Imxi Warajja – Prayer Cafè – 8 t’April 2016
Evanġelju tat-3 Ħadd tal-Għid (Sena Ċ): Ġw 21, 1-19
[Ġw:21:1] Wara dan, Ġesù raġa’ deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija. Dehrilhom hekk:
Bil-verb ‘deher’ l-Evanġelista Ġwanni juri li kien se jseħħ avveniment kbir. Li Ġesù deher kienet diġà xi ħaġa straordinarja imma li ‘reġa’ deher tfisser li kien hemm relazzjoni ta’ Ġesù mad-dixxipli tiegħu wara l-qawmien. Tfisser ukoll li Ġesù jagħti każ tad-dettalji, bħal meta deher lill-appostli u Tumas ma kienx preżenti u d-darba ta’ wara meta reġa’ deher lill-appostli Ġesù sejjaħ lil Tumas biex idaħħal sebgħu fil-kustat tiegħu ħalli jemmen li huwa verament l-Iben ta’ Alla. Il-fatt li Ġesù reġa’ deher lid-dixxipli għat-tielet darba ifisser ukoll li jagħti ħafna aktar minn ċans wieħed; Ġesù jimxi bil-pass tagħna, ma jiġġudikaniex u jippretendi affarijiet ‘il barra mill-personalità tagħna.
[Ġw:21:2] Xmun Pietru, Tumas, li jgħidulu t-Tewmi, Natanjel minn Kana tal-Galilija, ulied Żebedew u tnejn oħra mid-dixxipli tiegħu kienu flimkien,
Pietru u s-sitt dixxipli l-oħra ħarġu miċ-ċenaklu u marru lura għall-ħajja tagħhom ta’ qabel, tas-sajd. Ġesù bil-mewt u l-qawmien tiegħu kien għadu ma messilhomx qalbhom u biddilhom. Niftakru kif anke d-dixxipli t’Għemmaws ma kinux għarfuh qabel il-qsim tal-ħobż.
Ġesù deher lil komunità (kienu sebgħa min-nies, in-numru perfett) u mhux individwu waħdu. Din tfakkarna meta Ġesù qal li fejn hemm tnejn jew tlieta miġbura f’ismu hemm hu jkun f’nofshom.
[Ġw:21:3] u Xmun Pietru qalilhom: “Sejjer nistad.” Qalulu: “Ħa niġu miegħek aħna wkoll.” Marru, rikbu d-dgħajsa, u dak il-lejl ma qabdu xejn.
Wara ‘lejl’ ta’ sajd waħidhom ma kienu qabdu xejn. Niftakru f’Luqa 5,1-11 fl-ewwel miraklu tal-qabda tal-ħut li għandu ħafna similaritajiet mas-silta tal-evanġelju tal-lum. Kien id-dlam, kienu fis-solitudni waħidhom, kienu falliment f’xogħolhom.
[Ġw:21:4] Fil-għodu mas-sebħ, Ġesù kien qiegħed ix-xatt, imma d-dixxipli ma kinux jafu li kien Ġesù.
‘Filgħodu mas-sebħ’ dawn id-dixxipli ma baqgħux fid-dlam. Ġesù irritorna mal-appostli bħala d-dawl għalkemm huma kienu għadhom ma għarfuhx. Huma kienu għadhom fil-bżonn li jidħlu aktar fil-fond u ma jibqgħux waħidhom.
[Ġw:21:5] Ġesù qalilhom: “Għandkom x’tieklu, ħbieb?” “Le,” weġbuh.
L-inizjattiva ġiet minn Ġesù, il-grazzja tiġi minnu u mhux minna. Bi kliemu hu wriehom x’kienet is-sitwazzjoni tagħhom. “Għandkom x’tieklu ħbieb?”
Il-Kelma t’Alla dejjem tapplika għalina u tidħol fil-fond tal-personalità tagħna u l-karatteristiċi tagħna. Lest naċċetta ir-rimarka ta’ Ġesù fuq il-ħajja tiegħi u hija vojta? Għandi l-kuraġġ naċċetta li għandi bżonnu jew is-suppervja tagħmel bija? Jekk ma nħallix id-dawl tiegħu jiddi fuqi, ma nistax ninbidel.
[Ġw:21:6] Qalilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu.” Dawn waddbu x-xibka, u mbagħad ma felħux jiġbduha daqs kemm qabdu ħut!
Hu stedinhom biex jitfgħu ix-xibka n-naħa tal-lemin; hu kien qiegħed jgħid lis-sajjieda kif għandhom jistadu. Però l-ubbidjenza tagħhom twassal għal miraklu.
(Interessanti li f’dan il-punt ma kinux għarfu diġà lil Ġesù: l-għajnuna għandna naċċettawha mhux meta ġejja minn miraklu imma anke min-nies ta’ madwarna; ħalliha li indirettament tkun ġejja mingħand Ġesù xorta waħda.)
Il-Kelma t’Alla tasal għandi b’diversi modi; bil-persuni, laqgħat ta’ talb, kliem ta’ nies oħra. Imma l-Kliem li jibdilni dejjem ġej mingħand Ġesù li jridilna biss il-ġid.
[Ġw:21:7] Id-dixxiplu li kien iħobb Ġesù qal lil Pietru: “Il-Mulej dan!” Għalhekk Xmun Pietru, kif sama’ li kien il-Mulej, xeħet fuqu l-libsa ta’ fuq, għax kien għoddu għeri, u ntafa’ l-baħar.
Ġwanni għaraf lil Ġesù u stqarr lil Pietru: ‘il-Mulej dan’. Il-Fidi tagħna fil-Mulej irridu naqsmuha mal-oħrajn inkella ma tkunx kompluta u ma tagħmel l-ebda frott.
Dan wassal lil Pietru biex jilbes u jaqbeż mid-dgħajsa biex jiltaqa’ malajr ma’ Ġesù. (Dan l-att ifakkarna fil-magħmudija li fiha nilbsu l-libsa ta’ Kristu li ttina l-karattru ġdid ta’ membri fil-Knisja ta’ Ġesù u tagħmilna bnedmin ġodda.)
Napprezzaw li Pietru ħataf il-mument tal-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù u rrejaġixxa mill-ewwel u mingħajr telfien.
Nistgħu naraw ix-xebh bejn Pietru u dawn il-personaġġi:
lill-armla li tat il-flus tagħha kollha fit-tempju,
lill-imxajtan ta’ Gerasa li ġera lejn Ġesù u nxteħet f’riġlejh,
Il-mara li fieqet min-nixxiegħa tad-demm.
L-għaxar imġiddma li marru quddiem Ġesù.
Ġesù stess li mar quddiem il-Missier u talab: Mk 14,35.
Kemm qiegħed nintelaq f’dan il-baħar ta’ ħniena tal-Mulej? Kemm qiegħed inkun bħall-Iben il-Ħali li jmur lura għand il-Missier u l-Missier jiġri lejja? Luqa 15, 18.20.
Pietru hawn qiegħed jitfa’ fuqu d-drapp, l-istess kif Ġesù libes fardal biex jaħsel saqajn l-appostli. Huwa l-libsa tal-umiltà, ta’ serv li jagħti ħajtu għal persuna oħra, drapp li jgħatti l-għera li huma d-difetti u l-limitazzjonijiet tagħna bħala bnedmin. Din il-libsa tagħtina ħajja u karattru ġdid, insiru Kristu ieħor.
[Ġw:21:9] Kif niżlu l-art, raw li kien hemm xi faħam jaqbad, bil-ħut fuqu, u xi ftit ħobż.
[Ġw:21:10] Qalilhom Ġesù: “Newwlu ‘l hawn xi ħutiet minn dawk li għadkom kemm qbadtu.”
Insibu lil Ġesù fuq ix-xatt: hawnhekk hu jgħaqqad il-ħobż li kellu hu mal-ħut tas-sajjieda. Il-ħajja u r-rigal tiegħu isiru ħaġa waħda mal-ħajja u r-rigal tagħhom.
Din hija l-qawwa tal-Kelma li saret Laħam. (Verbum Dei Caro Factum Est). Huwa l-miraklu li jseħħ kuljum fl-Ewkaristija meta l-ħobż u l-inbid, frott il-bniedem isiru l-ġisem u d-demm ta’ dan Ġesù.
Il-ħut huma n-nies li Ġesù jixtieq isalva permezz tagħna u l-isforzi tagħna. Ma nistax immur għand Ġesù waħdi.
[Ġw:21:11] Xmun Pietru tala’ fid-dgħajsa u ġibed l-art ix-xibka mimlija b’mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira; u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx.
Fix-xibka li hija l-Knisja hemm post għal kullħadd u kullħadd huwa mportanti: żewġ spjegazzjonijiet fost oħrajn għall-153 ħuta huma: 153 speċi ta’ ħut magħrufa, is-17 –il numru triangulari: 10 għal-liġi u 7 numru perfett.
Vrus 15-17:
Hawn insibu l-konverżazzjoni bejn Pietru u Ġesù, kliem ta’ żewġ persuni qrib xulxin bħal donnhom jieħdu gost bil-preżenza ta’ xulxin u li jridu l-konferma tar-relazzjoni li hemm bejniethom.
Dan il-kliem qiegħed ukoll jgħidu lilna Ġesù f’dan il-mument. Huma kliem ta’ stqarrija tal-imħabba tagħna lejn Alla quddiem ix-xhieda ta’ madwarna. (Fl-ewwel mistoqsija din l-imħabba tiġi mqabbla ma’ tal-oħrajn: għaliex l-imħabba tagħna għandha tkun xhieda quddiem l-oħrajn).
L-istedina ta’ Ġesù għal Pietru u għalina llum hija: ‘EJJA U IMXI WARAJJA’.