Imħabba Gratwita – Prayer Cafè – 17 ta’ Frar 2017
7 Ħadd matul is-Sena. Sena A.
Levitiku 19: 1-2, 17-18; Salm 102; 1 Kor 3: 16-23; Mattew 5: 38-48
Kemm-il darba niltaqgħu ma’ persunaġġi fl-evanġelji li Ġesù meta ltaqa’ magħhom qalilhom ‘dnubietek ikunu maħfura’. Il-parabbola tal-Iben il-Ħali twasslilna ħafna sentimenti bħall-maħfra, imħabba, stennija, ġustizzja, prefernzi u suppervja fost l-oħrajn. Forsi l-maħfra sinċiera hija l-akbar waħda li toħroġ bil-qawwa għalina. It-talb żgur li jgħinna biex nirbħu dawk il-mumenti mudlama li fihom ma nkunux nistgħu naslu għall-maħfra li tħallina nkomplu ngħixu ħajjitna b’mod kostruttiv. Il-kelliem tal-laqgħa semma kif il-Papa Franġisku qal li l-agħar ħaġa li nagħmlu meta nkunu ttentati hija li nidħlu fi djalogu max-xitan. Il-Papa semma l-eżempju ta’ Eva li tkellmet u ddjalogat max-xitan fil-ġnien tal-Eden; u dan wassalha biex taqa’ għalih. Mentri b’mod oppost insibu lil Ġesù li meta ġie ttentat fid-deżert huwa ma kompliex u ma tkellimx max-xitan. Ġesù ikkowatalu l-Kelma t’Alla fl-Iskrittura u waqaf hemm. Bit-talb għalhekk inkunu qegħdin nitolbu u nitkellmu ma’ Alla li jwassalna biex negħlbu dak li jkun qiegħed ifixkilna.
L-evanġelju tal-Ħadd li ġej huwa parti mid-diskors tal-muntanja. Huwa vanġelu iebes li forsi jdarrasna, peró dak huwa li għallimna Ġesù. L-akbar eżempju ta’ dan Ġesù tah fuq is-salib. Ġesù qiegħed jgħidilna biex inħobbu lill-għadu tagħna. Fuq is-salib huwa qal: “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.”
Ġesù jgħidilna li ma ġiex biex jibdel il-liġi imma biex jipperfezzjonaha. Fil-ktieb tal-Levitiku li fih il-liġijiet li kienu jużaw il-poplu Lhudi insibu kif azzjoni ħażina kienet twassal għal azzjoni ħażina oħra bi tpattija; kienet tpattija ta’ għajn għal għajn u sinna għal sinna.(Ma kinitx risposta u azzjoni ħażina akbar mill-azzjoni irċevuta). Ġesù peró qed jgħid xi ħaġa differenti; dik li npattu azzjoni jew nirreaġixxu azzjoni ħażina b’waħda tajba. Hekk ma tkunx qiegħed taġixxi bl-istint impulsiv tiegħek imma bil-kmandament il-ġdid tal-imħabba ta’ Ġesù. Ġesù qiegħed jurina li l-vendetta mhux tan-nisrani. San Ġorġ Preca kien isemmi ħafna l-manswetudni li tfisser il-maħfra tal-għedewwa. Għandna nżommu quddiem għajnejna li dan huwa proċess fit-triq tal-perfezzjoni. L-azzjonijiet tagħna mhuma xejn ħlief pass f’din it-triq; żgur li mhux se naslu mill-ewwel imma rridu nkunu kapaċi nagħmlu pass wara pass.
Aħna ulied il-Missier u minħabba li hu jħobb mingħajr distinzjoni, aħna rridu nkunu bħalu u nkunu kapaċi saħansitra nħobbu l-għedewwa tagħna. Alla jiġri wara l-midneb u wara min offendieh.
Dan allura jfisser li nkunu ġwejfa u ma nirreaġixxux għal dak li jiġrilna? Lanqas xejn. Waqt il-proċess ta’ Ġesù fil-passjoni, il-qaddej qal lil Ġesù “hekk twieġeb lill-qassis il-kbir?”, u tah daqqa ta’ ħarta. Ġesù kif irreaġixxa? B’mod vjolenti? Le. Ġesù rrispondieh u qallu: “Jekk għedt is-sewwa, għalfejn qed terfa’ jdejk fuqi?” Ma kienx aggressiv u ħallas bl-istess munita. Ġesù ma weġibx bi stqarrija imma wieġeb b’mistoqsija fejn meta twieġeb hekk tkun bdejt proċess li forsi jwassal biex dak li għamel l-azzjoni jaħseb fuq għemilu.
Il-Papa Franġisku qal li jekk bl-imħabba jiġu l-ulied, hekk bil-maħfra inkunu qegħdin inqajjmu lil xi ħadd mill-mewt; dik spiritwali. Aħna rridu nkunu xhieda ta’ dak li nemmnu bil-mod tal-ħajja tagħna. Il-kelliem semma lill-Kardinal Van Thuan li kien mitfugħ il-ħabs fil-Vjetnam għal 13-il sena. L-għassiesa tiegħu kienu jistaqsuh jekk jobgħodhomx. Huwa kien jgħidilhom le, anke le għal tpattija kieku joħroġ mill-ħabs. L-għassiesa stess ġew persważi bil-ħajja tiegħu tant li kienu jbiddlu l-għassiesa ħalli ma jiġux influwenzati minnu. Huwa għex il-virtujiet b’mod erojku fejn ħabb saħansitra lil dawk li kienu jżommuh fil-ħabs.
Il-Papa Franġisku qal kemm-il darba li aħna mdorrija nobogħdu, rridu nkunu dejjem minn fuq, inwieġbu t-tgħajjir b’tgħajjir u mdorrija nitgħajjru qisna qed ngħidu lil xulxin l-għodwa t-tajba. Dan l-evanġelju jfissrilna li mill-ġustizzja kif kienu jifhmuha l-Fariżej qegħdin ngħaddu għall-ġustizzja differenti tas-saltna t’Alla. Din il-ġustizzja qed turina kif aħna nitilgħu fuq il-muntanja tal-Beatitudnijiet. F’dan id-diskors tal-muntanja, Ġesù kien qiegħed jipprietka l-liġi l-ġdida, il-liġi tal-imħabba. Huma kien moħħhom fl-irqaqat u kienu qed jaraw lil Ġesù joħdilhom il-poter u l-kontroll. Ma kienx qiegħed jagħmel dan bil-vjolenza imma bl-imħabba.
Alla ħalaqna xbiha tiegħu u huwa għalhekk li rridu nemmnu fl-imħabba gratwita u totali
Għalhekk dan ifisser li aħna rridu ninqatgħu mill-osservanza tal-liġi weħidha. Apparti mil-liġi aħna rridu ningħataw anke lill-għadu bla ma jistenna xejn lura. Ma rridux nistennew il-premju tal-azzjoni tajba li qed nagħmlu. Il-premju tiegħi imur lil hinn u l-ħajja tinbidel u l-Ispirtu tiegħi jgħaddi għal ħajja differenti. It-talb u l-fiduċja fl-Ispirtu s-Santu jgħinna biex noħorġu minn dawn il-ħafna spirali ta’ vjolenza u liġijiet li jekk ma ninquflhomx jirkbuna u jiħdulna l-kontroll tal-ħajja tagħna.
Ġesù jagħtina dawn l-erba’ suġġerimenti: 1)meta xi ħadd jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll; 2)jekk xi ħadd itellgħek il-qorti u jeħodlok il-libsa, tih ukoll il-mantar; 3)min jitolbok timxi miegħu mil, imxi miegħu tnejn; 4)lil min tislef, titlobulux lura. Dawn jidhru iebsin imma juruna li m’għandniex nibqgħu passivi.
Alla ħalaqna xbiha tiegħu u huwa għalhekk li rridu nemmnu fl-imħabba gratwita u totali; u nagħmlu dan fid-dawl li Alla diġá għamel hekk magħna permezz ta’ Ibnu Ġesù li huwa, il-Missier, bagħat fostna.