Youth Alive Foundation – rebbieħa tal-Premju Żagħżugħ tas-Sena 2014
Il-Premju Żagħżugħ tas-Sena 2014 organizzat mill-Moviment Kerŷgma din is-sena intrebaħ mill-Youth Alive Foundation minn Marsascala. Ir-rebbieħ tal-premju, li huwa sponsorjat minn APS Bank, ġie mħabbar mill-President tal-Moviment Kerŷgma, is-Sinjura Tania Borg.
Il-preżentazzjoni tat-trofew saret mis-Sur Edgar Preca, li kien qed jirrapreżenta lil President ta’ Malta, fi tmiem ta’ quddiesa li saret fil-Knisja ta’ San Duminku r-Rabat, il-Ġimgħa, 30 ta’ Jannar 2015. Preżenti wkoll għal din iċ-ċerimonja kien hemm il-Prof. Emanuel P. Delia, Ċermen tal-APS Bank li sponsorjaw l-okkażżjoni u s-Sinjura Tania Borg, President tal-Moviment Kerŷgma, apparti mistednin oħra.
“Youth Alive Foundation hija organizzazzjoni ta’ voluntiera żgħażagħ li taf il-bidu tagħha bl-isem Youth Alive lura fl-1996 fi ħdan il-komunità parrokkjali ‘Madonna tas-Sacro Cuor’ f’Tas-Sliema. Il-ħidma ewlenija tagħha dejjem kienet il-formazzjoni taż-żgħażagħ permezz ta’ parteċipazzjoni attiva fil-komunità mibnija fuq sisien sodi ta’ katekeżi tal-Kelma t’Alla u l-ispiritwalità Franġiskana. F’Awwissu 2007, Youth Alive ġiet stabbilita bħala fondazzjoni, biċ-ċentru tagħha “Dar Frate Jacoba” ġewwa Wied il-Għajn, liema dar kienet ingħatatilhom b’donazzjoni minn żewġ nisa ta’ qalb kbira u ġeneruża. Din id-dar tikkonsisti f’razzett antik ta’ 200 sena u raba madwarha ta’ numru ta’ tmiem.
Dar Frate Jacoba tistrieħ fuq tliet pilastri: l-ispiritwalità, il-karità u l-ambjent. Ir-residenti jgħixu f’komunità miftuħa, bis-sistema tal-permakultura, li hija l-aħjar sistema li tħaddan fiha t-tliet pilastri. Din hija l-ewwel u attwalment l-unika komunità f’Malta li b’mod ħolistiku tgħix ir-realtajiet tal-ispiritwalità, il-karità u l-ambjent b’mod sostenibbli.
Din id-Dar tilqa’ fi ħdanha żgħażagħ għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli, li sikwit jirreferu għalihom bħala ‘każijiet soċjali’ u li jkunu bla dar. Dawn iż-żgħażagħ jgħixu flimkien mar-residenti bil-għan li jkunu parti mill-komunità. Hemm ukoll numru ta’ żgħażagħ oħra li jattendu għal numru ta’ siegħat jew ġranet biex jingħataw is-servizzi offruti. Is-sistema ta’ terapija li tintuża fid-Dar issir b’ħidma fuq l-ambjent li fih wieħed jgħix, aktar milli fuq l-individwu, biex ma ssirx vjolenza fuq il-karattru tiegħu. Dan l-ambjent huwa neċessarju għax il-karattru tal-individwu jkun jista’ joħroġ mingħajr inibizzjonijiet u b’hekk jaffronta l-biżgħat tiegħu. Meta s-sistema ta’ terapija li tintuża taħdem fuq l-ambjent li l-persuna tgħix fih, ma ssirx vjolenza fuq il-karattru tagħha. Għalhekk dawn iż-żgħażagħ jitgħallmu jgħinu lil xulxin u jikkollaboraw flimkien, jgħinu kemm fl-għelieqi kif ukoll fit-trobbiji tal-annimali, apparti li jagħmlu x-xogħol normali tagħhom barra mid-Dar jew jattendu l-iskola. Bħalissa Youth Alive Foundation qed tieħu ħsieb ħames żgħażagħ b’eta’ bejn 11 u 17-il sena. Peress li f’Malta għandna numru konsiderevoli ta’ dawn il-każijiet soċjali, Youth Alive Foundation iddeċidiet li testendi d-Dar biex tkun tista’ tilqa’ sa 16 minn dawn iż-żgħażagħ. Dan il-proġett jikkonsisti f’basement, semi-basement u sular ieħor bi ħdax-il kamra tas-sodda. Il-binja hija diġa lesta u issa ser jibdew ix-xogħol tal-finishing. Għalkemm ix-xogħolijiet kollha huma dipendenti fuq d-donazzjonijiet ġenerużi tan-nies, il-Fondazzjoni tagħmel numru ta’ attivitajiet ta’ fund-raising peress li l-ispiża għall-binja l-ġdida tammonta għal €200,000. Fost dawn insibu skemi ta’ pledges, open weekends fejn jinbiegħ xogħol artiġjanali kif ukoll prodotti tal-ikel maħdumin hemm stess matul is-sena mir-residenti, u attivitajiet soċjali bħal barbeques u ikliet. Il-voluntiera jingħataw korsijiet frequenti ta’ formazzjoni, irtiri, spiritwalita’, fost oħrajn.
L-istil ta’ ħajja fid-Dar jimplika proċess li jirrikjedi ħafna paċenzja. Hija mixja li taf il-punt tat-tluq tagħha iżda l-punt tal-wasla għadu mistur. It-tlajja’ u l-inżul, it-tumbati u l-iskossi ma jonqsux. Kull mument, sabiħ jew ikrah, huwa pass ieħor f’dan il-vjaġġ tal-Youth Alive Foundation.”
Iż-żgħażagħ nominati għal dan il-Premju kienu: Joseph Cauchi mill-Għarb, Għawdex, Franco Cefai miż-Żebbug, Għawdex, Andrea Grima minn Ħal Luqa, Edward Mifsud mill-Fgura u l- Youth Alive Foundation mill-Marsascala.
Dan it-trofew jingħata kull sena f’ġieħ il-mejjet Dr Rudolph Saliba li kien l-ewwel president tal-Moviment Kerŷgma. Is-Sur Preca feraħ lir-rebbieħ u lin-nominati l-oħrajn. Huwa stqarr li, li tkun nisrani llum huwa diffiċli ħafna kif jidher minn dak li għaddej f’pajjiżi oħra fejn insara qed jiġu mmassakrati kuljum. F’Malta wkoll li tkun nisrani ma għadiex moda. Madankollu dan mhux iżommhu milli juri t-twemmin tiegħu anki fil-postijiet pubbliċi. It-talb huwa importanti ħafna. Huwa qal li sfortunatament il-midja prattikament dejjem tagħti aktar importanza lin-negattiv taż-żgħażagħ, bħal meta huma jieħdu d-droga imma ma jagħmlux l-istess ħaġa biex jippromwovu żgħażagħ oħra, tant tajba, u l-ġid li qed jagħmlu fis-soċjetà. Il-ħames nominati huma eżempju eċċellenti ta’ dan.
- Premju Żgħażugħ tas-Sena 2014: Leander Duca jirċievi l-premju f’isem il-Youth Alive Foundation mingħand s-Sur Edgar Preca – Ritratt ta’ Robert Soler
- Premju Żgħażugħ tas-Sena 2014: Leander Duca, rappreżentant tal-Youth Alive Foundation u s-Sur Edgar Preca – Ritratt ta’ Robert Soler
- Premju Żgħażugħ tas-Sena 2014: In-Nominati mas-Sur Edgar Preca – Ritratt ta’ Robert Soler
- It-Trofew