Lesti nagħmlu bidla radikali?
Il-laqgħa bdiet bit-Talba tal-Moviment.
Imbagħad inqara l-Vanġelu minn San Luqa, k19, v1-10 – ir-rakkont ta’ Żakkew.
Żakkew bniedem għani, in-nies jobgħoduh għax traditur ta’ niesu; minbarra li hu seftur tal-ħakkiema hu wkoll ħalliel.
Jekk inħarsu lejh bl-għajnejn ta’ bnedmin nindunaw li fil-Vanġelu hemm ukoll episodji umoristiċi.
Nagħmlu ftit “role play”. Kieku jien kont flok Żakkew kont nitla’ fuq is-siġra? Kemm kont indum nixtarr x’se tkun ir-reazzjoni tal-folla? Ifisser li biex nersaq lejn Ġesu’ noqgħod inqis. Mhux hekk Żakkew, jaf li se jaqa’ għar-redikolu, bniedem magħruf, pubblikan, anzi kap tal-pubblikani. Pubblikan ieħor bħal dak li daħal fit-tempju u baqa’ ħdejn il-bieb għax ħassu ndenju, għaraf iċ-ċokon tiegħu.
Meta kien ġie l-Papa Ġwanni 11, l-għada, f’gazzetta ewlenija lokali, kien deher ritratt ta’ tfajjel li kien tela’ fuq siġra, liebes flokk abjad u shorts isfar għax ried jara sew. Il-kummenti dwar ir-ritratt kienu kollha ta’ simpatija, għax kien tifel.
Imma l-folla li rat lil Żakkew iġġudikatu b’mod differenti, anki għax kellha l-prejudizzju dwaru. Il-folla ma taħfirhiex, trid tgħid tagħha, l-ewwel kienet ostaklu, għax minħabba t-tul Żakkew ma setax jara lil Ġesu’, imbagħad iġġudikatu fuq dak li jidher, fuq dak li kienet taf dwaru superfiċjalment.
Imma jekk Żakkew ħass dix-xewqa li jara min kien Ġesu’, minn ġewwa kien bniedem ieħor, kien bniedem li Alla biss jaf x’kellu f’qalbu.
F’dan l-episodju naraw li Żakkew kellu jegħleb tliet ostakli biex ikun jista jara lil Ġesu’ għaddej.
L-ewwel wieħed kien it-tul. Imma b’rieda sħiħa li kellu biex jiltaqa’, jew tal-inqas jara lill-Mulej, nessitu lilu nnifsu. Ħareġ minnu nnifsu u ma ħabbilx rasu mill-ġudizzju li kien jaf li se tgħaddi fuqu l-folla. Jekk napplikaw dan għalina nindunaw li jekk mhux mill-istatura aħna wkoll qosra meta nitilfu l-fiduċja fina nfusna. Din hi tentazzjoni kbira li x-xitan jiżra’ fina bla waqfien biex jipprova jirbaħna għalih.
Hi tentazzjoni li tolqot ukoll il-fidi tagħna, l-istatura mhux fiżika, iżda l-istatura tal-fidi li għandna, kemm aħna konvinti minn dak li nemmnu u kemm inqiegħdu lil Alla l-ewwel f’kollox.
F’omelija li għamel dil-ġimgħa l-Papa Franġisku tkellem dwar San Pawl (qed jitkellem spiss dwaru għax bħalissa qed jagħmel l-udjenzi ta’ nhar ta’ Erbgħa dwar l-Atti tal-Appostli). Osserva li fil-ħin li Pawlu kien wasal lejn tmiem ħajtu ma kienx moħħu f’dak li se jiġri minnu, iżda ħsiebu kien biss dwar kif se tkompli tixxandar il-kelma t’Alla.
F’ħajjitna, bosta drabi, minflok inħarsu ‘l fuq, inħarsu ‘l isfel. Mhux hekk għamel Ġesu’ meta ra lil Żakkew. Alla ma jaraniex dubbien, kif nagħmlu aħna ma’ xulxin. Alla jħares lejna u għandu fiduċja kbira li l-liberta’ li tana biex nagħżlu tkun favurih. Alla ma jorqod qatt, dejjem jishar għax jaf li jekk le, l-għadu se jkun iħuf biex jaħtaf in-nagħaġ.
F’opra ta’ Verdi, id-Don Carlos, waqt li r-Re Karlu qed jhewden fi xjuħitu jgħid: Se dorme il prence veglia il traditor – Ladarba l-prinċep ikun rieqed, it-traditur ikun iħuf.
Alla qatt ma jistrieħ. Tfakkarni f’cartoon li rajt m’ilux fejn raġel jistaqsi lil ieħor: Imma Alla qatt ma jieħu ġurnata mistrieħ? U dak iwieġbu: Le, għax id-darba li qagħad jistrieħ fil-ġnien tal-Għeden, il-bniedem beda jgerfex u ħawwadlu l-pjanijiet kollha!
Inħarsu ‘l isfel ifisser li nhedew immaħħu dwar l-imgħoddi, dwar kull ħaġa negattiva li ġratilna f’ħajjitna u nibqgħu mwaħħlin ma’ dak li għadda bla ma nħarsu lejn ix-xefaq l-ieħor. Aktar mhi sħiħa l-fidi tagħna aktar inkunu konvinti li l-uniku difett li għandu Alla hu li jinsa l-imgħoddi tagħna għax ħanin, għax mimli tenerezza, it-tenerezza tal-omm li tħaddan lill-ulied ma’ ħdanha.
Il-bieraħ il-Papa għamel omelija fejn tkellem dwar it-tenerezza ta’ Alla f’Ġesu’ Ibnu, dak Ġesu’ li beka quddiem il-qabar ta’ ħabibu Lazzru, li beka fuq Ġerusalemm għax ma rnexxilux jiġbor ‘l uleidha bħalma l-qroqqa tiġbor il-flieles taħt ġwenħajha.
Meta nintrabtu mal-imgħoddi, aktarx iħufu f’moħħna dejjem l-affarijiet ħżiena. Dan mhux denju tan-nisrani, huwa qosor figurattiv, qosor spiritwali, huwa virus li jimblukkalna ħajjitna, virus li jagħlqilna l-bibien tat-tama, nispiċċaw bla ferħ fi qlubna, nibqgħu statiċi u dak li hu statiku, qalilna l-Papa Franġisku l-bieraħ, jeħżien bħalma jeħżien l-ilma li ma jiċċaqlaqx, li ma jimxix.
Ostaklu ieħor fil-ħajja spiritwali tagħna, fil-mixja lejn Ġesu’, hi l-mistħija. Il-mistħija tipparalizzana. It-tifel fuq is-siġra ftit ħabbel rasu x’se jgħidu fuqu. Nimmaġinaw kieku minflok tifel kien hemm adult li ħa dik l-inizjattiva!
Dan hu Żakkew. Min jaf x’għadda minn moħħu qabel ma’ tela fuq is-siġra tat-tin selvaġġ. Imma x-xewqa li kellu li jara lil Ġesu’ għenitu jgħeleb il-mistħija. Kemm drabi aħna nipparalizzaw ruħna u nibżgħu nuru t-twemmin tagħna f’dinja ostili li ma tiddejjaqx tgħaddi messaġġi negattivi u li tikkundizzjonana bl-iskuża ta’ korrettezza politika, biex ma nurtawx lil min ma jaqbilx magħna!!
Ma ninsewx li Żakkew hu persunaġġ pubbliku, kien jaf li meta se jitla’ mas-siġra, hu tant mibgħud li kien se jkun żuffjett għal min jarah. Madankollu għeleb il-mistħija, għax il-ġibda lejn Ġesu’ kienet ferm akbar mill-umiljazzjoni li kien jaf li se jgħaddi minnha. X’lezzjoni għalina, fil-kuntest sekularizzat li qed ngħixu fih, fejn, bla ma nindunaw, aħna nfluwenzati mill-messaġġi tal-mezzi tal-komunikazzjoni li, minħabba fihom, lanqas inkunu qed nindunaw li qed nagħmlu kompromessi mal-prinċipji evanġeliċi!
Kemm irridu noqogħdu attenti biex ma nħallux id-droga tas-suċċess, tal-poter, tar-rikkezza titlagħlna għal rasna u ninsew li l-għan ta’ dil-ħajja hu x-xaqliba l-oħra. L-ankra tagħna rridu nitfgħuha fuq ix-xatt l-ieħor u aħna nibqgħu mqabbdin mal-ħabel, qalilna l-Papa Franġisku waqt omelija oħra fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Jekk nhedew biss fil-kumditajiet, fil-lussu artifiċjali li jpinġulna l-mezzi tal-komunikazzjoni, l-ankra tagħna nkunu qed inwaddbuha sal-qabar għax inkunu qed ninjoraw il-ħajja tal-eternita’, inkunu bħar-raġel tal-parabbola li ħaseb biex jibni l-imħażen għall-ġid kbir li kiseb u dak il-lejl stess kellu jrodd ruħu.
Dakinhar, il-folla kienet iġġudikat lil Żakkew, kienet ħarset lejh minn isfel għal fuq. Ġesu’ għamel il-maqlub, refa’ għajnejh għax mar ‘l hinn mid-difetti tal-bniedem. Alla jara, iħares lejn il-persuna, minflok jieqaf fuq id-difetti tal-imgħoddi jħares ‘ il quddiem għax ma jirrassenjax ruħu, jibqa’ jiġri wara l-bniedem. Jiġri warajh personalment, infatti, minkejja l-folla ta’ madwaru, lil Żakkew isejjaħlu b’ismu u jistieden ruħu b’idejh.
Żakkew tela’ jiġri fuq is-siġra u daqstant ieħor bil-ħeffa niżel biex jilqa’ lil Ġesu’ f’daru. Ġesu’, it-tabib tal-marid kif jistqarr Hu stess, jiġi għand kull min iħalli l-bieb ta’ qalbu miftuħ, jidħol fil-qalb ta’ min jitqabad għall-onesta’, għas-solidarjeta’, għall-ġustizzja vera, mhux għall-ġustizzja superfiċjali.
It-tagħlima li nieħdu minn dan l-episodju hi li, jekk irridu ngħixu ta’ veri nsara, il-bidla li jeħtieġ isseħħ fina hi bidla radikali. “Lil min sraqt irroddlu erba’ darbiet aktar, nofs ġidi ntih lill-foqra”.Kemm idarrasna dal-kliem! Imma l-verita’ hi li l-ħabel marbut mal-ankra li hemm fuq ix-xatt l-ieħor jitlob minna li nkunu foqra, jiġifieri li ma nkunu marbutin ma’ xsejn, anqas u anqas ma’ idejat u ideoloġiji politiċi.
Se nkun xi ftit polemikuż, imma nsostni li l-veru nisrani ma jistax ikun marbut ma’ ideoloġija politika, għax il-Vanġelu mhux politika, u mhux ideoloġija. Kif itenni spiss il-Papa Franġisku, il-Vanġelu hu stil ta’ ħajja li żżommna ekwilibrati ħalli ma niġġustifikaw qatt dak li jidher ċar li jmur kontra t-tagħlim tal-Vanġelu.
L-aktar ħaġa mportanti li rridu nżommu quddiem għajnejna hi li biex insalvaw m’hemm ebda ‘short cut’. Il-bieb id-dejjaq huwa għażla: kull ħaġa li nagħmlu, kull deċiżjoni li nieħdu rridu b’kuxjenza ħielsa nistaqsu lilna nfusna: kieku hawn Ġesu’ minfloki x’kien jagħmel? Nindunaw kemm naqgħu f’kompromessi, kemm hu diffiċli naqdfu waħedna mingħajr l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, mingħajr l-interċessjoni ta’ Marija.
Meta naqraw dal-pass tal-Vanġelu, donnu jidher li l-protagonista huwa Żakkew. Il-protagonista huwa Ġesu’, u r-relazzjoni li bir-rieda Tiegħu jwaqqaf mal-bniedem, l-imħabba li għandu għal kull bniedem li twasslu jagħti ħajtu anki għal min jagħmillu l-ħsara, għal min sallbu.
Dan l-episodju jseħħ fit-triq lejn Ġerusalemm, fejn Ġesu’ kien sejjer biex jingħata f’idejn l-għedewwa Tiegħu …… u x’inhu l-aġir Tiegħu? Laqgħa ma’ midneb, anzi ma’ midneb pubbliku, ħalliel bil-provi.
Żakkew, bħalna, hu bniedem midrub minħabba l-ġibda żejda mal-flus, li jbiegħduh minn Alla. Pero’ x-xewqa kbira li jara lil Ġesu’ terġa’ tkebbes fih il-fjamma li kienet iddgħajfet. Ġesu’, li qasba mġenġla ma jiksirhiex, li fjamma tnemnem ma jitfihiex, jerġa’ jkebbes in-nar f’dik il-qalb għax ħtieġlu jmur joqgħod għandu.
Bħalma għamel ma’ Żakkew, Ġesu’ jħabbat il-bieb ta’ qalbna għax irid iwaqqaf relazzjoni magħna personalment, iridna nistednuh f’darna, il-post li lilna jtina l-kenn u l-wens. Jekk dal-kenn u l-wens nippruvaw infittxuhom f’dak li hu materjali, inkunu qed niktbu l-kundanna tagħna nfusna. Jekk il-wens u l-kenn naqsmuhom ma’ min iħobbna b’imħabba bla qies, ma’ min juri magħna ħniena nfinita, jkun ifisser li aħna mqabbdin sewwa ma’ dak il-ħabel li t-tarf tiegħu hu marbut mal-ankra li hemm imwaħħla sew fuq ix-xatt l-ieħor.
L-għażla f’idejna!
Il-laqgħa għalqet bit-Talba tal-Missierna.