Esperjenza Ġesù – Irtir Randan 2015
Ir-Randan hu żmien ta’ tiġdid għall-Knisja, għall-komunitajiet u għall-persuni individwali. Sa mill-bidu tiegħu l-Moviment Kerŷgma kien iżomm dan iż-żmien tar-Randan bħala żmien ta’ grazzja fejn wieħed jista’ jġedded il-konverżjoni personali u jikber aktar fil-fidi u fl-imħabba lejn Alla.
Din is-sena l-Moviment Kerŷgma ippropona din l-Esperjenza Ġesù bit-tema “Mgħallem Tajjeb X’Għandi Nagħmel Jien, Biex Nikseb il-Ħajja ta’ Dejjem?” fejn ta l-opportunità lil kulħadd: adulti, żgħażagħ, adolexxenti u tfal u familji sħaħ biex jiltaqgħu u jqattgħu tlett ijiem ġewwa s-Seminarju tal-Virtù bejn is-6 u 8 ta’ Marzu 2015.
Il-programm kien imżewwaq b’mumenti ta’ talb u quddies immexxija minn Fr Reno Muscat, Dumnikan, adorazzjoni Taizè, Via Crucis, filmat b’tema reliġjuża, eċċ. Din is-sena flok il-priedki tas-soltu minn saċerdot kien hemm innovazzjoni fejn saru tlett Forums li fihom ġie diskuss id-diskors tal-Papa Franġisku għar-Randan 2015. B’hekk il-protagonisti kienu l-parteċipanti nnifishom fejn xtarru dan id-diskors li kien ibbażat ħafna fuq l-indifferenza globalizzata li teżisti llum.
Dawn huma ftit mill-kummenti ta’ uħud li attendew:
……..”Attendejt dawn it-tlett ijiem biex ninqata’ mir-rutina ta’ kuljum u nirrifletti fuq il-kelma t’Alla f’ħajti. Il-Forums għoġbuni għax taw l-opportunità lil kulħadd jesprimi ruħu dwar il-messaġġ tal-Papa Franġisku.”
……..”Laqatni ħafna s-sens ta’ għaqda u s-sempliċità. Kollox kien organizzat tajjeb sa lanqas dettal. Il-leaders kienu ‘caring’ ħafna u b’hekk kullħadd ħassu milqugħ. Apparti mill-quddies, mumenti ta’ talb u Taizè, inħoss li Alla kellimni bl-esperjenza tan-nies li konna waqt il-Forums. Li tisma’ nies lajċi jitkellmu u jaqsmu magħna l-esperjenzi tagħhom għeni ħafna.”
……….”Hassejt li għandi nattendi għax almenu tlett ijiem fis-sena nagħtihom kompletament lil Ġesù. Laqatni ħafna l-passaġġ tal-Papa għax meta tixtarru fih ħafna x’titgħallem. L-programm kien kollu tajjeb.”
………..”Biex tkun esperjenza li qatt ma għamilt qabel u biex nesperjenza iżjed lil Ġesù. Li laqatni ħafna f’dan l-irtir huwa l-imħabba u l-għajnuna għal xulxin mill-membri tal-Kerŷgma.”