“Noħorġu mill-Qabar” – Prayer Café: 4 ta’ April 2014
“Dan il-vanġelu jurina li Ġesu jrid joħroġna mill-qabar tagħna”, b’dan il-kliem Fr Charles Fenech beda l-laqgħa Prayer Cafè il-Ġimgħa 4 ta’ April wara li nqara l-vanġelu tal-Ħadd li jmiss mill-Vanġelu ta San Ġwann kapitlu 11, versi 1 sa 45. “Dan il-vanġelu jirraprezenta ħafna episodji minn ħajjitna”, kompla Fr Charles. Naraw il-qawwa ta’ Ġesu taħdem f’ħajjitna u letteralment joħroġna mill-qabar ta’ mumenti iebsa f’ħajjitna, minn xi depression, minn mumenti ta’ vojt spiritwali, etc. Forsi dan ir-Randan laqtek xi vers waqt xi omelija, waqt xi rtir jew f’xi konferenza iżda jibqa’ biss vers ġo moħħok, ma tagħmilx il-pass li jmiss ma tiċċaqlaqx – tibqa’ mwaħħal fejn kont – tibqa’ fil-qabar tiegħek.
Dan il-vanġelu hu mimli b’ritratti li jgħinuna nifhmu aktar lil Ġesu. Meta sema’ li miet Lazzru telaq għal ħdejh, meta wasal ħdejn il-qabar – Ġesu beka – Ġesu ħass n-niket tal-firda tal-mewt bħalna – huwa sentiment normali li wieħed jibki waqt funeral.
Martha, oħt il-mejjet meta Ġesu ordna li titneħħa l-ġebla minn quddiem il-qabar qaltlu “ ‘Mulej issa beda jintenn, ġa ilu erbat ijiem mejjet.’ ” Din hi l-istess rejazzjoni tagħna, tagħna li mmorru l-knisja; tagħna li suppost nemmnu; li minkejja li nafu li Ġesu jista’ jagħmel affarijiet kbar, meta niġu għal fatti neħlu. Nitolbu għal miraklu… paċi fil-familja… bidla fir-raġel… bidla fil-mara… imma ma nemmnux li se jinbidlu; bħal l-istorja ta’ mara li quddiem it-tieqa ta’ kamritha kien hemm muntanja u ħabba fiha ma kienx jidħlilha d-dawl tax- xemx u lill-Mulej talbitu: ‘Mulej neħħili din il-muntanja imma naf li mintiex se tneħħiha!’. ‘Mela għalfejn qegħda titlobni?’ weġibha l-Mulej. Din l-istorja tirrifletti lilna meta nitolbu għal xi serħan minn xi problema iżda ġo fina nħossu li m’aħniex se naraw serħan minn din il-problema. Mela fejnha l-fidi tagħna? It-talb tagħna, kompla Fr Charles, sar qisu x-xiri tagħna minn xi supermarket? Rajt u xtrajt mill-ewwel? Mmorru nitqarbnu, nitolbu ftit u nistennew li mmorru id-dar u l-problemi li tlabna biex jinħallu se nsibuhom maħlulin! Hekk: switch on – switch off? Meta nitolbu, nipretendu li biex ikun seħħ dak li tlabna għalih irid iseħħ fil-pront, fl-ewwel 24 siegħa li tlabna għalih – u jekk le arana malajr ngħidu ‘talbi ma jinstemax!’. Dawn huma ereżijiet kbar – jinstema’ t-talb ta’ kulħadd mhux tar-reliġjużi biss – jinstema’ t-talb tagħna lkoll għax aħna komunita. Irridu nemmnu aktar, Martha li kienet temmen ħafna fil-qawwa ta’ Ġesu wkoll ddubitat. U Ġesu weġibha “ ‘Ma għidtlekx li, jekk temmen, tara l-glorja ta’ Alla?’ ” Meta nemmnu tassew anke waqt il-mumenti ta’ stennija li jseħħ li tlabna għalih nħossu s-serħan f’qalbna, serħan li jġibilna l-paċi f’qalbna. Minkejja li jkun hemm mumenti li x-xitan jipprova jkissirna. Hawn Fr Charles semma kif Padre Piju kien jiġi attakat mix-xitan anke b’mod fiziku iżda dan għax kellu l-paċi tal-Mulej f’qalbu kien jirnexxilu jorqod seren. Jekk xi ħadd jaddi ljieli jitqalleb, ljieli bla rqad jaħseb fuq xi problema li laqtitu, irid jagħraf x’hemm ħazin f’ħajtu. Qiegħed jagħmel ir-rieda tiegħu jew tal-Mulej? Qiegħed iħott il-ħajt li jridu jħott il-Mulej jew dak li jrid hu?
Fil-vanġelu nsibu “Imbagħad għajjat ‘Lazzru, oħroġ’ U dak li kien mejjet ħareġ” Kemm- il-darba f’ħajjitna kissirna l-ġebla tal-qabar ta’ xi ħadd li għaddej minn żmien diffiċli b’xi kelma – tagħtih nifs b’nofs ta’ kelma ta’ ġid? Lazzru ħareġ wara li xi nies neħħew il-ġebla – tgħid Ġesu li qajjem lil Lazzru mill-mewt ma setgħax farrak il-ġebla hu stess? Ried li n-nies jipparteċipaw f’dan il-miraklu. L-istess bħalma jistenna li aħna nagħmlu s-sehem tagħna biex iseħħu l-miraklu fil-ħajja tagħna. Lazzru semgħu lil Mulej isejjaħlu. Aħna kemm il-darba ma smajnihx? Kemm il-darba rqadna waqt omelija?
Lazzru ħareġ mill-qabar u Ġesu jordna “ ‘ Ħollulu l-faxex u ħalluh imur.’ ” Il-Mulej qiegħed jordna lilna lkoll biex inħollu l-problemi ta’ dawk ta’ madwarna, nibdew minn żwieġna, minn martna, nressqu lil xi ħadd biered lura lejn il-Knisja. L-evanġelizzazjoni tibda minn djarna, miċ-ċirku viċin tagħna.
Dan il-vanġelu mimli vleġġeġ immarkati għalina lkoll. Ejjew nilqawhom; ejjew nqumu mir-raqda spiritwali li ninsabu fiha.
Avviżi:
Il-Mejda Tkellimna: Mejda tal-Appostli, il-qabar ta’ Kristu u Sepulkru