Prayer Cafè: Il-preżenża t’Alla f’ħajti – taħdita mis-sur Joe Huber – 23 ta’ Marzu 2018
Il- laqgħa Prayer Cafe tat-23 ta’ Frar ġiet imexxi mis-Sur Joe Huber. Fiha ġie diskuss il-qari tat-tieni Ħadd tar-Randan. Papa Franġisku spiss iħeġġiġna biex naqraw l-Iskrittura bl-istess ħerqa li biha Ġesu tkellem dwarha fit-triq ta’ Għemmaws.
Is-salib deher li kien it-tmiem anki għall-appostli, tant li kif qal il-Papa ftit ilu, dawn reġgħu lura lejn xogħlhom. Infatti fil-Vanġelu naqraw dwar is-sajda mirakoluża li ġrat wara l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesu. Iżda minkejja dan bil-miġja tal-Ispirtu s-Santu huma fehmu li s-salib kien l-għajn tal-ħajja u tal-qawmien.
Fit-tieni Ħadd tar-Randan il-Knisja ttina t-Trasfigurazzjoni quddiem it-tliet appostli fuq il-muntanja Tabor. Din il-ġrajja ġrat dritt wara l-ewwel tħabbira tal-mewt ta’ Ġesu. It- tliet Vanġeli sinottiċi (Mattew, Mark, Luqa) jirrakuntawh u jqiegħduh eżatt wara l-famuża xena fejn minkejja li Ġesu kien qallu li se jibni l-Knisja tiegħu fuqu, eżatt wara lil Pietru jċanfru bil-goff u jgħidlu: “Itlaq minn quddiemi ja xitan.”
Għaliex? Ġesu stess itina t-tweġiba. Lil Pietru jgħidlu li qed jirraġuna bil-moħħ ta’ bniedem u mhux bħal Alla. Mill-ġdid insibu lil Pietru jirraġuna bħala biedem fix-xena tat-trasfigurazzjoni: ir-reazzjoni tiegħu li anki f’għajnejna tidher paradossali hi mqanqla minn żewġ emozzjonijiet umani: il-biża’ u t-tama.
Fil-ktieb ‘Ġesu di Nazaret’ Joseph Ratzinger (Benedittu XVI) jikteb li Luqa, jibda r-rakkont tiegħu li jwassal għal dan l-episodju bil-paradoss: Waqt li Ġesu kien jitlob waħdu d-dixxipli isiru ħaġa waħda ma’ Ġesu li waħdu qiegħed jitkellem mal-Missier. Jarawh ikellem lill-Missier wiċċ imb’wiċċ u li s-setgħa tiegħu kienet ġejja mill-Missier. Huma qed jaraw xi ħaġa li l-bnedmin l-oħra ma setgħux jarawha, ittihom opinjoni differenti għax ittihom għarfien li jmur ‘l hinn mill-oppinjonijiet tal-bnedmin. Huwa fuq dan li Kristu bena l-Knisja tiegħu!
Imma lit-tlieta, insejħulhom hekk, ipprivileġġati, irid jurihom aktar minn hekk. Ma ninsewx li dan l-episodju tat-trasfigurazzjoni nsibuh lejn it-tmien tal-ħajja ta’ Ġesu, hu u sejjer lejn Ġerusalemm fejn wara d-daħla trijonfali l-burdata tan-nies marret fl-oppost u mxewxin mill-kbarat għajjtu; Sallbu!
B’din l-esperjenza tat-trasfigurazzjoni, Ġesu ried jgħin lid-dixxipli jegħlbu l-kriżi li kienu jinsabu fiha meta hu ħabbar il-mewt tiegħu.
Il-vanġelu tat-trasfigurazzjoni jinqasam:
2-4 Ġesu jinbidel quddiem id-dixxipli
5-6 Ir-reazzjoni ta’ Pietru
7-8 Il-Kelma li nstemgħet li tispjega s-sens tat-trasfigurazzjoni
9-10 Ġesu jwissi lid-dixxipli biex ma jgħidu lil ħadd dwar dak li raw.
Fil-fatt huma baqgħu ma tkellmux minħabba l-biża’ umana għax ma setgħux jemmnu dak li raw, forsi, imma l-aktar il-Biża’ t’Alla, cioe wieħed mid-doni tal-Ispirtu s-Santu.
San Pawl ukoll jgħidilna fi kliem ieħor: “ebda għajn qatt ma rat ebda widna qatt ma semgħet dak li ħejja Alla għal dawk li jħobbuh.” It-tema tas-segretezza tirrikorri spiss fil-Vanġelu ta’ San Mark li fih it-teoloġi jaraw il-prinċipju “tas-sigriet Messjaniku” li l-evanġelista jtina s-soluzzjoni tiegħu fl-istqarrija taċ-ċenturjun meta jistqarr “Dan tassew kien Iben Alla”.
Ġesu deher jitkellem ma’ Mose u Elija. X’kienu jfissru dawn għal Ġesu u x’kienu jfissru għad-dixxipli?
Mose huwa l-liġi ta’ Alla u l-liġi ċivili wkoll. Elija huwa l-profeta li kien ippersegwitat, maħrub, imma li reġa’ lura lejn il-missjoni tiegħu. Kienu żewġ awtoritajiet assoluti tat- Testment Qadim.
Fil-ħajja tagħna, speċjalment issa fir-Randan, aħna għandna bżonn ta’ xi trasfigurazzjoni?
Fil-messaġġ għal dan ir-Randan, il-Papa Franġisku kellimna mill-ġdid dwar il-profeti foloz: il-flus, il-poter, il-pjaċir li jidħlu fil-ħajja tagħna minħabba li hemm min jikkundizzjonana bla ma nintebħu biex iġibna fejn irid hu għall-profitt tiegħu. It-trasfigurazzjoni li neħtieġu hi li nagħrfu lilna nfusna, neżaminaw x’inhu għaddej ġo fina biex ma nħallux lil dawn l-idoli jaħkmulna ħajjitna.
Dwar din it-tema għandna wkoll id-dokument biex nixtarruh sew li ħarġet il-Kummissjoni għall-Ġustizzja Soċjali u l-Paċi, tad-djoċesi fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Ġustizzja Soċjali li kien iċċelebrat fil-21 ta’ Frar. Il-kummissjoni osservat li s-soċjeta tagħna hi misjuqa dejjem aktar mill-mentalita li l-gwadann ekonomiku hu l-uniku qies tas-suċċess u allura moħħha biss biex tiġġenera l-għana akkost ta’ kollox.
Fil-Vanġelu tal-Ħadd li ġej: in-nies fi żmien Ġesu kienu maħkumin mir-Rumani u għalihom il-mexxej kellu jkun gwerrier li jeħlishom mill-ħakma tan-nies tad-dinja. Imma Ġesu ġie biex jeħlisna mill-iskjavitu tad-dnub, il-veru jasar tagħna.
Bniedem ikkundannat għall-mewt ma setax ikun Messija fil-mentalita tagħhom. Allura t-trasfigurazzjoni setgħet tgħinhom biex jifhmu s-salib għax fiha Ġesu jidher fil-glorja u skont Luqa, ma’ Mose u Elija kien qed jitkellem dwar il-passjoni u l-mewt tiegħu. Ifisser li l-mixja lejn il-glorja trid bilfors tgħaddi mit-tbatija.
It-tbatija hi misteru li bosta drabi m’hemmx tweġiba għaliha. Il-Papa Franġisku fl-4 ta’ Jannar iltaqa’ ma grupp ta’ żagħżagħ Rumeni u qalilhom li t-tbatija, is-sofferenza ta’ tfal abbandunati, li jmutu m’hemmx tweġiba għalihom ħlief dik li nħallu lil Alla jħaddanna miegħu jtina s-sabar u l-għajnuna biex ngħarfu noffru t-tbatijiet tagħna għall-fejda ta’ min tbiegħed, ta’ min ma jridx jaf, ta’ min hu verament fil-bżonn li jsir jaf lil dal-Missier ħanin mimli mogħdrija li dejjem jistenniena u qatt ma jegħja jaħfrilna u jisteddinna biex nerġgħu nduru lejH.
Nifmhu li għan-nies ta’ dak iż-żmien, u anki għalina, diffiċli jaċċettaw li s-salib hu trijonf meta kienu jafu li kien il-kastig tal-akbar kriminali. Kien żmien meta l-Insara kienu msallbin huma stess minħabba l-persekuzzjonijiet ta’ Neruni.
Għat-trasfigurazzjoni Ġesu jitla’ biex jitlob fuq muntanja għolja (Lq 28) li jġibilna f’moħħna l-muntanja Sinaji fejn Alla ta l-Liġi lil Mose’, u muntanji jew għoljiet oħra li jissemmew fl-Iskrittura. Lill-appostli x-xena togħġobhom u mill-ġdid bi kliem Pietru jaħsbu għal rashom: “nagħmlu tined u nibqgħu hawn.”
Nanaliżżaw ftit t-test:
L-ewwel affermazzjoni: sitt ijiem wara: l-istudjużi jaħsbu li r-reazzjoni ta’ Pietru kellha għeruqha fil-fatt li kien is-sitt jum tal-festa Lhudija tat-tined. Festa popolari ta’ sitt ijiem li fiha l-poplu kien jiċċelebra l-għoti tal-liġi u l-erbgħin jum mgħoddija fid-deżert. Il-poplu kien jiċċelbra billi jqatta’ ġimgħa jgħix taħt tined improviżati, (it-tifkira tal-ħajja fid-deżert) minn hawn l-isem tal-festa.
Malli Ġesu jinbidel f’dawl jgħammex leħen mis-sema jgħid: “Dan hu Ibni l-maħbub, isimgħu lilu. Din il-frażi għandna profeżiji ġejjin mill-Antik Testment “Ibni l-Maħbub” il-Messija-qaddej (Iżaija 42:1) Isimgħu lilu- it-tħabbir tal-Mose’ l-ġdid (Dewteronomju 18:15). Il-Missier qed ikun garanti li dak li ħa l-ġisem bħalna u li rxoxta bih ; wara li qam mill-mewt deher lid-dixxipli fil-ġisem mistiku li jżomm il-pjagi tas-salib. Papa Franġisku jħobb jgħid li meta Ġesu jinterċedi għalina quddiem il-Missier, jurih il-pjagi u jgħidlu; “ dawn ġarrabthom minħabba fihom.”
Il-libsa l-bajda: tfakkarna fil-Ktieb tal-Apokalissi li fih naqraw li dawk li jinsabu fuq il-lemin huma lebsin ilbies abjad, li jfisser is-salvazzjoni.
Ġesu, li dejjem deher bħala bniedem, issa nbidel u qed jidher bħala Alla: dak li kien hemm fil-liġi ta’ qabel intemm kollu (is-sagrifiċċji tal-bhejjem eċċ) għax issa l-offerta saret Ġesu nnifsu. Dik hi t-tifsira tad-dikjarazzjoni: “Isimgħu Lilu.”
Waqt it-Trasfigurazzjoni dehret sħaba. Din tfakkarna li meta Alla l-Missier ried juri lilu nnifsu fit-Testment il-Qadim kien jidher fis-sħab eż: meta David ikkonsagra t-tempju u sħaba mliet il-post tant li l-qassisin ma setgħux jidħlu; meta l-poplu kien miexi fid-deżert u matul il-jum kienet tidher is-sħaba u bil-lejl in-nar, meta Alla kellem lil Mose….
Alla l-Missier insibuh jitkellem f’żewġ okkażjonijiet biss: fil-Magħmudija u fit-Trasfigurazzjoni. Ir-raġuni għala jistqarr: “Isimgħu lilu” hi, għax Ġesu huwa wkoll Alla u kif qalilna, Hu ġie jwasslilna dak li bgħatu jgħid il-Missier.
Imma malli ntemmet il-viżjoni d-dixxipli raw lil Ġesu kif kienu jafuH meta jkunu fil-kumpanija tiegħu. Raw lilu biss li jfisser li minn dak il-ħin ‘il-quddiem għalina l-Insara Ġesu biss hu l-muftieh biex nifhmu s-sens kollu tat-Testment l-Antik. Hawn jidħol element ieħor: “żommu fommkom magħluq u tgħidu xejn qabel ma jien inkun qomt mill-imwiet.” Id-dixxipli ma fehmux dal-kliem li jfisser li l-ħajja dejjem tegħleb il-mewt.
It-twemmin tan-nies ta’ żmien Ġesu kien li kellu jerġa’ jitfaċċa Elija biex iħejji t-triq għall-Mulej. Allura jekk Elija kien għadu ma deherx mill-ġdid, kif seta kien li l-Messija kien Ġesu? It-tweġiba li jagħti Ġesu hi ċara, Elija ġa ġie u huma ġiebu ruħhom miegħu kif għoġobhom, bħalma hemm miktub fuqu. Hawnhekk Ġesu kien qed jitkellem dwar Elija ieħor – l-aħħar profeta u l-punt li jgħaqqad it-Testment l-Antik mal-Ġdid: Ġwanni l-Battista.
Il-libsa li bdiet tiddi turi d-divinita ta’ Ġesu, il-bniedem li huwa wkoll Alla juri ruħu imma ma jridx li dan ikun magħruf qabel ikun imdendel fuq is-salib, meta ċ-ċenturjun pagan jistqarr: dan verament kien l-Iben t’Alla, l-istqarrija li biha San Mark jiġbor is-sigriet messjaniku ta’ Kristu.
Wara li fil-Vanġeli Sinottiċi rajna ħafna mirakli, minn issa ‘l quddiem naraw lil Ġesu iħejji u jipprepara lid-dixxipli tiegħu biex fuqhom iwaqqaf il-Knisja li se jħalli biex tkompli l-missjoni tiegħu. Il-messaġġ ta’ Ġesu ma nftiehemx mill-mexxejja tal-Lhud. Dawn kienu qed jistennew tip ieħor ta’ ħelsien. Imma Ġesu ma biddilx il-messaġġ tiegħu, kompla jaqdi l-foqra, lill-batuti, lill-imsejkin u kien għalhekk li safa kkundannat għall-mewt.
Aħna llum x’se nieħdu minn dan il-Vanġelu għal ħajjitna?
F’ħajti ħassejt il-preżenża t’Alla fija? X’qed nagħmel biex dawn il-mumenti nsaħħaħhom ħalli ħajti tkun dejjem aktar marbuta mal-Mulej? Fejn qed niltaqa’ mal-Mulej?