Prayer Cafè: IT-TIELET ĦADD TAL-GĦID – taħdita mis-sur Charles Briffa – 13 t’April 2018
Il-laqgħa bdiet bit-Talba tal-Moviment.
Dak li qed jiġri fl-Ewropa, qed jolqot lilna wkoll. Dak li ġara elfejn sena ilu qed jiġri llum.
Waqt li l-Lhud kienu qed jiċċelebraw l-Għid, sallbu lill-Messija li kienu ilhom tant jistennew. Ħajjithom kienet ibbażata fuq din l-istennija. Imma meta ġie, sallbuh. U naraw l-Appostli jitħawdu, jibżgħu u jinqaflu ġewwa.
F’dak li qed jiġri llum, hemm min qed jipprova jniżżel in-nisrani fil-katakombi, qed jgħid lin-nisrani “Int relegat. Taħseb x’taħseb, żommu għalik”
Elfejn sena ilu l-Appostli ħarġu miċ-Ċenaklu u bdew ixandru l-Kelma t’Alla, għax quddiem Alla, il-verita’ biss tgħodd. Ġesu’ qal “Min jiċħad Lili quddiem il-Missier, Jiena niċħdu.” Sentenza iebsa!
Is-sitwazzjoni li ħassew l-Appostli dak iż-żmien, jista’ jkun li qed inħossuha aħna wkoll. In-nies qed jonqsu mill-knisja. Elfejn sena ilu ġara hekk ukoll. L-Appostli qalu lil Ġesu’ “Qed jitilqu”. U Hu qalilhom “Tridux tmorru intom ukoll?” L-istess statistika tal-lum hi l-istess ta’ dak iż-żmien.
It-tagħlim ta’ Ġesu’ huwa ħafif, imma tqil biex tipprattikah. Illum indunajna li l-isteering ta’ dak li nemmnu aħna jista’ jdur. Aħna mhux id-dover tagħna li niġġudikaw lil ħaddieħor, imma aħna obbligati li nimxu fuq it-tagħlim nisrani. Sfidi ħa jkollna, bħal ma kellhom l-Appostli. Kien hemm minnhom min ċeda, u llum ukoll jiġri l-istess. Inċedu għall-pressjoni ta’ żmienna.
Qed ngħixu żmien il-Għid, li għandu jkun is-sena kollha, għax aħna l-poplu tal-Qawmien. Bejn it-tebut u l-Qawmien hemm “Tumas” – jien! Tumas ried jara l-affarijiet konkreti. Ġesu’ wrieh il-feriti. Dawk huma l-feriti tal-Knisja llum. Dawk li qed immissu llum. Għalhekk qed ngħixu bħal ma għexu l-appostli dak iż-żmien. Dawk ma waqfux mal-mewt ta’ Ġesu’, għax Hu tahom l-Ispirtu s-Santu, l-istess bħalma ta lilna fil-Magħmudija u fil-Griżma, l-istess Spirtu li ħadu l-Appostli elfejn sena ilu.
Jekk inħarsu lejn il-kmandamenti, dawn huma l-pilastri li jmexxu kull sistema legali fil-pajjiż – la toqtolx, la tisraqx, etc. Dawn kollha huma legalizzati. Fil-kmandamenti m’hemm xejn li jeħodha kontra l-ebda stat. Kull stat demokratiku jimxi fuq dawn il-pilastri. Pero’ llum qegħdin f’sitwazzjoni fejn hemm min qed iħoss li għandu jiftah. Il-piż ta’ dan hu jrid iġorru. Aħna, bħala nsara, il-piż tagħna hu li nimxu fuq il-prinċipji tagħna.
L-Appostli tħawdu, imma fl-aħħar, meta għarfu lil Ġesu’, ħarġu minn hemm u spiċċaw martri. Ġuda ppretenda xi ħaġa differenti minn Ġesu’, mill-Knisja. Aħna m’għandniex infittxu lil Alla fl-affarijiet ta’ din id-dinja. Aħna għandna nkunu dak il-poplu li nemmnu li għandna l-Ispirtu s-Santu fina. Aħna rridu nagħmlu d-differenza. Għax fl-aħħar mill-aħħar, ruħna rridu nsalvaw, u dik ta’ min aħna responsabbli – iż-żgħar – għax l-Evanġelizzazzjoni minn hemm trid tibda. Din hi l-missjoni tagħna.
Jekk aħna ħa noqogħdu għall-pressjoni, bħal ma kellhom l-Appostli dak iż-żmien, ħa nispiċċaw ninżlu fil-katakombi – li tkun nisrani żommu għalik! Id-differenza li rridu nagħmlu aħna hi li ngħixu ħajja differenti fid-dawl tal-Iispirtu s-Santu. It-tagħlim tagħna nġibuh mill-Kelma t’Alla.
L-Appostli m’emmnux mill-ewwel li Ġesu’ kien qam. Infatti Hu talabhom ħuta u kielha quddiemhom, għax ħasbuh xi fantażma. Illum li tippreżenta xi ħadd li jqum mill-mewt mhix faċli, meta kollox jiġi ppruvat bix-xjenza.
L-ewwel Appostli taw xhieda. Ħarġu mill-biża’. Qatlulhom lil Ġwanni u lil Ġesu’ għax dejjqithom il-verita’. Ġesu’ kien avżhom “Għad titħawwdu”.
Aħna rridu nkunu l-insara llum. Ma nistgħux inkunu nsara tat-tradizzjonijiet. Qed inkunu konkreti? Parir nisimgħuh? L-Evanġelizzazzjoni trid tkun bil-mod kif ngħixu aħna. Irridu nżommu sħiħ mat-twemmin tagħna. Ġesu’ ssallab għall-imħabba li jħallina fil-liberta’. U qegħdin insallbuh aħna llum. Ġesu’ ħa dan kollu fuqu biex jagħtina l-maħfra.
Aħna, bix-xhieda tagħna, rridu nagħmlu d-differenza, jiġri x’jiġri. Aħna nafu li d-dagħa, l-abort huwa dnub. Għandi nitkellem fejn għandi nitkellem, bir-rispett u l-imħabba. Għandi d-dritt u l-obbligu li nsemma leħni. Kulħadd irid iġorr il-piż tiegħu.
Hawnhekk sar intervent fuq il-moviment Kerygma. Dan twaqqaf tletin sena ilu biex jiġbor in-nies għal impenn nisrani fis-soċjeta, permess ta’ talb u formazzjoni. Hemm bżonn iktar minn qabel li nevanġelizzaw. Hu x-xogħol ta’ kulħadd. Imma din tibda billi niffurmaw u ninfurmaw irwieħna biex niffurmaw lil ħaddieħor. Qed tiġi diskussa l-liġi dwar l-IVF. Nafu x’inhi? Nafu x’inhu l-iffriżar tal-embrijuni? Jekk int m’intix infurmat sew, ser tibla’ kollox, tifhem u ma tifhimx! Irridu nkunu nsara konvinti – favur il-ħajja. Imma kemm jien infurmat biex nikkomunika – mal-familjari, fuq il-post tax-xogħol, għand tal-ħanut, mall-ħbieb?
Irid ikollna impenn kristjan fis-soċjeta’. Irridu formazzjoni reliġjuża qawwija – anke medika , soċjali, etċ – għalina u għall-oħrajn. U din tibda mid-dar. Meta tkisser il-valuri nsara, tkisser is-soċjeta’ – bħal boomerang tiġi lura fuqek, fuq il-familja, fuq is-soċjeta’, fuq il-pajjiż. Meta aħna naħsbu li sirna allat, it-tisbita tkun għall-infern. Niftakru li ruħna għandha prezz infinit – il-prezz li ħallas għalih Ġesu’!
Għalhekk għandna nibdew mill-familja, għax hemm jiġu miżrugħa l-valuri. Id-dar hi l-ewwel knisja.
Ġesu’ qal “Ikun l-Ispirtu tal-Mulej li jitkellem permezz tagħkom”
Il-laqgħa għalqet bit-talba tal-Missierna.