Inkunu Nsara li naħdmu – Prayer Café: 14 ta’ Frar 2014
PRAYER CAFÉ
14 02 2014
‘Dan il-vanġelu hu waħda mis-siltiet li tħallik bla nifs’, beda Fr Charles Fenech il- laqgħa PRAYER CAFE . Forsi xi wħud wara li jaqraw din is-silta jgħidu li Ġesu qiegħed isib ix-xagħra fl-għaġina . Aħna wkoll nistgħu nsibu lilna nfusna ngħidu bħad-dixxipli stess “Mela min se jsalva?” jew forsi hemm min jgħid “Mela Ġesu ħasibna tax-xemgħa?” Iżda meta wieħed jqalleb il-Bibbja jsib li din is-silta tinstab ezatt wara il-famuż passaġġ tad-Diskors tal-Muntanja, fejn Ġesu jgħidilna “Inti hieni jekk tagħmel ……” Hawn Ġesu tana l-aħbar it-tajba li Alla jrid jagħtina l-hena tal-qalb. L-aħbar it-tajba tiġi qabel il-kmandamenti. Fis-silta tal-vanġelu ta’ nhar il-Ħadd jurina li Ġesu ried ineżża kompletament l-ipokrezija tal-Kittieba u tal-Farizej ;dawn mhux biss kienu mexxejja reliġjużi iżda kienu wkoll mexxejja politiċi u soċjali tal-Lhud. Dawn barra li jsegwu l-kmandamenti kellhom ‘l fuq minn 625 -il-liġi li kienu jitgħallmu bl-amment u kienu wkoll isegwuhom bir-retta. Waħda minn dawn il-liġijiet kienet li bil-kitba tad-divorzju raġel setgħa jkeċċi lil mara ‘l barra jekk ma ssajjarx tajjeb. Imma Ġesu qalilhom “Imma jien ngħidilkom li kull min jibgħat ‘il martu, …iwaqqagħha fl-adulterju..”(Mt 5:32) Mela Ġesu ma ġiex biex iwaqqa l-Liġi “imma biex inwassalhom għall-perfezzjoni.”(Mt 5:17)
Fil-mixja tal-fidi tagħna rridu ngħarfu nqumu wara l-waqgħat tagħna, irridu ninżabbru, kompla Fr Charles Fenech. Importanti li naraw l-ħajja bin-nuċċali ta’ Ġesu u bih naraw stampa differenti minn dik li trid turina d-dinja. Din hi l-problema tagħna llum – llum għadu kif għadda vot fil-parlament Belġjan li t-tfal ta’ kull eta f’kas ta’ mard għandhom id-dritt li jitolbu l-ewtanasja! Dan jurina li veru missejna l-qiegħ. Alla biss huwa l-awtur tal-ħajja. Irridu ngħarfu nimxu kontra l-kurrent.
Frazi li tolqot lil Fr Charles f’dan il-vanġelu hi “jekk tkun qiegħed ittella’ l-offerta tiegħek fuq l-altar u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, itlaq l-offerta …u mur irranġa ma ħuk, u mbagħad ejja tella’ l-offerta tiegħek.” Mela aħna obbligati li għalkemm it-tort ikun ta’ ħaddieħor xorta rridu nipprovaw nirranġaw is-sitwazzjoni. Irridu nieħdu azzjoni. Ma nistgħux nużaw ir-reliġjon qisha lasstiku. Bħal fil-kaz tar-Referendum tad-divorzju f’Malta, kien hemm min irraġuna li għalkemm ma jaqbilx miegħu ivvota ‘iva’ forsi jkollhom bżonnu uliedhom fil-futur!
Irridu nkunu kapaċi nikkontrollaw lilna nfusna. Irridu nkunu nsara li naħdmu mhux nsara li nisimgħu biss. Hi x’inhi l-eta u l-pozizzjoni tagħna fis-soċjeta irridu ngħarfu nitħeġġu fil-ħidma għal Mulej.
Il-laqgħa tkompliet b’diskussjoni minn dawk prezenti. Xi punti li ħarġu waqt id-diskussjoni kienu: “Jekk qalbna timtela bi vjolenza, minnha vjolenza toħroġ, jekk timtela b’nuqqas ta’ safa, nuqqas ta’ safa tarmi. Għalhekk Ġesu jgħidilna biex nħarsu għajnejna u idejna… llum Gesu jikxfilna l-maskla. Maskla li ħafna drabi turi l-mod immatur li bih ngħixu r-reliġjon tagħna. Mod ta’ reliġjon li fih aħna biss spettaturi….għalhekk Ġesu ġie biex jenfasizza għajxien sħiħ tal-kmandamenti….
Fil-ħajja tagħna qegħdin naġixxu? Lesti li naffrontaw il-problemi tal-ħajja? JEW se nibqgħu qisna rix, nimxu mal-kurrent, bla fibra, bla rieda soda, għax hekk hi l-moda, bla ma nafu kif nieqfu fuq saqajna u nieħdu deċiżjonijiet tajba?
Avvizi:
Se jsiru eżerċizzi bejn it-Tnejn 10 ta’ Marzu sal-Ġimgħa 14 ta’ Marzu fiċ-ċentru Kulturali Kerygma. Dik tal-Ġimgħa 14 ta’ Marzu issir ġewwa s-Seminarju. Jibdew fis-7.00pm sharp u billi se jkunu trażmessi live fuq Radju Marija kulħadd irid ikun bilqegħda f’postu sas-6.50pm meta jingħalaq il-bieb u ħadd iżjed ma jkun jista’ jidħol. Għal Aktar Informazzjoni Agħfas Hawn!
Weekend IRTIR GĦALL FAMILJA
Esperjenza Ġesu li ser issir bejn il-Ġimgħa 14 u l-Ħadd 16 ta’ Marzu 2014 fis-Seminarju Tal-Virtu r-Rabat. Għal Aktar Informazzjoni Agħfas Hawn!