Prayer Cafè: ĦSIBIJIET FUQ IX-XAHAR TA’ NOVEMBRU – taħdita mis-sur Charles Briffa – Ġimgħa 3 ta’ Novembru 2017.
Il-laqgħa bdiet bit-Talba tal-Moviment u l-Manifikat.
Ħafna minna jsejjħu x-xahar ta’ Novembu ix-xahar tal-mejtin. Hu xahar ta’ swied il-qalb għal ħafna. Imma x-xahar jibda b’alternattiva posittiva għal Haloween – All Saints Party – il-Festa tal-Qaddisin Kollha. Niċċelebraw il-ħajja għax dawk li m’għadhomx magħna issa bdew ħajja ġdida.
Diġa’ bdejna naraw minn issa ħwienet bl-affarijiet tal-Milied. Aħna qegħdin nagħmlu ċelebrazzjoni – l-erwieħ ta’ ħutna qegħdin f’ċelebrazzjoni – fi twelid ġdid. Dan it-twelid hu dak li nixtiequ aħna. Li twelidna ma kellnix kontroll fuqu, pero’ fejn sejrin nafu, u fuq dan irridu naħdmu.
Matul dan ix-xahar, flok ma nsewwdu qalbna, għandna nagħmlu riflessjonijiet. Veru li Novembru jġibilna memorji tal-mejtin tagħna. Anke Ġesu’ beka għall-mewt ta’ Lazzru. Aħna rridu nħarsu bl-ideja tal-ferħ li dawn komplew fil-ħajja – twieldu għal ħajja ġdida.
Ix-xahar ta’ Novembru nużawh bħala riflessjoni ta’ feJn nixtiequ li naslu. Dan hu żmien sabiħ, għax għalkemm illum il-morali qed jinżel, qed joħroġ il-kattoliku propju. Veru li n-numru tan-nies li jmorru l-knisja qed jonqos, imma qed imorru nies li huma vera. Billi jkollok knisja mimlija minn nies li ma jimpurthomx, x’jiswa?
Aħna qegħdin naħdmu għall-futur. Aħna nistgħu nikkontrollaw il-futur, mhux bil-fortune tellers, imma billi nippreparaw ruħna sew. Għalkemm il-ħsieb tan-nies li telqu qabilna jġibilna dieqa, dawn ħallew ukoll togħma tajba warajhom. Dawn in-nies huma dawl għall-futur tagħna. Irridu nsaqsu lilna nnfusna: Fejn ser nitlaq jien? Nistgħu nitolbu minn issa sakemm għandna f’din id-dinja, imma meta mmorru minn hawn irid ikun it-talb ta’ ħaddieħor għalina. Għalhekk għandna naħsbu fl-erwieħ tal-purgatorju. Għandna nitolbu għalihom u anke nitolbu lilhom biex huma jitolbu għalina.
Hawnhekk inqara’ s-salm 23 – Il-Mulej hu r-Ragħaj tiegħi – is-salm tal-isperanza. Dan jgħodd għal dawk li telqu qabilna, u għalina li għadna hawn. Jitkellem dwar episodju li jiġru fil-ħajja tagħna – it-toqol, il-wied mudlam …
Illum qed jippruvah ibelgħuhilna li l-eternita’ hi mezz ta’ kontroll tal-Knisja, pero’, bl-intelliġenza kollha tagħhom, dawn in-nies qed jiddegradaw ruħhom li jġibu lilhom innfushom juq livell ta’ annimal. Kif jista’ jkun li l-bniedem jispiċċa bħal qattus?
Is-Salm 23 jgħodd ħafna għal kull żmien. Ma rridux naqtgħu qalbna. – it-triq nafuha, u l-futur nafuh, mhux bil-qari tax-xorti, imma permezz tal-imħabba t’Alla.
Meta nħobbu, aħna kultant nippruvaw nikkontrollaw li dak li jkun. Alla mhux hekk. Tant għandu mħabba perfetta għalina li ħalliena liberi li nagħżluH jew le. Ħallas il-kont, imma ħallina liberi li, jekk irridu, ngħidulu grazzi.
Novembru hu xahar ta’ preparazzjoni, ta’ “awaremess”. Għalkemm aħna naraw il-mewt bħala nġusta, pero’ hija ġusta, għax Alla ma jagħmel xejn inġust. Aħna nagħmluha nġusta l-ħajja. Nieħdu l-faqar – dan hu tort tar-rebgħa u t-tqassim inġust tal-ġid.
Iktar milli noqogħdu nibżgħu minn dan il-xahar tal-mejtin – wara kollox anke Ġesu’ beża’ quddiem il-mewt – aħna bħalu rridu nirbħu billi nħarsu lejn il-Missier u ngħidulu: “Ikun li trid Int”
It-talb tagħna m’għandux ikun mekkanizzat. Għandna t-talba tal-Missierna – “aħfrilna bħal m’aħna naħfru”. Irridu nkunu nafu x’qed nitolbu. Ngħidulu “ikun li trid Int”, imma f’qalbna nżidu “imma x’ħin u kif irrid jien”. Bħal ma qal Ġesu’ li aħna nafu nagħtu t-tajjeb lil uliedna, aħseb u ara Alla jaf meta għandu jtina dak li neħtieġu. Għandna nitolbu b’fiduċja.
Issa kif qed inħarsu lejn l-eternita’? Ħafna drabi qed ninponu fuqna piżijiet ġodda – piżijiet li ħafna drabi jbegħduna minn Alla. L-inċidenza li nitilfu ruħna hi meta aħna nitgħabbew b’piżijiet ta’ din id-dinja. Il-ħajja hi bħal biċċa metall. Jekk titlaqa’ fil-ħamrija ssaddad. Pero’, jekk tgħin ruħha, jekk tiċċaqlaq ftit, hemm Alla li Hu l-kalamita li jiġbidha lejH. Jekk aħna norbtu qalbna ma’ din id-dinja, aħna nissaddu. Id-dinja tieklok!
Sfidi dejjem kellna. Dan ix-xahar irrid nara jekk jien hux ippreparat tajjeb għal din l-eternita’ li qed nimxi lejha. Illum għandna ħafna għajnuniet. Kif aħna nieħdu ħsieb saħħitna, hekk għandna nieħdu ħsieb ruħna. Din il-ħajja tagħna għad trid tittrasforma ruħha. Dal ġisem tagħna qed itaqqalna minħabba d-dnub. Aħna nemmnu li Alla għad iqajjem dan il-ġisem tagħna.
Dawn huma ftit ħsibijiet, qabel ma x-xahar li ġej, bit-tlellix tiegħu, jaljenana għal festa tal-Milied. Illum, sfortunatament, il-festi tagħna l-kattoliċi qed jiġu fgati bil-kummerċjalita’. Kif qed inħarsu lejn il-festa tat-twelid ta’ Ġesu’? Ħafna drabi għejja u nfiq ta’ flus. Aħna qed nibżgħu nwasslu l-messaġġ ta’ Ġesu’ ċar u tond. Ġesu’ ma kellux kompromessi. Irridu nkunu bħalu – l-iswed iswed u l-abjad abjad. Aħna rridu nibdew minna stess u mill-familji tagħna, mhux imbagħad nippuntaw subajna lejn il-Knisja.
Per eżempju, it-tfal li ħadu sehem fl-All Saints Party, xorta ħadu gost. Min qed jinfluwenza liż-żgħażagħ permezz tal-Haloween, qed jipprova jagħtihom kultura tal-mewt.
Bil-mod il-mod daħlu ċertu leġiżlazzjonijiet, bħal dik tad-divorzju …
X’inhi l-bagalja li qed inħejji għall-eternita’? Quddiem ċertu sitwazzjonijiet, bħall-abort, irridu nkunu iebsin, għax hemm il-ħajja fin-nofs. Id-dinja qed tagħmlilna dal ħafna parametri u tlellix u finalment niblugħha s-sunnara! Irridu noqgħodu attenti li ma nqgħux f’din in-nassa. Niftakru dejjem f’salm 23: “Il-Mulej hu r-Ragħaj tiegħi”.
FEJN MA NASLUX AĦNA, JASAL ALLA!