Prayer Cafè: – MEĦTIEĠ ĦAFNA GĦAQAL taħdita mis-sur Joe Huber – Ġimgħa 10 ta’ Novembru 2017.
Il-laqgħa bdiet bil-kant tat-Talba tal-Moviment.
Imbagħad inqara l-Vanġelu tal-Ħadd – Matt 25: 1-13 – Il-Parabbola tal-Għaxar Xebbiet. Ħafna drabi l-Vanġelu jibda bil-kliem “dak iż-żmien”. Kif nisimgħu din l-espressjoni norbtuha ma’ xi ħaġa tal-passat. Pero’ “dak iż-żmien” jista’ jkun illum ukoll, għaliex il-Vanġelu hu universali. Il-Vanġelu mhux miktub għall-insara ta’ dak iż-żmien biss, imma għandu tifsira għal kulħadd – għal issa u għaż-żmien li ġej.
X’inhu ż-żmien li ġej? Ma nafux, imma l-Parabbola turina ċar x’se jiġri fiż-żmien li ġej. Għaliex Bin il-Bniedem għad jiġi għalina u għal kulħadd mingħajr ma jkun mistenni, kif naraw fil-Parabbola.
Hawnhekk insibu kelma mportanti – “ishru” – ibqgħu dejjem imqajjmin, jiġifieri lesti, bħax-xbejbiet għaqlin tal-Parabbola.
Ġesu’ jibda r-rakkont hekk – “Is-saltna tas-smewwiet tixbah…” Meta jirrakkonta xi ħaġa, Ġesu’ jrid dejjem iwassalna lejn dak li hu l-veru għan tagħna – dak li jrid jiġri wara t-tmiem. L-għaxar xebbiet kollha kienu qed jistennew il-miġja tal-għarus. U kienu lesti li jistennew anke sad-dlam. Imma ħamsa kienu għaqlin, u ħamsa kienu boloh. L-għaqlin ħasbu ‘l quddiem għal li jista’ jinqala’. U allura ħadu magħhom iktar żejt. U l-boloh ma ħasbux, ma tawx kas. U l-għarus iddawwar ma ġie. Ma nafux għaliex – ma qalx x’ħin se jasal. Hawn niftakru wkoll fi kliem Ġesu’: “Li kieku s-sid jaf x’ħin se jiġi l-ħalliel ….”
Aħna rridu nkunu dejjem lesti. L-imsiebaħ tal-għaxar xebbiet baqgħu mixgħula sakemm baqa’ żejt fihom. Imma ż-żejt beda’ jonqos, allura kien hemm il-ħtieġa li jimlewhom.
X’inhu ż-żejt għalina bħala nsara? Huma l-azzjonijiet tajba tagħna – dak kollu li nagħmlu biex nibqgħu dejjem nikkonvertu – inħarsu ‘l quddiem lejn l-għan veru tagħna – il-ħajja ta’ dejjem.
X’ħin qorob l-għarus naraw ir-reazzjoni tax-xbejbiet. Il-boloh indunaw li ma kellomx biex iżommu d-dawl ħaj – il-festa ħajja. Allura talbu lill-għaqlin biex ituhom minn tagħhom. L-għaqlin qalulhom li jekk jagħmlu hekk ma jkunx hemm biżżejjed għal kulħadd. Qalulhom biex jaħsbu għal rashom. Dawn aċċettaw il-parir u marru jfittxu. L-għarus wasal x’ħin kienu għadhom ma ġewx lura. Dawk li kellhom id-dawl jixgħel daħlu għall-festa. Meta waslu l-boloh, semgħu tweġiba li jekk naħsbu daqsxejn fuqha tkexkixna – “Jien ma nafkomx”. Maqtugħin mill-festa minħabba l-bluha, għax ma ħasbux minn qabel. Hawnhekk Ġesu’ jrid itina tagħlima sempliċi: “Ishru, għax ma tafux la l-jum u lanqas is-siegħa” – għandna dejjem inkunu lesti.
Fi kliem ieħor, il-ħajja nisranija tagħna m’għandix tkun superfiċjali. Għandna nħarsu ‘hin minn dak li jidher – mhedijin wisq b’dak li naraw. Allura rridu nibqgħu nfittxu l-ħin kollu xi jrid Alla minna – anke fl-iktar affarijiet żgħar. Hekk inkunu qegħdin naħsbu biex matul ħajjitna nibnu l-ħażna taż-żejt – bħal ma kellhom l-għaqlin.
Biex aħna naħżnu dan iż-żejt, ma nistgħux niddependu minn ħaddieħor – nippretendu li ħaddieħor itina dak li nistgħu nagħmlu aħna. Kull bniedem hu responsabbli tal-azzjonijiet tiegħu. Aħna mdorrijin f’soċjeta’ fejn insibu d-difetti ta’ ħaddieħor biex niġġustifikaw l-iżball tagħna. Naħsbu li b’daqshekk ħlisna minn xi ħaġa fuq il-kuxjenza tagħna. L-iżball ta’ ħaddieħor qatt ma jiġġustifika l-iżball tagħna.
Il-boloh issa ndunaw li l-għaqlin kienu ħasbu minn qabel. Dawn l-għaxra kienu kollha magħżulin – mistednin. Il-boloh baqgħu jittamaw li l-għarus jasal f’xi ħin li l-imsiebaħ tagħhom ikunu għadhom mixgħulin. Għalhekk ma ħasbux minn qabel. Minflok ma ħadu l-inizzjattiva biex jirranġaw is-sitwazzjoni, riedu li l-oħrajn isolvulhom dil-problema. L-umilta’ tidher li ma kenitx waħda mill-karatteristiċi tagħhom – solvili l-problema int!
Kemm ngħabbu fuq ħaddieħor! Nippretendu li ħaddieħor isolvi l-problemi tagħna. Niippretendu li ħaddieħor għandu jinbidel biex jogħġob lilna. L-umilta’ tfisser li jien nagħraf in-nuqqasijiet tiegħi. Nammetti li għamilt żball. Kemm hi diffiċli, speċjalment f’din il-kultura li qed ngħixu fiha! Il-boloh, flok ma ddispjaċihom tal-iżball li kienu għamlu, riedu jaħtfu ż-żejt ta’ ħaddieħor. Ma tawx kas li setgħu jdaħħlu lill-għaqlin fi sqaq, għaliex kieku tawhom miż-żejt tagħhom, mhux ħamsa kienu jispiċċaw barra, imma għaxra.
Papa Franġisku, f’omelija li għamel dil il-ġimgħa, qal li ma nistgħux aħna, bħala nsara, nirkbu fuq dahar xulxin. Irid ikollna atteġġjament ta’ fraternita’. Nistgħu ngħidu wkoll li dawn il-boloh ma kellhomx rispett jew imħabba lejn il-ħamsa l-oħra, għax ma mpurtahomx li setgħu idaħħluhom fl-inkwiet. Il-ġenn tas-soċjeta’ moderna hi li ma tqisx ir-riskju li jista’ jgħaddi ħaddieħor meta bniedem jaħseb biss għal rasu.
F’parabbola oħra tal-festa tat-tieġ insibu li wieħed ma kienx liebes għall-festa – u dan spiċċa barra wkoll. Dawn il-boloh baqgħu barra mill-festa għax f’ħajjithom ma stinkawx biex idawwluha – wisq inqas ma dawwlu lil ħaddieħor.
F’din il-parabbola Ġesu’ jtina żewġ twissijiet importanti. L-ewwel waħda li rridu nkunu dejjem lesti biex niltaqgħu Miegħu, għax ħadd ma jaf il-futur. Ħaġa li tgħina biex inħarsu lejn il-futur huma n-Novissmi. Bil-ħsieb li aħna lkoll irridu nitilqgħu minn hawn, nistgħu nifhmu aħjar dak li dejjem jisħaq fuqu l-Papa Franġisku – l-imħabba. Meta aħna naslu f’punt il-mewt, jispiċċaw magħha żewġ virtujiet – il-fidi u t-tama. Tibqa’ biss l-imħabba – l-imħabba tal-Missier li tana s-salvazzjoni.
It-tieni twissija li jtina Ġesu’ hi li hemm affarijiet li aħna ma nistgħux nissellfu mingħand ħaddieħor, bħal ma hi r-relazzjoni u l-fedelta’ tiegħi lejn Alla. Ħafna qegħdin jibżgħu iġorru l-piż li jridu jagħtu eżempju tajjeb. Ġesu’ qal: “Agħmlu dak illi jgħidulkom, imma tagħmlux bħalhom”.
Għandna dmirijiet iebsin – ma nistgħux inġorruhom weħidna. L-Ispirtu s-Santu hu dak li jgħina. Irridu nħallulu l-ispazju biex jidħol fina. Ħadd ma jista’ jgħid “iva” lil Ġesu’ minflokna. Dik “iva” hi personali. Kollha qed nistennew lil Ġesu’, imma mhux kulħadd lest għal din il-miġja.
“AĦDEM QISEK M’INT SE TMUT QATT, IMMA GĦIX QISEK SE TMUT MINN ĦIN GĦAL IEĦOR” - San Franġisk.
Kemm ingergru għax dak li nitolbu rridu li Alla jtinulna fil-pront! Allura niddejqu nistennew u nagħmlu ta’ rasna. Meta Alla jippruvana b’dan il-mod għandu loġika għalina li hi l-maqlub ta’ dik tagħna. Jekk kemm-il darba Alla jissodisfana mill-ewwel, nistgħu nitilfu l-entużjażmu. Minflok ma nibdew naħżnu ż-żejt nidraw ħajja komda. Din hi l-bruda! San Ġwann fil-Ktieb tal-Apokalissi jgħid: “ Aħjar li kont sħun jew kiesaħ għax il-biered jien nobsqu minn ħalqi”.
Sakemm wasal l-għarus, ix-xebbiet kollha ħadhom in-ngħas – bid-differenza li, għalkemm kienu reqdin, l-għaqlin kellhom iż-żejt maħżun. Aħna rridu ntejbu ħajjitna billi naqraw, nisimgħu u nimmeditaw fuq il-Kelma t’Alla. Irrid inkun dispost għaliha. Hemm ukoll it-talb – talb ta’ tifħir, talb ta’ ringrazzjament. Noffru dak kollu li nagħmlu matul il-ġurnata lil Alla.
Hekk kull deċiżżjoni li nagħmlu tkun f’dan id-dawl – dan hu ż-żejt fil-kus – li nagħmlu atti ta’ karita’, biex il-musbieħ tagħna jkun dejjem mixgħul u b’hekk indawwlu lil ħaddieħor.
Dawn huma kollha l-ingredjenti biex x’ħin naslu fil-punt tal-mewt ma jkollnix għalfejn nibżgħu. Allura t-talba tagħna għandha tkun: “Mulej kattar fija l-fidi, Mulej kattar fija l-imħabba biex meta ddoqqli s-siegħa lili ma tħallinix barra mill-festa”