Dan huwa studju dwar il-“Missierna”, it-tema tal-Moviment għal din is-sena.
[pullquoteright]Mela itolbu hekk: ‘Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art. Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum. Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina. U la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mid-deni.’ San Mattew 6: 9–13 [/pullquoteright]
Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu kif għandhom jitolbu. Hu jgħallimhom dik li aħna llum insejħulha t-Talba tal-Missierna. Talba li nistgħu ngħidu drajna nitolbuha ta’ spiss – f’kull Quddiesa, kull meta nitolbu r-rużarju u ħafna drabi oħra.
It-talba hija maqsuma f’seba’ partijiet (il-verżjoni ta’ San Luqa hija iqsar). Seba’ huwa numru favorit ta’ San Mattew. Huwa jaqsam il-lista tat-tnissil ta’ Ġesù, f’tlett listi ta’ sebgħa (Kap. 1); probabbli kien hem seba’ beatitudnijiet fit-test oriġinali (Kap. 5); hemm seba’ parabboli fuq is-Saltna t’Alla (Kap. 13) u l-maħfra trid tingħata mhux seba’ darbiet, imma sebgħa u sebgħin darba (Kap. 18); hemm seba’ ċanfiriet meta kkundanna l-Fariżej (Kap. 23) u l-Vanġelu nniffsu huwa maqsmum f’sebgħa taqsimiet prinċipali (it-tfulija, il-ħames taħditiet, il-passjoni).
It-talba tal-Missierna m’għandiex tiġi kkunsidrata biss bħala formola li tiġi sempliċiment ripetuta bil-kliem. Imma hija numru ta’ frażijiet li fihom aħna naffermaw ir-relazzjoni tagħna m’Alla, man-nies ta’ madwarna u mad-dinja. Hija stqarrija ta’ fidi u hija wkoll – kif ser naraw – ta’ sfida kbira u għalhekk, hija kemmxejn talba perikoluża.
Ħa nagħtu ħarsa ħafifa lejn is-seba’ partijiet tat-talba:
1. Missierna:
L-isfida u l-periklu jibdew mal-ewwel kelma. Aħna nindirizzaw lil Alla bħala l-Missier, is-sors tal-ħajja u ta’ kull m’għandna; m’għandna xejn li huwa purament tagħna. Imma Alla mhuwiex biss ‘Missier’; huwa Missierna. U għalhekk din tinkludi kull persuna li tgħix jew li qatt għexet fuq din id-dinja; l-ebda persuna ma tista’ tkun eskuża.
Meta qed nindirizzaw lil Alla bħala ‘Missierna’, aħna qed nagħrfu li kull persuna, inkluż jien, hija iben/bint ta’ Alla u għalhekk aħna lkoll nagħmlu parti minn familja waħda kbira, fejn aħna lkoll aħwa ta’ xulxin. Ħadd ma jista’ jkun irrifjutat, u m’hemmx post għal mibgħeda, preġudizzju jew disprezz ta’ razza, nazzjonalità, kulur tal-ġilda, sess, orjentazzjoni sesswali, klassi soċjali jew reliġjon. Jekk jien miniex lest li naċċetta kull persuna bħala ħija jew oħti, allura għandi problema biex nibda mqar l-ewwel biċċa ta’ din it-talba.
2. Jitqaddes ismek:
Żgur li l-isem t’Alla huwa qaddis – irrispettivament ta’ x’ngħidu jew naħsbu. Aħna nitolbu din it-talba għal ġid tagħna iktar milli għal Alla nniffsu. Hawnhekk qed nitolbu biex l-isem t’Alla jkun irrispettat min-nies kullimkien. Imma nafu li dan mhux minnu: hawn nies li jiddisprezzaw ismU u oħrajn lanqas biss jafuH. Aħna nitolbu biex id-dinja kollha ssir taf bl-isem t’Alla u għalhekk jagħrfu lil Alla bħala Alla tagħhom, il-ħallieq, dak li qed iżommna ħajjin u t-tmiem tal-ħajja fuq din l-art. Din il-frażi hija fil-fatt forma oħra tal-frażi li jmiss.
3. Tiġi Saltnatek:
F’din il-parti qed nitolbu li kull persuna fid-dinja jkollha r-rieda li tkun parti mis-Saltna u l-imħabba t’Alla. Dan jista’ jseħħ billi naħdmu flimkien biex nagħmlu minn din id-dinja l-post li Alla jrid li tkun – post ta’ verità u mħabba, ta’ ġustizzja u paċi, post fejn wieħed jaqsam il-ġid mal-oħrajn u jkun ta’ għajnuna għall-ħaddieħor. Sa ċertu punt, il-Mulej huwa Alla rrispettivament mir-relazzjoni tagħna miegħU. Imma hija x-xewqa tiegħu li l-bnedmin jaċċettaw min-naħa tagħhom l-imħabba t’Alla u jpoġġuha fiċ-ċentru tal-ħajja tagħhom. U din hija l-ħidma tal-Knisja, ta’ kull nisrani u ta’ kull persuna, li tgħin lill-oħrajn jagħrfu s-Saltna t’Alla u jaċċettawha bħala ċ-ċavetta tal-ferħ tal-preżent u tal-futur.
4. Ikun li trid Int, fis-sema hekkda fl-art:
Din il-frażi hija sempliċiment mod ieħor ta’ kif nitolbu dak li għadna kemm tennejna fiż-żewġ frażijiet ta’ qabel. Għax ir-rieda t’Alla hija li l-bnedmin kollha jagħrfu l-qdusija ta’ ismu u jaċċettaw bil-qalb li jkunu parti mis-Saltna t’Alla fuq din l-art. Dan nistgħu nagħmluh billi nissieħbu fil-missjoni u l-ħidma ta’ Ġesu, li nġibu l-ħajja, fejqan u għaqda fid-dinja. Li tagħmel ir-rieda t’Alla mhix sempliċiment li twarrab dak li nixtiequ aħna u naċċattaw ir-rieda t’Alla anke meta hija kompletament kontra r-rieda tagħna. Imma inkunu qed inwettqu tassew ir-rieda t’Alla meta nagħrfu li dak li jrid Hu huwa dejjem dak li hu l-aħjar għalina. Għalhekk, inkunu qed nagħmlu r-rieda tiegħu meta aħna nkunu nixtiequ dak li jixtieq Hu, u għalhekk, ir-rieda tagħna tkun f’armonija perfetta mar-rieda tiegħU. Imbagħad inkunu qed nagħmlu dak li jrid Hu u dak li rridu aħna. Hawnhekk qed nitolbu li nilħqu dak il-livell ta’ unità.
5. Ħobżna ta’ kuljum, agħtina llum:
Din hija talba perikoluża oħra għalina – għalkemm ma tidhirx hekk mad-daqqa t’għajn. L-ewwelnett, qed nitolbu biss għal dak li neħtieġu issa. Fid-diskors tal-muntanja, Ġesu jgħidilna biex ma ninkwetawx fuq ser iġib miegħu il-jum t’għada. Għalhekk qed nistaqsu għal dak li neħtieġu llum; għada huwa jum ieħor. Aħna ngħixu ġurnata b’ġurnata.
Imma hija perikoluża għax titkellem fil-plural – agħti lilna llum. Min aħna? Jiena u l-familja immedjata tiegħi? Il-parroċċa tiegħi? Il-ġirien jew ir-raħal tiegħi? Il-pajjiż tiegħi? Din il-frażi tiġbor fiha lil kulħadd – bħall-ewwel frażi. Għalhekk, jien qed nitlob li kull persuna jkollha l-ħobż biex tiekol illum. Iżda aħna nafu li hemm miljuni ta’ persuni (uħud minnhom f’pajjiżi sinjuri) li filfatt m’għandhomx x’jieklu, jew ibagħtu minn nuqqas ta’ ikel u dieti fqar. Allura meta nitolbu li kulħadd ikollu l-ħobż ta’ kuljum, qed nistennew li Alla jibgħat il-manna mis-sema? Jew m’aħniex niftakru li hija r-responsabbiltà tagħna li nitimgħu lil ħutna? Jekk hawn persuni li huma bil-ġuħ, dan mhux ġej minn Alla; ħafna drabi huma l-bnedmin stess li huma responsabbli (ħlief meta jkun hemm diżastri naturali).
Din il-frażi tista’ tinkludi wkoll il-Ħobż tal-Ewkaristija. Fil-qsim tal-Ħobż, aħna nkunu qed ngħidu sagramentalment li aħna qed naqsmu u rridu naqsmu mal-bnedmin ħutna l-ġid u l-grazzji, speċjalment ma’ dawk fil-bonn. Inkella l-Ewkaristija issir forma ta’ sagrileġġ.
6. Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina:
U din mhix talba oħra perikoluża li qed nagħmlu? Qed nitolbu lil Alla biex il-maħfra tiegħu lejna tkun kundizzjonali, skont kemm aħna lesti li naħfru lil dawk li weġġgħuna b’xi mod. Din titlob kuraġġ kbir. U l-maħfra mhix biss tlissin ta’ ftit kliem. Fl-Iskrittura, il-maħfra tinkludi r-rikonċiljazzjoni bejn il-ħati u l-vittma. Filfatt nistgħu ngħidu wkoll li n-nisrani veru qatt ma hu offiż u qatt ma jista’ jkun offiż. In-nisrani veru għandu sens ta’ sigurtà u stima personali soda biżżejjed, tant li ħadd ma jista’ jeħodhielu. Meta persuna bħal din tkun il-mira ta’ xi attakk – verbali jew fiżiku – l-ewwel rejazzjoni tkun li jħares lejn l-aggressur b’simpatija. Dan għaliex huwa l-aggressur li għandu problema u mhux il-vittma. Ħafna minna fadlilna ħafna biex naslu sa dan il-livell ta’ paċi interna. “Jekk dak li qed tgħid fuqi huwa minnu, jiena naċċettah; jekk mhux veru, hija gidba. Għaliex għandi nieħu għalija?”
7. La ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna minn kull deni:
Fl-aħħar ta’ din it-talba, aħna nagħrfu d-djufija u d-dipendenza tagħna fuq l-għajnuna t’Alla. Nitolbu biex ma nsibux lilna nfusna f’sitwazzjonijiet fejn niżbaljaw. Nitolbu biex inkunu mħarsa mill-qawwa tal-ħażen li bih aħna mdawwrin.
Xi kitbiet jikkonkludu bil-kliem “Għax tiegħek hija s-Saltna, l-qawwa u l-glorja għal dejjem. Ammen”, li hija użata minn ħafna denominazzjonijiet Kristjani u issa hija nkluża fit-talba Ewkarista Kattolika, wara t-talba tal-Missierna, imma hija mifruda minnha b’talba għall-paċi. Huwa maħsub li din il-konklużjoni ġiet introdotta minħabba raġunijiet liturġiċi.
Fl-aħħar, apparti li nitolbu din it-talba bħalma nagħmlu s-soltu, tajjeb li kultant ngħiduha bil-mod, biċċa biċċa biex nifhmu tassew dak li nkunu qed ngħidu. Inkella nistgħu ngħidu biss frażi minnha li tfisser ħafna għalina, u nirrepetuha sakemm issir tassew parti minna.
read more