Komunita’ bl-Ewkaristija – Prayer Café: 17 t’April 2015
Evanġelju tat-Tielet Ħadd tal-Għid.
Il-Kelliem beda biex jgħid li l-evanġelju tal-lum huwa ċċentrat dwar suġġett għal qalbu u għal qalb ħafna nies; l-ikel. Id-dixxipli proprju għarfu lil Ġesù fil-qsim tal-ħobż. Ġesù kien filfatt qiegħed miexi mad-dixxipli ta’ Emmaws u għamel tabirruħu li se jibqa’ sejjer. Huma però talbuh biex jibqa’ jiekol magħhom. Wara li għarfuh fil-qsim tal-ħobż reggħu marru lura Ġerusalemm għand id-dixxipli biex jgħidulhom li l-Mulej qam. Din kienet aħbar straordinarja li qatt ma nstemgħet. Ġesù kien qajjem nies mill-mewt bħal Lazzru u l-armla ta’ Najm, però ħadd ma kien qam mill-imwiet waħdu.
Issa llum reġa’ dehrilhom u biex jurihom li ma kienx fantażma talabhom għal xi ħaġa x’jiekol biex jurihom li l-iħirsa ma jiklux imma hu, Ġesù li qam mill-mewt iva.
Riflessjoni oħra dwar it-tema tal-ikel fl-evanġelji kienet li l-Ewkaristija wkoll waqt ikla ġiet imwaqqfa.
Għaliex Ġesù kien jagħżel dawn il-mumenti hekk importanti proprju ta’ ikla? Aħna bħala soċjetà għandna d-drawwa li biex nitkellmu bejnietna nistiednu lil xulxin għall-ikel jew biex niltaqgħu flimkien nagħmlu dan waqt xi ikla. L-ikel bħal joffri ambjent ta’ ħbiberija, qsim ta’ ferħ u esperjenzi. Huwa mument fejn dak li huwa tiegħi qiegħed inpoġġieh fin-nofs biex naqsmu ma’ ħaddieħor. Kristu ħallielna lilu nnifsu waqt l-Ikla tal-Għid li kien qiegħed jagħmel mal-appostli.
Aħna ħafna drabi nkunu mistiedna għall-pranzu, għall-ikla mal-Mulej. Il-Quddiesa hija l-istedina li għamlilna Ġesù elfejn sena ilu. Issa jiddependi minna jekk nużawx din l-istedina biex nerġgħu niltaqgħu ma’ Ġesù reali jew le. Għandna nemmnu li se niltaqgħu ma’ Ġesù ħaj u f’ambjent ta’ festa u qsim mal-oħrajn. Ġesù huwa dak li hemm quddiemna waqt l-ikla. Min ikun hemm quddiemna huwa mportanti waqt ikla. Fl-ewkaristija hemm Ġesù quddiemna preżenti quddiemna.
Jista’ jkun li hawn quddies li ma tistax issejjaħlu festa però għall-grazzja t’Alla wieħed jista’ jfittex quddiesa hu li jsibha adattata għalih. Ejja nieħdu ċ-ċans li niltaqgħu ma’ dan Ġesù l-ħabib tagħna u miegħu naqsmu dawk l-affarijiet sbieħ li qegħdin jiġrulna u anke n-niket li forsi għaddejja minnu. Ġesù huwa dak il-ħabib li ma jittradina qatt. Irridu l-fidi, imqar daqs żerriegħa tal-mustarda u b’din il-fidi nistgħu żgur nagħmlu affarijiet kbar.
Issemma wkoll il-punt li meta forsi t-tqarbin isir rutina fil-ħajja tagħna, importanti li nerġgħu inħossu t-togħma ta’ dan Ġesù fl-Ewkaristija. Inkunu qegħdin nitilfu s-sens ta’ grazzja għaliex m’aħniex napprezzaw biżżejjed dan id-don li qegħdin nirċievu. Diversi nies qalu li dan ma jfissirx tieqaf mill-quddiesa għaliex b’hekk tkun qiegħed titlef minn dan is-sens ta’ ħbiberija u mħabba li nkunu ksibna ma’ Ġesù.
Il-laqgħa għalqet bil-punt li l-Ewkaristija tiftħilna għajnejna għal dawk li hemm madwarna. Id-dixxipli ta’ Emmaws meta kielu ma’ Ġesù, raw b’mod reali dak li hemm madwarhom. Alla jrid ikun fl-ewwel post tal-ħajja tagħna, qabel ir-rutina. It-tbatija verament li tressaqna lejn Alla; imma meta jiena nirċievi l-Ewkaristija, inħoss qalbi tħabbat f’sidri għal dawk li għandhom bżonn xi ħaġa, xi tip ta’ għajnuna? Spiss quddiem traġedji li qegħdin iseħħu madwarana bħall-persekuzzjonijiet tal-insara qiegħed ikun hawn xhieda inkredibbli. U inti x’lest li tagħmel? Aħna qed ngħixu reliġjon ta’ fsied u tradizzjonijiet? Fuq ix-xogħol, fil-familja, ma’ persuni b’diżabilità x’qegħdin nagħmlu? Il-fidi tagħna għandna tkun l-evanġelju tal-ferħ.