Prayer Cafè: ĠESU’ – IL-BIDU U T-MIEM – taħdita mis-sur John Seguna – 16 ta’ Marzu 2018
Fi żmien ir-Randan, ħafna drabi nieħdu dak li nafu “for granted” u nibqgħu qisna mwaħħlin fl-istess post. Dan għaliex dak li nafu ma nipprattikawhx.
It-titlu tat-taħdita ntgħażel għaliex il-ħsieb tal-Missier kien li jqiegħed lil Ġesu’ bħala kollox f’kollox.
Il-pont bejna u l-Missier hu Ġesu’. Iżaija jgħid “Aħna ħsibnieh bħal wieħed ikkastigat u mitluq minn Alla u miġjub fix-xejn. Hu kien miġrugħ minħabba fi dnubietna.” Ġesu’ għadda mit-tbatija minħabba fi dnubietna – u mhux tar-Rumani u l-Lhud biss.
Hemm xi ħaġa li tista’ żżomm lil Alla milli jħobbok? XEJN! Ġesu’ dejjem jaħfer. Għandna dejjem nibqgħu nemmnu fil-ħniena t’Alla. Tagħmel dnub meta tqis id-dnub tiegħek ikbar minn Alla.
Il-Vanġelu – il-Bxara t-Tajba – juri l-imħabba t’Alla lejna permezz tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesu’. Juri li hemm ħajja oħra wara din. Ġesu’ jgħid ċar quddiem Pilatu: “Jien nagħti ħajti u għandi s-saħħa nerġa neħodha.”
Ir-Randan hu forsi żmien ta’ dieqa, imma fl-istess ħin ta’ ferħ. Bil-passjoni, il-mewt u l-qawmien Tiegħu, Ġesu’ fetaħ il-Ġenna u lesta post għal kulħadd. Kull ma rridu nagħmlu hu li nemmnu. Ġesu’ qatt ma jgħid li min hu tajjeb biss isalva, imma min jemmen. Ġesu’ dejjem jorbot il-ħajja eterna ma’ kemm temmen, mhux kemm int tajjeb.
Il-kelma “ifirħu” nsibuha 250 darba fl-Iskrittura. Ġesu’ kien bniedem ferrieħi – kien jattendi għal ħafna ikliet. Għalhekk il-Fariżej u l-qassisin il-kbar kienu jgħajjruh “ixxellerat. Ma fiha xejn ħażin li tiddeverti fil-ħajja, basta b’mod ġust, u li toqgħod il-bogħod mill-ħażen. Alla jridna ferħanin. Veru li fil-ħajja hemm it-tbatija, iżda rridu ningħaqdu m’Alla biex ngħelbu d-diffikultajiet.
Is-Salib jgħidilna biex qatt ma naqtgħu qalbna. Irridu nibqgħu għaddejin, kif għamel Ġesu’. Bħalu rridu nitolbu biex tkun magħmula r-rieda tal-Missier. Wara s-Salib hemm il-Qawmien. Infatti, fl-ikoni ssib ħafna drabi ir-Reżurezzjoni wara x-xbieha tas-salib. Ġesu’ ddeċieda li lili jrid isalvani. Imut għad-dnubiet kollha ta’ kull żmien. Il-mewt ta’ Ġesu’ turi t-tjubija mmensa t’Alla. Alla qatt ma jrid il-mewt ta’ xi ħadd, aħseb u ara t’Ibnu. Imma Alla ried jaħseb fl-umanita’ kollha.
Is-Salib jurina l-ġudizzju t’Alla kontra d-dnub li tant hu ikrah li sewa l-ħajja t’Ibnu l-Waħdieni. Fuq is-salib Ġesu’ tgħabba bid-dnubiet kollha. Għalhekk qal “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?’ Aħna diġa’ salvi – kulma rridu nagħmlu hu li nintefgħu taħt id-dell Tiegħu. “Min jemmen fija jara wiċċ Missieri”
Wara l-mewt, Ġesu’ niżel fl-art tal-mejtin – il-limbu – biex iwassal il-Vanġelu lin-nies it-twajbin.
Ġesu’ qam mill-imwiet, Alleluia! Il-kelma “Alleluia tfisser tifħir lil Jaħweh. Waħda mill-akkużi li għamlu fuq Ġesu’ hi li kien jieħu fuqu l-isem t’Alla – “Jien Hu” Hu dak li jibqa’ magħna dejjem u ma jitlaqna qatt, kemm fil-ferħ u kemm fit-tbatija. “Agħmlu l-qalb, għax Jien irbaħt lid-dinja”
Aħna għandna nagħmlu t-tajjeb għax hu d-dover tagħna, u biex nagħmlu dinja aħjar, u mhux għall-premju. L-agħar ħaġa li nistgħu nagħmlu hi li nieħdu lil Alla “for granted”. Ġesu’ qatt ma għajjar lill-midinbin, imma lil Fariżej, għax kienu ipokriti. Ġesu’ ħadha kontra dawk li riedu jilgħabuh.
Is-Salib hu ċ-ċentru ta’ ħajjitna. San Ġorġ Preca jqis lis-salib bħala l-Ktieb il-Kbir, għax minnu toħroġ kull informazzjoni: imħabba, ħniena u umilta’ bla tarf! Ġesu’ ġie fid-dinja biex jiftħilna l-bieb tal-ġenna. Issa hja l-għażla tagħna jekk nidħlux.
Alla pprovdilna kollox fil-ħajja. Tana dinja mimlija b’kollox. Tana mies biex inħobbuhom u jħobbuna. Għandna biex nirringrazzjawh, imma ħafna drabi lanqas biss nagħtu każ ta’ dak li tana. Meta issa anke x-xjentisti li ma jemmnux jammettu li hemm xi ħadd – Alla – li ħalaq il-liġiliet tan-natura.
Aħna għalissa ma nistgħux nifhmu lil Alla, għax biex tagħmel hekk trid tkun etern. Infatti anke l-filosofi Griegi kienu jemmnu li meta jmutu jilħqu l-għerf perfett.
It-tajjeb t’Alla jeżisti f’kull bniedem – anke dawk li għadhom m’għarfuhx. Infatt, l-Knisja Kattolika biss tgħid li kulħadd jista’ jsalva, anke dawk ta’ reliġjon oħra.
Kristu ta ħajtu għalina. Kristu hu dak li jżomm kelmtu. Dak li jibqgħalek hu dak li tagħmel għal Kristu u għall-umanita’. Taħlix ħajtek! Hi tant qasira u prezzjuża! Kull meta’ taqa’, erġa qum minn hemm! Ġesu’ ma tgħaffiġx taħt il-piż tas-salib! Dejjem baqa’ jżomm sħiħ!
L-umilta’ tirbaħ lill-ħażen u l-mewt. Bid-dnub daħlet il-mewt. Biex jintrebaħ id-dnub, Alla ħa s-sura ta’ bniedem biex jirbaħ lill-mewt. Din riedet tintrebaħ minn xi ħadd li jobdi sal-aħħar.
Il-mewt daħlet bis-suppervja u d-diżubbidjenza, u ntrebħet bl-umilta’ u l-ubbidjenza!