ li wieħed għamlilna. Aħna umani għalhekk mhux la kemm taqbad u taħfer u tinsa. GĦALHEKK IRRIDU NITOLBU! Biex kontinwament nitolbu maħfra u nġeddu l-maħfra tagħna ma’ ħaddieħor. Ma nistgħux nitolbu maħfra mbagħad ma naħfrux lil ħaddieħor. Ma tistax tkun nisrani tajjeb jekk ma taħfirx.
U la ddaħħalniex fit-tiġrib,
Iżda eħlisna mid-deni.
Nitolbu lill-Mulej biex jevitalna li nidħlu fl-inkwiet. Kullħadd ikollu t-toqol tiegħu. Itlob l-Ispirtu s-Santu biex jgħinek u jekk int temmen, isir il-miraklu miegħek. Il-Mulej qed ikellmek bil-fatti. Tiitaqa’ ma xi ħadd u jgħidlek xi ħaġa. Tiftaħ il-Bibbja u taqra dak li jrid Alla.
Amen.
Nemmnu f’dak kollu li ngħidu. Anki meta s-saċerdot itina l-ostja, ngħidu Ammen li tinstema. Irridu nemmnu f’kull ma’ nitolbu
Mela kif irridu nitolbu lill-Mulej?
Ibda t-talb tiegħek b’tifħir lil Alla.
Afda fit-talb tiegħek.
Itlob biex tagħmel dak li jrid Alla minnek.
Aħfer u itlob maħfra.
Itlob għall-għajnuna.
Amen: Emmen.