Lesti Nitfgħu x-Xbiek? – Prayer Cafè – 5 ta’ Frar 2016
Evanġelju ta’ San Luqa 5: 1-11.
Għan-nies tal-qedem il-baħar kien il-post fejn jgħammru l-ispirti ħżiena u l-qawwiet tal-ħażen. Ix-xbiha ta’ bniedem maħkuk mill-ħażen kienet għalhekk xbiha ta’ bniedem maħkum mill-qawwiet tal-ħażen li joħduha kontra Alla u li jwasslu għat-telfien ta’ dejjem. Meta Ġesù qal lill-appostli li se jagħmilhom sajjieda tal-bnedmin, kien se jafdalhom il-ħidma li jsalvaw lin-nies mill-ħakma tad-dnub u tal-ħażen u jwassluhom għall-ħelsien ta’ wlied Alla. Il-ħidma tas-salvazzjoni li Ġesù kien irċieva mingħand missieru, issa kien qiegħed jagħtiha lil Pietru li min-naħa tiegħu kien qiegħed iwassalha għall-Knisja kollha.
Fl-evanġelju tal-lum Ġesù qiegħed jistedinna biex nieħdu sehem minn din il-Knisja. Sabiex inkunu sajjieda tal-bnedmin, jeħtieġ li l-ewwel Alla juri lilu nnifsu lilna. Hu se jurina t-triq u jagħtina l-qawwa.
Jeħtieġ li Alla jagħtina r-rigal tal-fidi li fih Alla hu l-aktar qaddis u l-aktar għoli u fi Kristu jagħtina sehem mill-għerf u l-qdusija tiegħu. Jeħtiegħ imbagħad nagħrfu li aħna midimbin. Il-gwaj hu li huma ħafna dawk in-nies li ma jammettux li huma midimbin u jagħżlu li aktar iwaħħlu f’ħaddieħor u jippuntaw subgħajhom lejhom. Bħala bnedmin għandna bżonn nagħrfu li filwaqt li weħidna m’aħna kapaċi nagħmlu xejn; ma’ Ġesù aħna nkunu kapaċi nagħmlu kollox.
Nemmnu li Kristu qiegħed fostna u jgħammar fina? Kienu diversi d-dixxipli li bdew jimxu wara Ġesù imma kienu ftit dawk li kienu lesti jibdew jitfgħu ix-xbiek, li jikkommettu ruħhom għal din il-missjoni ta’ Ġesù. Sabiex tkun sajjied tajjeb, trid tkun ippreparat tajjeb u l-istess biex tkun sajjied tal-bnedmin, irridu nkunu ppreparati. F’din is-sajda tal-bnedmin, irid ikun Ġesù li jmiss il-qlub tan-nies u mhux aħna biss li se naħdmu għas-saltna t’Alla. Il-Mulej tana s-setgħa però l-qawwa irridu nġibuha mingħand Alla. Kull wieħed u waħda minna għandna d-doni u t-talenti tagħna u ta’ kullħadd huma differenti, però kull wieħed u waħda minna għandna l-missjoni tagħna u aħna msejħin sabiex naqduha. Irridu nkunu xhieda ta’ Kristu fix-xogħol tagħna, hu x’inhu. Irridu nkunu xhieda ta’ Kristu mill-mod li bih ngħixu, bl-attitudni tiegħek u bi kliemek. In-nies li niltaqgħu magħhom kuljum huma l-missjoni tagħna; żgur li mhux bilfors li mmorru x’imkien fil-missjoni. Bħala nsara irridu nimxu fit-triq li Ġesù pprepara għalina.
Irridu nibdew mid-dar tagħna stess, mat-tfal pereżempju, li forsi rridu nikkoreġuhom biex ikomplu mexjin fit-triq it-tajba. Irridu nintervjenu meta xi ħadd qiegħed iwassal messaġġ ħażin. Kullħadd għandu din il-missjoni u m’għandniex naqtgħu qalbna li nidhru koroh jew jidħaq bina b’dak li qed nagħmlu. J’Alla meta niltaqgħu ma’ Alla wiċċimbwiċċ ma’ Alla wara ħajjitna fuq din l-art ma jgħidilniex li ma jafniex għaliex ma nkunux wettaqna dak li ħejja għalina hu mal-oħrajn.
Tajjeb li bħala bnedmin ma nħallux l-istejjer negattivi biss jinfluwenzawna. Jeżistu però ħafna stejjer pożitttivi li aħna mdawra bihom. F’din is-sena ddedikata mill-Papa Franġisku għall-ħniena tajjeb li naraw kemm hu mportanti li nuru ħniena ma’ dawk ta’ madwarna. Huma ħafna dawk li jipprattikaw il-ħniena kuljum, fil-familji, fuq ix-xogħol u kullimkien. L-insara jridu jkunu kapaċi jirriflettu fuq dak li qed jagħmlu. Dan jista’ jsir b’mod speċjali bil-kelma t’Alla, mhux bil-quddiesa biss. Tajjeb li nsibu ftit ħin kuljum li fih nużaw il-Kelma t’Alla biex ikollna t-trankwillità ħalli naffaċċjaw il-ħajja tagħna bl-għajnejn ta’ Ġesù. Irridu nidraw nintelqu f’idejn ir-rieda t’Alla.
Ġesù lil Pietru qallu biex jixħet ix-xibka fil-fond, jiġifieri f’post fejn m’hemmx sodizza u m’hemm xejn ċert. Ejjew nilbsu n-nuċċali ta’ Ġesù ħalli naraw dak li qiegħed iseħħ madwarna bl-għajnejn ta’ Ġesù. Il-fond li semma’ Ġesù huwa l-qtiegħ il-qalb u l-problemi ta’ kuljum; Ġesù jridna nitfgħu ix-xibka tiegħu f’dawn l-abbissi, f’dawn il-problemi li niltaqgħu magħhom. It-talb għandu jkun l-għodda tan-nisrani biex ngħinu lil dawk ta’ madwarna. It-talb u l-Kelma t’Alla għandhom ikunu l-għodda li permezz tagħhom inwettqu din il-missjoni ta’ Ġesù. Bħall-appostli rridu ngħidu x’għamel Alla f’Ibnu Ġesù.
Kwotazzjoni: “Christian witness is concrete, words without actions are empty.” (Ix-xhieda nisranija hija konkreta u b’saħħitha, kliem mingħajr azzjoni huma vojta). Papa Franġisku.
Talba: Mulej Ġesù, agħtini d-dawl u d-dehem biex infittex biss dak li jibnini bħala dixxiplu tiegħek u li naħrab dak kollu li jfixkilni, iħawwadni u jaqtagħni minnek. Ammen.