Prayer Cafè: IR-RABA’ ĦADD TAL-GĦID – ĠESU’ R-RAGĦAJ IT-TAJJEB – taħdita mis-sur Joe Scerri – 21 t’April 2018
Il-laqgħa bdiet bil-qari tal-Vanġelu tal-Ħadd – il-Vanġelu tar-Ragħaj it-Tajjeb.
Għalfejn lil Ġesu’ ngħidulu r-Ragħaj it-Tajjeb?
Fl-ewwel paragrafu Ġesu’ jgħid: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-ngħaġ tiegħu. Il-mikri, li m’huwiex ir-ragħaj, u li n-ngħaġ m’humiex tiegħu, jara l-lupu ġej, u jħalli n-ngħaġ u jaħrab; u l-lupu jaħtafhom u jxerridhom. Mikri hu, u ma jħabbilx rasu min-ngħaġ.”
F’din is-silta, toħroġ id-differenza bejn il-veru ragħaj tajjeb u l-mikri. Il-mikri ma jimpurtaħx min-ngħaġ, waqt li r-ragħaj it-tajjeb lest li jagħti ħajtu għalihom. Hawnhekk Ġesu’ kien qed jeħodha kontra l-qassisin il-kbar u l-Fariżej. F’għajnejn il-poplu dawn suppost li huma r-rgħajja spiritwali tal-poplu. Għalihom il-Liġi tiġi l-ewwel, imbagħad il-bniedem. Għal Ġesu’, il-bniedem jiġi l-ewwel. Il-Liġi qegħda hemm biex tgħin lill-bniedem.
“Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-ngħaġ tiegħu.” Ġesu’ ssallab u miet għalina mhux b’ċirkostanza, imma minn jeddu – b’intenzjoni – l-intenzjoni li jifdina u l-intenzjoni li Alla l-Imbierek għandu għalina.
Ikompli Ġesu’: “Jien ir-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf il-ngħaġ tiegħi, u n-ngħaġ tiegħi jagħru lili, bħalma l-Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill-Missier; u għan-ngħaġ tiegħi nagħti ħajti.” Ġesu’ qed jirrepeti biex jagħmel enfasi. Hemm differenza bejn ragħaj tajjeb u r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jaf in-ngħaġ tiegħu b’isimhom.
Ġesu’ jqabbel ir-relazzjoni Tiegħu mall-Missier ma’ dik ta’ ragħaj man-ngħaġ tiegħu. Jien nagħrfuh lil Ġesu’? Jien qed napprezza din l-imħabba Tiegħu? Jekk nagħrfu dan, ħajti għandha tinbidel. Aħna rridu nkunu konvinti li aħna maħbubin minn Alla.
“Għandi wkoll ngħaġ oħra, li m’humiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed.” Ġesu’ ġie għal kulħadd. Għad baqa’ ngħaġ li mhux mill-maqjel Tiegħu? Jien niġġudikhom, jew immur infittixhom, bħal ma Ġesu’ jfittex lin-nagħġa l-mitlufa?
“Għalhekk iħobbni l-Missier, għax jien nagħti ħajti, biex nerġa’ neħodha. Ħadd ma jeħodieli, iżda jien nagħtiha minn rajja. Għandi s-setgħa li nagħtiha, u għandi s-setgħa li nerġa’ neħodha; din hi l-ordni li ħadt mingħand Missieri.” Alla l-Missier ta lil Ġesu’ r-rebħa fuq il-mewt, u din jerġa jagħtiha lilna fil-qawmien tagħna.
Aħna msejħa biex nitolbu għal aktar vokazzjonijiet, għal aktar mexxejja u rgħajja spiritwali. Nitolbu biex ħaddieħor jaċċetta din is-sejħa. U jien?
• Għal x’hiex qed isejjaħli l-Mulej illum?
• Fejn qed nitfa l-enerġija tiegħi kuljum? Din hi skond ir-rieda t’Alla?
• Il-mod li qed ngħix qed jagħti xhieda tal-ħajja nisranija?
• Kif qed nikkontribwixxi jien biex nagħmel id-dinja post aħjar fejn in-nies jgħixu?
• Kemm qed inxerred il-verita’, l-imħabba, il-ġustizzja, it-tolleranza?
U jekk jien, fis-sitwazzjoni tiegħi ta’ raġel/mara miżżewġa, omm, missier, l-impieg li għandi, etċ, kif f’din is-sitwazzjoni qed isejjaħli Alla biex inkun ta’ servizz għalih, għall-Knisja, għall-komunita? Jew qed nużahom biss għall-iskopijiet ta’ moħħi?
Irridu niftakru li Ġesu’ biss hu s-Salvazzjoni, għalhekk ngħidulu r-Ragħaj it-Tajjeb.
Il-laqgħa għalqet bit-talba tal-Missierna.