Priedki

Marija għalina fis-Sema – Santa Marija – Is-Sibt 15 t’Awwissu 2025

August 13, 2025

15 ta’ Awwissu:  Marija Mtellgħa s-Sema

MARIJA GĦALINA FIS-SEMA

Apokalissi 11,19a,12,1-6a,10ab; Salm 44;1 Kor.15, 20-26; S.Luqa 1,39-56

 

Il-Vanġelu 

F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta.  Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Mbierka inti fost  in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!”

Mbagħad qalet Marija:

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,  

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.

Iva, minn issa ‘l quddiem kull nisel isejjaħli hienja,

għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,

għax ftakar fil-ħniena tiegħu,

bħalma wiegħed lil missirijietna,

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Marija baqgħet ma’ Eliżabetta għal tliet xhur u mbagħad reġgħet lura lejn darha.

 

Il-Ħsieb

Santa Marija.  Festa ferm għażiża għalina l-Maltin u l-Għawdxin mhux biss għax tiġi ċċelebrata f’numru kbir ta’ parroċċi, iżda għaliex din il-ġurnata fil-fatt hija sinjal ta’ protezzjoni Marjana fuq il-gżejjer tagħna.  Imma minkejja li forsi llum Marija tgħaddi minn ħafna mit-toroq tagħna mimlija bid-deheb, sinjal ta’ rispett tal-poplu Malti, fost l-isparar u l-murtali, Marija tgħaddilna messaġġ qawwi.  Biex nissejħu uliedha rridu nixbħuha.  Kif?  Fis-sempliċità u fl-umanità tagħha.  Fis-servizz li hija tat lil Eliżabetta u lill-umanità.

Santa Marija.  Festa mhux ta’ sparar imma ta’ riflessjoni ta’ kemm tassew qed ngħixu u nimitaw lil ommna.  Hawn tassew naraw kemm jixirqilna nsejħulha OMMNA MARIJA.  Illum qed niċċelebraw it-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija.  Alla refgħalha post speċjali għal dak li għamlet fl-istorja ta’ l-umanità.  Lejn dan il-post qed naspiraw aħna.

 

Il-Kelma

Is-silta li naqraw illum fl-Ewwel Qari, mill-Apokalissi ta’ San Ġwann, id-dehra tal-mara bi tnax-il kewkba, it-tradizzjoni tal-Knisja (ibda minn Santu Wistin u San Bernard) tapplikahom għall-Verġni Marija.  Il-Konċilju Vatikan II jurina li l-ħajja ta’ Marija hija marbuta mal-ħajja tal-poplu l-ġdid ta’ Alla.  Fis-Salm Responsorjali, illum għandna tifħir lill-Mulej għal Marija li hija l-għarusa magħżula minn Alla.  Fit-Tieni qari, mill-ewwel Ittra lill-Korintin, San Pawl juri kif fil-Qawmien ta’ Kristu mill-mewt jiġbor il-qawmien tagħna lkoll.

Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna l-ġest ta’ servizz li Marija għamlet lil Eliżabetta u t-tifħir tagħha lil Alla fil-Magnificat.

 

Il-Ħajja

1.  Xi tfisser il-festa tal-lum għalik?

2.  Xi tfisser Marija għalik?

3.  Tassew tidher minn ħajtek li Marija hi ommok?

4.  Kif qed twassal l-eżempju ta’ Marija f’darek?

 

Id-Djalogu

Sliem għalik, Marija!

read more

NISTENNEW B’FIDUĊJA! – Id-19-il Ħadd Matul is-Sena – 10 t’Awwissu 2025

August 7, 2025

Id-19-il Ħadd Matul is-Sena

NISTENNEW B’FIDUĊJA!

Għerf 18: 6-9;  Salm 32;  Lhud 11,1-2; 8-19; Luqa 12:32-48

Il-Vanġelu

     F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna!  Bigħu ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes  fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar.  Għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll.”

      “Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula;   kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih.  Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom.  U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma!  Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta’ daru.  Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.”

     “Mulej,” qallu Pietru, “din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew għal kulħadd?”  Wieġbu l-Mulej: “Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f’ħin l-ikel?   Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan.  Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f’idejh.  Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f’qalbu, ‘Sidi jiddawwar ma jiġi,’ u jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, rġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u s-sokor;  sid dak  il-qaddej jasal f’jum meta ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies li m’humiex fidili.  U dak il-qaddej li jkun jaf xi jrid sidu, u madankollu ma jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla’.  Min imbagħad, bla ma jkun jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit jissawwat. Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu.

 

Il-Ħsieb

     Kollox irridu malajr illum.  Kollox mgħaġġel u malajr.  Dan huwa r-ritmu tal-ħajja tagħna.  Min ma jgħaġġilx insejħulu kull titlu:  artab, rieqed, eċċ.  Iżda minkejja din l-għaġla kollha, fil-ħajja tagħna sirna nies li ninjoraw l-ovvju,  ħafna drabi aljenati kif ukoll mhux attenti għal dak li jseħħ madwarna.  U dan b’mod speċjali fejn tidħol il-fidi tagħna.  Il-Mulej jgħidilna llum:  “|ommu ġenbejkom imħażżmin u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula, kunu bħal nies li qegħdin jistennew lil sidhom jiġi mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi jħabbat jiftħulu malajr!”

     Hemm bżonn li bħala nsara nkunu on alert  għall-mod kif qed ngħixu aħna u kif se nimpenjaw ruħna fis-soċjetà li qed ngħixu fiha.  U għalhekk l-istennija ma tridx tkun waħda passiva iżda attiva b’impenn u ħidma.  Naraw id-differenza bejn dak il-qaddej fidil u l-qaddej imħawwad mingħajr ebda sens ta’ stennija.  Il-ħajja tagħna hija kollha stennija, mhux idejna fuq żaqqna iżda stennija ta’ fidi b’ħidma u fiduċja.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb ta’ l-Għerf, għandna silta li titkellem dwar dak il-lejl ta’ biża li fih seħħ l-aħħar u l-agħar kastig li laqat lill-Eġizzjani talli ma ridux jeħilsu l-poplu Lhudi.  Kien lejl iebes ta’ stennija b’fiduċja għall-poplu Lhudi.  Fis-Salm Responsorjali, minn Salm 32, għandna għanja ta’ tifħir għall-Mulej li għażilna bħala l-poplu u l-wirt tiegħu.

     Fit-Tieni Qari, meħud mill-ittra lil-Lhud, għandna tifsira ta’ x’għandha tkun il-fidi tagħna, li hija l-pedament ta’ dak kollu li nwettqu.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna l-parabbola li fiha Ġesù jqabbel dak kollu li jagħmel il-qaddej tajjeb ma’ dak li jwettaq il-qaddej il-ħażin.  Hemm messaġġ għalina lkoll biex inkunu dejjem imħejjija għal meta jsejħilna l-Mulej.

Il-Ħajja

  1. Kemm tassew tħoss li l-ħajja tiegħek hija mħejjija tajjeb għal meta se jsejjaħlek il-Mulej?
  2. Dan ma għandniex nagħmluh b’sens ta’ biża’, iżda b’sens ta’ mħabba kbira lejn dak Alla li huwa missierna u jrid biss il-ġid u s-salvazzjoni tagħna.
  3. Kemm tassew, kif smajna fit-Tieni Qari, qegħdin nibnu kollox fuq il-fidi tagħna nisranija? Kull proġett ta’ ħajjitna?
  4. Il-Mulej iridna nishru iżda fl-istess ħin naħdmu bla waqfien għas-saltna ta’ kulħadd bil-misssjoni u l-ħidma fdata lilu.

Id-Djalogu

  Mulej, inti għidtilna li inti

  IT-TRIQ, IS-SEWWA U L-ĦAJJA

  Għinna biex ilkoll kemm aħna nagħrfu

  li l-uniku mezz ta’ ħajjitna

  tkun inti,

  biex nersqu aktar lejk

  fix-xandir tas-Saltna ta’ Alla

  fil-ħidma tagħna ta’ kuljum.

  Grazzi talli tgħinna nwettqu dan.

read more

MINGĦAJR ALLA… IL-VOJT! – It-18-il Ħadd Matul is-Sena – 3 t’Awwissu 2025

July 24, 2025

It-18-il Ħadd Matul is-Sena

MINGĦAJR ALLA… IL-VOJT!

Qoħelet  1,2:2,21-23;  Salm 94;  Kolossin 3:1-4, 9-10; Luqa 12:13-21

Il-Vanġelu

     Xi ħadd mill-folla qallu: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi.”  “Ħabib,” wieġbu Ġesù, “min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?”  Mbagħad qal lin-nies: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu.”  U qalilhom parabbola: “Wieħed raġel għani ġabar kotra ta’ frott mir-raba’ tiegħu.  U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu, ‘X’se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu!  Ara x’nagħmel,’ qal, ‘inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi.   Mbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!”  Iżda qallu Alla, ‘Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?’   Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla.”

 

Il-Ħsieb

     Ħafna drabi norbtu qalbna f’din id-dinja ma’ tant affarijiet kbar u żgħar, ħafna minnhom ikunu materjali jew oġġetti jew anki persuni.  Niġu mogħmija li t-teżori tagħna jinsabu biss f’din id-dinja.  Quddiem il-mewt nindunaw li kollox jispiċċa jew kważi… dak li nkunu żrajna fis-sema m’hu se jintemm qatt speċjalment l-għemejjel ta’ karità u dak kollu li nostru għalina fis-sema.  Bil-kliem ta’ Qoħelet il-profeta, frugħa tal-frugħat, il-Mulej fil-Vanġelu tal-lum iwissina u jħeġġiġna biex inkunu għaqlin u naħarbu mir-regħba li tista’ tfisser dak kollu li nkunu ħdimna għalih fil-ħajja tagħna.  Din hija twissija ferm attwali għal-lum b’mod speċjali meta tisma’ tant ġlied fuq il-wirt.  Nintilfu wara tant affarijiet ta’ din il-ħajja u ma nagħtux kas biex infittxu li naħdmu għall-ħajja ta’ dejjem.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum mill-Ktieb tal-Profeta Qohelet, il-messaġġ ċentrali huwa li dak kollu li jgħaddi ma jistax jimla qalb il-bniedem.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 94, itenni li rridu nfasslu ħajjitna billi nisimgħu leħen il-Mulej u ma nwebbsux qalbna.  Fit-Tieni Qari mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin għandna wkoll messaġġ qawwi:  jekk aħna rxuxtajna ma’ Kristu rridu nfittxu l-ħwejjeġ tas-sema.  Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù jwissi fuq ir-regħba u kif għandna naħdmu u ngħixu ħajjitna marbuta ma’ Alla fejn nostru t-teżor tal-ħidma tagħna.

Il-Ħajja

  1. Aħna rxuxtajna ma’ Kristu. Għalhekk miegħu biss irridu norbtu  qalbna u nfittxu biss il-ħwejjeġ tas-sema.  Dan jagħmel sens kbir fl-għażliet li nagħmlu fil-ħajja tagħna.
  2. Bħala nsara ħajjin hemm bżonn li nagħrfu li ma għandna qatt norbtu qalbna ma’ ħwejjeġ ta’ din id-dinja li jgħaddu. Hemm bżonn nibdew tassew inħobbu lil Alla billi nħarsu dak li jrid minna.
  3. Inti qed tiġma’ l-ġid għalik innifsek mingħajr ma tistagħna quddiem Alla?  Aghmel ftit eżami tal-kuxjenza.
  4. Hemm bżonn li kuljum nagħmlu reviżjoni ta’ ħajjitna. Fejn qed inpoġġu l-prijorità ta’ l-għażliet tagħna u fejn qed nersqu lejn Alla.

Id-Djalogu

  Il-kliem tiegħek Mulej

  huwa spirtu u ħajja

  Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem

  Għinni nwettqu fil-ħajja tiegħi.

 

read more

TAF TITLOB? – Is-17-il Ħadd Matul is-Sena – 27 ta’ Lulju 2025

July 11, 2025

Is-17-il Ħadd Matul is-Sena

TAF TITLOB?

Ġenesi 18:20-22;  Salm 137;  Kolossin 2:12-14; Luqa 11:1-13

Il-Vanġelu

     Darba kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu.”  U qalilhom: “Meta titolbu, għidu,

‘Missier, jitqaddes ismek,

tiġi Saltnatek.

Ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum.

U aħfrilna dnubietna,

għax aħna wkoll naħfru lil kull min

hu ħati għalina,

u la ddaħħalniex fit-tiġrib.’ “

Qalilhom ukoll: “Wieħed minnkom ikollu ħabib li jiġih f’nofs ta’ lejl u jgħidlu, ‘Ħabib, islifni tliet ħobżiet, għax ġie għandi wieħed ħabib tiegħi mill-vjaġġ u ma għandix x’nagħtih.’  U l-ieħor iwieġbu minn ġewwa u jgħidlu, ‘Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq, u wliedi qegħdin  fis-sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik.’ Ngħidilkom jien, li jekk ma jqumx jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kull ma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ sfiq tiegħu. U jiena ngħidilkom:  Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom.   Għax min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu.  Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp?   Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun?   Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!”

 

Il-Ħsieb

     It-talb, kif naħsbu xi kultant, irridu nagħmluh bilfors, qisu kien xi rit kultwali obbligatorju għall-Insara kollha.  Iżda t-talb huwa mument ta’ relazzjoni intima mal-Ħallieq tagħna u ma’ l-Imgħallem tagħna.  Huwa djalogu, mument li fih tagħmel sħaring, qsim ta’ esperjenza mal-Mulej.  Kemm tassew qed inqisu lit-talb b’dan il-mod?   Kemm qed insibu ħin biex nitolbu fil-ħajja tagħna?  Kemm tassew qed inkunu nies ta’ talb fil-prijoritajiet tagħna d-dar, ix-xogħol, l-iskola?  S’intendi t-talb jitlob miegħu wkoll li nagħtu xhieda.  It-talb huwa ringrazzjament lil Alla għal dak kollu li jagħtina u mhux biss dak li rridu issa.  Irridu wkoll nitolbu biex niskopru r-rieda ta’ Alla fil-futur.

     Għalhekk illum il-Mulej jgħallimna nitolbu bit-talba tal-Missierna.  Hija talba li tiġbor kemm ir-ringrazzjament li rridu nagħtu lil Alla kif ukoll it-talb tagħna għal issa, għal dak li rċevejna u dak li se nirċievu.  Il-Mulej iħeġġiġna biex nitolbu.  Se nkomplu nibnu din ir-relazzjoni ħajja mal-Ħallieq kull ħin?

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ġenesi, għandna djalogu bejn Alla u Abraham li fih toħroġ l-importanza tad-djalogu mingħajr waqfien.  Il-ħtieġa tat-talb narawha wkoll fis-Salm Responsorjali tal-lum fejn insibu li fil-jum li fih sejjaħtlek smajtni Mulej.  Il-Mulej jismagħna kull darba li nduru lejh.  San Pawl, fit-Tieni Qari mill-Ittra lill-Kolossin, juri li aħna se nsalvaw bil-grazzja ta’ Alla u mhux billi nħarsu l-liġijiet tar-Rabta l-Qadima.  Aħna nieħdu din il-grazzja tas-salvazzjoni fil-Magħmudija.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa nsibu lil Ġesù jwieġeb għat-talba ta’ l-Appostli biex jgħallimhom jitolbu.  Huwa jgħallimhom il-Missierna li tiġi għalhekk il-mudell tat-talb kollu tagħna.  Ġesù jinsisti biex nitolbu kontinwament u b’hekk noħolqu rapport ta’ mħabba mal-Missier.

Il-Ħajja

  1. Liema huma l-mumenti ta’ talb kuljum fil-ħajja tiegħek personali? Tħossok li tingħaqad ma’ Alla fit-talb?
  2. Kemm qed inkunu nies ta’ talb u nitolbu li titwettaq ir-rieda ta’ Alla fil-ħajja tagħna?
  3. Fid-dawl tat-talba tal-Missierna, it-talb tagħna qed ikun ukoll talb ta’ ringrazzjament u radd ta’ ħajr lil Alla jew nitolbu biss meta niġu daharna mal-ħajt?
  4. Fil-mument li aħna nitolbu u nippretendu li nsibu lil Alla Mħabba  lest li jgħinna, irridu nkunu lesti li ngħinu b’kull mezz lill-proxxmu tagħna.

Id-Djalogu

   Missierna li inti fis-smewwiet,

   jitqaddes ismek,

   tiġi saltnatek,

   ikun dak li trid inti

   fis-sema u fl-art.

read more

TINKWIETA? – Is-16-il Ħadd Matul is-Sena – 20 ta’ Lulju 2025

July 11, 2025

Is-16-il Ħadd Matul is-Sena

TINKWIETA?
  1. Ġenesi 18:1-10a;  Salm 14;  Kolossin 1:24-28; Luqa 10:38-42

Il-Vanġelu

      Huma u sejrin, daħal f’raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta.  Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid.  Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Mbagħad resqet u qaltlu: “Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi!”  Qabeż il-Mulej u qalilha: “Marta Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ;  imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex.”

 

Il-Ħsieb

     L-inkwiet ħafna drabi jkisser l-armonija u l-ħajja tal-bniedem.  L-inkwiet fuq affarijiet kbar u żgħar ma jħallikx fil-kwiet u l-paċi.  Il-messaġġ li l-Mulej irid jagħtina llum huwa li aktar ma nintrabtu ma’ affarijiet ta’ din id-dinja aktar se jkollna nkwiet.  Hemm bżonn li nafdaw f’Alla u li l-veru teżor tagħna hu fis-sema.  Ġesù jenfasizza, fil-laqgħa ma’ Marta u Marija, li huwa importanti li kollox jitlaq mis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, biex wara, l-affarijiet u l-proġetti tagħna materjali jagħmlu sens fil-ħajja tagħna.  Ħafna drabi l-inkwiet inġibuh b’idejna stess meta nwarrbu l-kliem ta’ Ġesù u nimxu wara l-proġetti ta’ rasna.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi, għandna l-eżempju ta’ Abraham li jilqa’ għandu tlett irġiel li ma jafhomx.  L-ospitalità tiegħu hija mbuttata mill-fatt li jwettaq dak li jitlob minnu Alla kuljum.  L-ospitalità hija virtu li n-nisrani jrid jipprattika tul ħajtu kollha.  Fis-Salm Responsorjali, minn Salm 14, għandna mistoqsija:  Mulej min jgħammar fid-dar tiegħek?  Din il-mistoqsija ssib it-tweġiba tagħha fil-attitudni tagħna għall-Kelma ta’ Alla.  Fit-Tieni Qari, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin, għandna lill-Appostlu jqis lilu nnifsu bħala l-Ministru tal-Misteru, li huwa Kristu, li jissallab għall-Knisja tiegħu.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Luqa, għandna l-laqgħa ta’ Ġesù ma’ Marta u Marija fejn iwissi lil Marta biex tpoġġi l-Kelma t’Alla bħala l-prijorità ta’ ħajjitha kif għamlet Marija.

 

Il-Ħajja

  1. Qatt irriflettejt x’inhu l-veru nkwiet tiegħek fil-ħajja ta’ kuljum? Kif qed tipprova tegħleb dan l-inkwiet?  Tersaq lejn Ġesù fl-Ewkaristija?
  2. Il-Mulej itenni llum li ma jridniex ninkwetaw fuq l-affarijiet materjali. Fejn huwa t-teżor ta’ qalbek fuq din l-art?
  3. Bħal Marija, lest li titlaq kollox biex tisma’ lil Ġesù?
  4. Li tisma’ lil Ġesù jfisser li xxandru, kif itenni San Pawl fit-Tieni Qari, kif ukoll li tilqa’ ’l barrani kif jagħmel Abraham fl-Ewwel Qari tal-lum. Lest għal dawn l-isfidi?
  5. Il-Kelma tal-Mulej hija sfida-avventura-missjoni, iżda rridu kull ħin nisimgħu aktar il-Mulej biex nagħarfu xi jrid minna.

 

Id-Djalogu

  Aħna nisimgħu l-kelma tiegħek,

  ħafna drabi nħossuha iebsa.

  Għinna, Mulej, biex ilkoll kemm aħna

  naċċettaw il-qawwa ta’ din il-kelma

  li tibdel il-mod ta’ ħajja tagħna.

  Għinna biex nilqgħu lill-barrani

  u nxandru l-kelma tiegħek kull ħin.

read more

U L-PROXXMU TIEGĦI MIN HU? – Il-15-il Ħadd Matul is-Sena – 13 ta’ Lulju 2025

July 9, 2025

Il-15-il Ħadd Matul is-Sena

U L-PROXXMU TIEGĦI MIN HU?

Dewteronomju 30:10-14;  Salm 68;  Kolossin 1:15-20; Luqa 10:25-37

Il-Vanġelu

      Mela jqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrbu, staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”  Qallu Ġesù: “Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?” U dak wieġeb: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”  “Sewwa weġibt,” qallu Ġesù, “agħmel hekk u tgħix.”  Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?” U Ġesù raġa’ qabad jgħidlu: “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. Nzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu, “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, nroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi.’ Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?” “Min ħenn għalih,” wieġbu dak. “Mur,” qallu Ġesù, “u agħmel hekk int ukoll.”

Il-Ħsieb

     Kemm-il darba fil-ħajja tagħna nkunu nafu x’irridu nagħmlu iżda minħabba tant skużi li nġibu magħna nfusna ma nwettqu xejn!  U nkunu diżappuntati li stajna għamilna ftit ġid u minflok bqajna skantati.  Din hija wkoll il-problema li Ġesù jpoġġi quddiemna llum.  Ir-raġel għaref tal-liġi – u minn dawn hawn ħafna mas-saqajn! – ried iġarrab lil Ġesù.  Kien jaf Ġesù x’se jwieġeb iżda ried jara x’se jgħid.  Xtaq jistaqsi lil Ġesù xi jfisser tkun tgħix tajjeb u xi trid tagħmel.  Ġesù wieġbu ċar li hemm il-liġi ta’ Alla li trid tiġi obduta… u aktar.  Ħobb lil għajrek bħalek innfisek.  U dan il-proxxmu min hu?

     U Ġesù jurih malajr min kien il-proxxmu tiegħu.  Itenni li hemm bżonn li lill-proxxmu tagħna narawh f’dawk li jkunu ħdejna u nwettqu azzjoni biex ngħinuhom.  Għaliex toqgħod tisma’ l-istejjer u tgħid, jaħasra, jekk imbagħad inti ma tagħmel xejn biex terfa’ s-sofferenzi tal-batut?

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb tad-Dewteronomju, għandna silta fejn naraw il-qawwa tal-liġi tal-Mulej u tħeġġiġ biex il-poplu jħobb din il-liġi.  Il-Kelma ta’ Alla hija qrib il-poplu u jeħtieġ li l-poplu stess jagħtiha l-ħajja.  Fis-Salm Responsorjali għandna għanja lill-Mulej u twissija fl-istess ħin: li l-qalb tagħna tgħix, aktar ma nfittxu r-rieda ta’ Alla.  Fit-Tieni Qari, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin għandna innu ta’ tifħir lil Kristu għax huwa l-qofol u l-għan tal-ħolqien kollu.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa Ġesù jiġi mġarrab minn għaref tal-liġi dwar l-ubbidjenza għall-Kelma t’Alla.  Ġesù jenfasizza, anki bil-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb, li l-Kelma t’Alla tinduna li qed tgħixha meta tagħtiha l-ħajja bl-għemil tiegħek.

Il-Ħajja

  1. Kemm tassew tista’ tgħid li taf x’irid il-Mulej minnek u kemm qed tipprova tgħix il-kelma tiegħu fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum?
  1. Min hu l-proxxmu tiegħek? Qed tiftaħ għajnejk sew biex tagħraf min hu?
  1. Il-Mulej iridna nkunu familjari mal-kelma tiegħu biex inlaħħmuha fl-aġir tagħna ta’ kuljum.  Qed tagħmel dan l-isforz fil-ħajja tiegħek?
  1. Il-Mulej iridna nkunu nies ta’ ħniena u kompassjoni.

Id-Djalogu

  Mulej, inti tridni nħares madwari

  u ngħix bil-fidi fil-ħajja tiegħi

  il-mument li tippreżentali;

  agħmel li ma naħrabx din ir-realtà,

  b’mod speċjali meta niġi ffaċċjat

  b’għajnuna urġenti lil dawk ta’ madwari,

  għax inti għentni kuljum,

  qabel biss indunajt bik.

read more

MORRU FIL-MISSJONI – It-14-il Ħadd Matul is-Sena – 6 ta’Lulju 2025

July 2, 2025

It-14-il Ħadd Matul is-Sena

MORRU FIL-MISSJONI

Isaija 66:10-14c; Salm 65;  Galatin 6:14-18; Luqa 10:1-9Isaija 66:10-14c; Salm 65;  Galatin 6:14-18; Luqa 10:1-9

Il-Vanġelu

     F’dak iż-żmien, il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu. U qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit! Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu! Morru: araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup.  Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd.  Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu: “Is-sliem lil din id-dar.”  U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa’ lura għandkom.  Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra.  F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom;  fejqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom: “Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom.” ”

Il-Ħsieb

     Aħna l-insara m’aħna qatt nies passivi.  Il-fidi tagħna tagħmilna protagonisti tas-soċjetà li fiha qed ngħixu għaliex ilkoll kemm aħna rridu naħdmu mingħajr waqfien fil-missjoni-għalqa li bagħatna naħdmu fiha l-Mulej.  Il-Mulej huwa magħna imma jridna naħdmu mingħajr waqfien fl-għalqa tiegħu fis-soċjeta tagħna.  Il-messaġġ qawwi li joħroġ mil-liturġija tal-kelma tal-lum huwa dak li mhux biss jagħmlilna kuraġġ iżda jqawwi l-qalb tagħna biex nintelqu f’idejn il-Mulej b’mod attiv,  inxammru l-kmiem u minkejja d-difetti tagħna mmorru fejn jibgħatna Hu – fid-djar tagħna, fil-komunitajiet  tagħna, fil-post tax-xogħol, naħdmu u nwasslu l-kelma tiegħu lill-oħrajn.  Din hija l-missjoni-avventura li għaliha huwa msejjaħ kull Nisrani.  Din hija l-missjoni li lkoll kemm aħna rridu nagħrfu nwettqu, din hija l-missjoni li permezz tagħha rridu niżirgħu kontinwament is-sliem permezz ta’ l-għemil, il-kliem u x-xhieda tagħna bħala Nsara ħajjin.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari huwa meħud minn Isaija fejn għandna l-poplu ta’ Israel jirritorna lejn l-eżilju iżda l-ħolma ta’ bini ta’ Ġerusalemm Ġdida għadha ’l bogħod wisq biex isseħħ.  Ħafna qed jaqtgħu qalbhom u għalhekk il-profeta jħeġġiġhom billi jurihom il-figura ta’ Alla bħala omm li tħares lil uliedha u żżomm kelmitha magħhom.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 65, għandna għanja ta’ tifħir lill-Mulej għall-“opri sbieħ” li huwa jwettaq magħna kuljum.  It-Tieni Qari huwa meħud minn San Pawl permezz ta’ l-Ittra tiegħu lill-Galatin.  San Pawl jagħlaq din l-ittra b’għajta ta’ ferħ u radd il-ħajr fejn jiftaħar biss bis-salib ta’ Kristu.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna lil Ġesù jibgħat lill-Appostli u d-dixxipli tnejn tnejn jevanġelizzaw.  In-numru 72, f’Ġenesi Kap 10, jissimbolizza l-ġnus kollha ta’ l-art.  Ġesù jenfasizza li l-ħsad kbir u l-ħaddiema ftit u għalhekk għandhom jistrieħu mhux fuqhom infushom iżda fuq il-qawwa ta’ Alla.

Il-Ħajja

  1. Qatt ħsibt u rriflettejt fuq il-missjoni li Ġesù bagħtek biex twettaq f’din id-dinja?
  2. Qatt ħsibt inti min int u x’jixtieq Ġesù minnek il-lum, issa f’dan il-waqt, u x’qed tkun ir-risposta tiegħek?
  3. Kemm tħossok tassew viċin Ġesù u li qed twettaq il- missjoni tiegħu fil-post fejn tgħix jew taħdem kuljum?
  4. Ġesù jgħidilna biex nifirħu għax dawk kollha li jwettqu l-missjoni li l-Mulej bagħathom iwettqu għandhom isimhom miktub fis-sema.
  5. Kemm tħoss li inti, bil-qawwa ta’ Ġesù qed tkun ħabbâr tas-sliem fl-ambjent tiegħek?

Id-Djalogu

  Mulej,

  lili wkoll tajtni missjoni,

  li naqdik b’impenn fl-ambjent tiegħi.

  Ħafna drabi Mulej, inħossni dgħajjef,

  minkejja li mdawwar

  bl-opri kbar tiegħek.

  Mulej, imlieni bil-kuraġġ

  sabiex nagħraf kull ħin nagħti xhieda tiegħek

  fuq il-kelma u l-grazzja li inti żrajt fija.

read more

San Pietru u San Pawl Appostlu – 29 ta’ Ġunju 2025

June 28, 2025
Atti tal-Appostli (12:1-11),  Timotju (4:6-8.17-18), San Ġwann (16:13-19)

L-Evanġelju 

Stqarrija tal-fidi minn Pietru u l-primat tiegħu

(Mk 8, 27-30; Lq 9, 18-21)

 

Meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa  lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?” U huma weġbuh: “Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti.” Imma intom min tgħidu li jien?” staqsiehom. U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj.” U Ġesù wieġbu u qallu: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat ta’ l-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.”

 

read more

TANA KOLLOX! – Corpus Christi – Il-Ħadd 22 ta’ Ġunju 2025

June 19, 2025

Tifkira solenni tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu

TANA KOLLOX!

Ġenesi (14:18-20), Korintin (11:23-26), Luqa (9:11b-17)

Il-Vanġelu

    Dan hu ġismi. Dan hu demmi. –  Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

    F’dak iż-żmien, Ġesù qagħad ikellem il-folol fuq is-Saltna ta’ Alla, u fejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan. Il-jum kien wasal biex jintemm.

Resqu lejh it-Tnax u qalulu: «Ibgħathom in-nies biex jmorru fl-irħula u r-rziezet tal-qrib biex isibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa, għax hawnhekk qegħdin f’post imwarrab.»
Iżda hu qalilhom: «Agħtuhom intom x’jieklu.» Qalulu: «Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, jekk għallinqas ma mmorrux aħna stess nixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha!» Għax kien hemm madwar il-ħamest elef raġel. U qal lid-dixxipli tiegħu: «Qegħduhom bilqiegħda ħamsin ħamsin.» Hekk għamlu, u qiegħdu lil kulħadd bilqiegħda.
Imbagħad ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, berikhom u qasamhom, u tahom lid-dixxipli biex inewluhom lin-nies. U kulħadd kiel u xaba’ u l-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal ġabruhom fi tnax-il qoffa.

     Il-Kelma tal-Mulej;       R: Tifħir lilek Kristu

Il-Ħsieb

Ħudu, dan hu ġismi
     Tana kollox.  Tana ĠISMU u DEMMU.  Ma setax jasal aktar.  Tana Ġismu u Demmu biex tassew ikun ta’ ħajtu għalina.  Mhux biss li ssallab fuq is-salib iżda wriena biċ-ċar li aħna werrieta tiegħu, għax meta nieklu minn dan il-ħobż u nixorbu minn dan l-inbid aħna nkunu qed inħabbru mewt il-Mulej sa ma jiġi.  Sfortunatament aħna l-Insara mhux dejjem napprezzaw dak li għamel Ġesù għalina.  Mhux dejjem napprezzaw din l-eredità ta’ grazzji li l-Mulej tana.  Huwa għalhekk li ħafna drabi nidraw nirċievu l-Ewkaristija.  Ninsew li rridu: (i) nippreparaw bis-sħiħ biex nirċievu l-Ewkaristija; (ii) nirċievu bl-akbar serjetà l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu; (iii) nitolbu bl-akbar għożża wara li nirċievu l-Ewkaristija u (iv) inkunu konvinti mill-qawwa li rċevejna.

Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna
     Aħna l-insara, fil-festa ta’ Corpus christi, barra li nirringrazzjaw lill-Mulej għal dak li għamel magħna, irridu wkoll nagħrfu u nagħmlu eżami tal-kuxjenza ta’ kif qed inħarsu u nirċievu l-Ewkaristija?  Kemm tassew qed inħossu fina l-bidla kontinwa kull darba li nersqu għal dan is-sagrament?

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Eżodu, insibu ċ-ċerimonja li permezz tagħha ġie mwettaq il-Patt bejn Alla u l-poplu Lhudi.  Ixxerred id-demm ta’ l-għoġiela fuq l-altar.  Id-demm huwa xbieha tal-ħajja nfisha għax seħħ il-Patt bejn Alla u l-poplu Lhudi.  Is-Salm Responsorjali minn Salm 115, huwa r-radd ta’ ħajr tagħna  għas-sagrifċċju li noffru lil Alla biex infaħħruh.  Fit-Tieni Qari, l-ittra lil-Lhud turi kemm is-sagrifċċju ta’ Kristu jisboq bil-bosta kull tip ieħor ta’ sagrifiċċju.  Kristu huwa l-Qassis il-Kbir u fl-istess ħin il-vittma.  Fil-Vanġelu, meħud minn san Mark, għandna lid-dixxipli jħejju l-ikla ta’ l-Għid tagħhom.  Din l-ikla kienet tfakkar il-ħelsien tal-poplu mill-jasar ta’ l-Eġittu u l-Patt mal-poplu fis-Sinaj.  Dan il-Patt iss jingħata tifsira oħra.

Il-Ħajja
  1. Kristu waqqaf is-sagrament tal-Patt il-Ġdid: (a) li jifdi lill-bnedmin; (b) jaqla’ l-maħfra tad-dnubiet; u(c) li jġib għaqda sħiħa ma’ Alla u bejn il-bnedmin bejniethom.
  2. L-Ewkaristija ġġib l-għaqda u l-unità ma’ Kristu u bejn il-bnedmin. Qed nifhmu x’qed nirċievu?  Qegħdin inħossuna li aħna strumenti ta’ għaqda?
  3. Kemm qed nersaq għat-tqarbin u nifhem tassew li ma nistax nibqa’ l-istess wara li nitqarben?
  4. Kemm qed infittex li nwarrab kollox u niltaqa’ ma’ Kristu fl-Ewkaristija kuljum? Nifhem li dan huwa l-Ħobż Ħaj li jżommna ħajjin?
Id-Djalogu

  Mulej,

  Inti l-Ħobż ħaj li nżilt mis-sema.

  Agħmel li nifhem il-qawwa tiegħu

  meta nirċevik.

  Grazzi Mulej.

read more

MORRU NEĦĦU L-BIŻA’ – Għid il-Ħamsin (Sena Ċ) – 8 ta’ Ġunju 2025

May 22, 2025

Għid il-Ħamsin

MORRU NEĦĦU L-BIŻA’

Atti 2:1-11; Salm 103; 1 Korintin 12,3-7, 12-13; Ġwanni 20:19-23

Il-Vanġelu

   Dak in-nhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Mbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.” Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu  s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.”

 

Il-Ħsieb

     L-esperjenza tal-ħajja umana ta’ kuljum tgħaddina minn ħafna mumenti ta’ biża’.  Il-biża’ li taħkem u ħafna drabi tipparalizza l-azzjonijiet li nkunu se nwettqu.  Fil-ħajja tagħna spiritwali jiġrilna l-istess.  Ħafna drabi nibżgħu nagħtu xhieda li aħna nsara, ħafna drabi nibżgħu ngħixu l-kelma ta’ Alla, ħafna drabi nibżgħu ninqatgħu minn kompromessi li nkunu ħloqna aħna għall-kumdità tagħna.

     Il-festa kbira tal-lum ta’ nżul l-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja u fuqna personalment hija festa li tistedinna li għalkemm aħna bnedmin u mimlijin dgħufija, ilkoll kemm aħna għandna għalfejn nagħmlu kuraġġ.  Il-Mulej jaf min aħna, il-Mulej jaf li aħna kollha biża’, il-Mulej jaf li lkoll kemm aħna nistgħu nwettqu ħafna ġid jekk nisimgħu, naċċettaw u ngħixu l-kelma tiegħu.

     Huwa għal dan il-għan li l-Mulej jibgħat l-Ispirtu s-Santu, id-Difensur, li mhux biss se jsaħħaħ fina l-fidi iżda permezz tad-doni tiegħu se jqawwina biex naffrontaw is-sitwazzjonijiet ta’ ħajjitna kull ħin.  L-Ispirtu s-Santu jinżel biex idawwalna u jurina x’għandna ngħidu u nagħmlu.  L-għażla issa hija f’idejna kemm tassew għandna fidi fil-Mulej u f’dan il-mibgħut-difensur li huwa jibgħatilna, li rċevejna fil-Magħmudija u fil-Griżma ta’ l-Isqof.  Kemm tassew qed inħossu l-preżenza ta’ l-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħna hija d-domanda li rridu nwieġbu għaliha b’mod personali llum.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli, naraw l-inżul ta’ l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli kif kien iwiegħed Ġesù.  Fit-tieni parti l-Appostli joħorġu jippriedkaw lill-ġnus kollha b’lingwi differenti.  Fis-Salm Responsorjali, minn Salm 103, insibu għanja ta’ radd il-ħajr għax permezz tal-Miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu l-Mulej beda jġedded kollox.  Fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, għandna t-teoloġija ta’ San Pawl dwar l-Ispirtu s-Santu fejn jurina l-għaqda li fiha jrawwimna l-Ispirtu s-Santu.  Tgħammidna fi Spirtu wieħed biex insiru ġisem wieħed.  Din l-għaqda tispikka aktar fil-paċi li l-Mulej jagħti lid-dixxipli tiegħu filwaqt li jonfoħ fuqhom l-Ispirtu s-Santu kif insibu fis-silta tal-Vanġelu ta’ San Ġwann illum.

Il-Ħajja

  1. Il-Mulej jaf li aħna dgħajfa. Iżda jridna nagħmlu kuraġġ u naħdmu

     fl-għalqa tiegħu.  Għalhekk jibgħat I-ispirtu s-Santu.

  1. Kemm tassew aħna nies li nħossuna mdawla permezz ta’ l-Ispirtu tal-

     Mulej?  Il-Mulej jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex nirrikorru lejh tul il-

     jiem ta’ ħajjitna.  Qed inwettqu dan?

  1. Xi djalogu nagħmlu ma’ l-Ispirtu s-Santu kuljum?
  2. L-Ispirtu s-Santu minbarra d-dawl permezz tad-doni tiegħu jridna li

     nkunu ġebel ħaj fil-Knisja.  Ejjew nitolbu llum biex niġġeddu fl-

     impenn tagħna nisrani fis-soċjetà u fil-ħidma li nwettqu kuljum

Id-Djalogu

  Spirtu s-Santu,

  nitolbuk tinżel fina

  biex turina xi trid minna

  sabiex b’għemilna u ħidma

  nwasslu l-Bxara t-Tajba fl-ambjent ta’ madwarna.

 

read more