Prayer Cafè: IT-TRINITA’ MQADDSA – taħdita mis-sur Joe Huber, il-Ġimgħa 25 ta’ Mejju, 2018.
Il-laqgħa bdiet bil-qari tal-Vanġelu, Mattew 28: 16-20, u t-Tieni Lezzjoni, Rumani 8: 14-17.
Il-festa tat-Trinita’ tiġi l-Ħadd ta’ wara Pentekoste, u tagħlaq iż-żmien tal-Għid. Fil-Pentekoste naraw il-bidu tal-mandatt li Ġesu’ ta lill-appostli – il-bidu tal-Knisja. Dawn kienu għexu Miegħu għal tlett snin. Qalilhom biex imorru l-Galileja, biex itihom din il-missjoni li jgħammdu u jgħallmu. Imma xi wħud xorta ddubitaw.
Dan nagħmluh aħna wkoll. Il-Papa jgħidilna kontinwament. Il-fidi tagħna ma tistgħax tkun il-fidi tal-Fariżej – kollox fil-kaxxa tiegħu u int issalva biss jekk taf x’tista’ tagħmel u x’ma tistgħax.
L-ikbar misteru li minnu joħorġu l-misteri kollha hu t-Trinita’ – il-misteru ewlieni tal-fidi u l-ħajja nisranija. Il-ġrajja kollha tas-salvazzjoni mhix ħlief il-ġrajja tat-triq u l-mezzi li bihom Alla waħdu u veru huwa l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu – it-tlieta ħaġa waħda.
Alla wera Lilu Nnifsu lill-bnedmin, u wara li reġgħu lura minn dnubiethom, ħafrilhom u reġa’ għaqqadhom mill-ġdid Miegħu permezz ta’ Kristu. L-Ħadd li għadda ċċelebrajna l-miġja tal-Ispirtu s-Santu. X’kienet l-iktar ħaġa mportanti li ħadu l-appostli? Telaq minnhom il-biża’, kif naraw meta Pietru u Ġwanni tressqu quddiem is-Sinedriju. Tahom qawwa u kuraġġ, li suppost ikollna aħna wkoll.
Il-kelma “misteru” bil-Grieg tfisser “tibqa’ sieket”. Quddiem misteru bħal dan ma nistgħu nagħmlu xejn ħlief nikkuntemplaw u ninsew is-suppervja tagħna li rridu nifhmu kollox. Irridu nifhmu kollox xjentifikament. Il-Papa, fl-eżortazzjoni appostolika “Ifirħu u Tennew” isemmi żewġ ereżiji marbuta mat-Trinita’. L-Injostiċi kienu jiġġudikaw lill-oħrajn jekk humiex tajbin jew ħżiena minn dak li kienu jafu. L-istess bħal Fariżej. L-Appostli kienu minn kategoriji differenti, imma Ġesu’ bihom inqeda’ – “Missier inroddlok ħajr li dawn il-ħwejjeġ urejthom liċ-ċkejknin u mhux lil min hu għaref.”
Ħafna drabi l-għerf iwaqqana’ fi żball fundamentali – “self-sufficiency”. Nippretendi li, għax naf ħafna, fija nnifsi għandi biżżejjed – komplut. Fid-dinja ħadd ma jista’ jkun komplut, lanqas il-Papa. Dawn in-nies li jaħsbu li għanhom soluzzjoni għal kollox, ma jemmnux jekk ma jistgħux jifhmu xjentifikament. Din hi l-ħidma sottili tax-xitan.
Aħna nemmnu għax qalilna Ġesu’. “Lili ngħatat is-setgħa kollha fis-sema u fl-art”. U din is-setgħa għaddieha lid-dixxipli, u b’hekk lilna lkoll. Il-Konċilju Vatikan 2 lilna tana l-missjoni li nilħqu lill-oħrajn fl-ambjent tagħna tal-familja, tax-xogħol, tad-divertiment. Meta Ġesu’ ordnalhom imorru l-Galileja, huma marru, għalkemm xi wħud iddubitaw. Qalilhom “Agħallmu lill-ġnus kollha u agħmduhom fl-Isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu”. Il-messaġġ li ġab mingħand il-Missier, Ġesu’ jgħaddieh lill-Knisja Tiegħu
Naraw fl-Appostli ubbidjenza u dubbju – id-dubbju tagħna lkoll. Il-fidi ġġiegħlek tistaqsi. Pero’, għalkemm aħna, kuntrarju għall-Appostli, ma rajnihx, għandna il-Kelma Tiegħu – l-Iskrittura, specjalment il-Vanġelu. U fuq kollox għandna l-Ewkarisitja. Il-Kelma ta’ Ġesu’ hi biżżejjed. Imma meta kien hemm dubbji kbar, Hu wera’ Lilu Nnifsu permess ta’ ġrajjiet straordinarji, bħal ma ġara’ f’Orvieto. M’għandniex bżonn dawn il-mirakli biex nemmnu, imma dawn isaħħulna l-fidi tagħna. Ikomplu jżiedu mal-misteri li nistagħġbu bihom.
Ħafna drabi ma nifhmux biżżejjed x’inhi l-Quddiesa – it-twettiq mill-ġdid tas-Sagrifiċċju. Jekk nifhmu ftit iktar x’inhu dan il-misteru, ikollna inqas dubbji. Qabel ma telaq’ Ġesu’ qalilhom “Jien magħkom sal-aħħar”. Fl-istorja naraw ħafna moviment kbar – Rumani, Griegi, etċ. Kollha ntemmu. Issa għaddew iktar minn elfejn sena u l-Knisja għadha ma spiċċatx, għax Kristu ma jerġgħax lura minn Kelmtu. U biex nifhmu xi jrid jgħidilna, tana l-Ispirtu Tiegħu. Permezz ta’ Kristu aħna nistgħu ngħidu “Abba Missier”.
L-Ispirtu jneħħi l-biża’ li nesprimu l-fidi tagħna mingħajr ħabi, speċjalment fl-ambjent tal-lum, li jeħodha kontrina, jidħaq bina u jirridikulana. Kemm għandna kuraġġ nistqarru bil-miftuħ il-fidi tagħna? Irridu niddefendu l-fidi tagħna, mhux bl-aggressjoni, imma bl-imħabba. Kemm aħna lesti li nagħtu r-raġuni tagħna għaliex nemmnu?
Il-misteru kbir tat-Trinta’, li hi l-pedament tal-fidi tagħna, hu l-għaqda kbira ta’ bejniethom – ħaġa waħda. Il-Knisja twaqqfet minn Kristu, mhux b’xi metodu uman. Alla hu komunjoni – il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu magħqudin flimkien bl-imħabba. Infatti l-infern hu l-firda minn din l-imħabba t’Alla għall-eternita’.
Alla għadnu paċenzja kbira. Jistenniena, jiġri warajna. Din il-paċenzja nsibuha bit-talb, billi naċċettaw xi falliment. M’għandniex nippretendu li kulħadd ikun l-istess. Meta l-Ispirtu niżel fina u tana l-kariżmi, dawn kulħadd iħaddimhom skond ma jilluminah l-Ispirtu. Irridu nkunu ħaġa waħda fid-differenzi.
Meta’ Ġesu’ qal “Agħmdu …” ma ninsewx li l-Magħmudija hi siġill li ma jista’ jitneħħa qatt. U dan iqiegħed fuqna responsabbilta’ bħala dixxipli ta’ Kristu. Il-Magħmudija hi vokazzjoni – li nimxi wara Ġesu’ u nagħti servizz lill-komunita’. Dan irridu ngħixuh f’dinja egoista – il-globalizzazjoni tal-indifferenza. Naraw il-populiżmu, fejn il-politika titmexxa minn dak li jridu n-nies. Roberto Benigni qal “L-għażla ma tistgħax titħalla f’idejn il-poplu, għax kull meta l-poplu jagħżel, jagħżel lil Barabba.”
Bħala nsara, għandna dover kbir li ma nħallu lil ħadd imexxina minn imnieħirna. Nispiċċaw nibilgħu kollox. Il-mezzi tal-komunikazzjoni jsiru l-Vanġelu tagħna. L-Ispirtu t’Alla jingħata lill-komunita’ li jemmnu biex itina enerġija ġdida. Il-Knisja trid tkun “sptar fil-kamp tal-battalja, li ma tibqgħax magħluqa fiċ-ċertezzi tagħha..” L-Ispirtu jtina l-kuraġġ biex nitkellmu, jtina l-inkarigu li nieħdu ħsieb il-laħam miġrugħ tal-ħajja – riżultat ta’ nġustizzja, rebgħa, gwerer, vjolenza, mibgħeda … L-Ispirtu jtina l-qawwa biex nikkonfrontaw dan kollu bl-imħabba. Irridu nkunu proattivi – noħroġ biex infittex u nsib.
Alla ħalaqna għax iħobbna, anke jekk nitbiegħdu Minnu. L-għażla jħallieha f’idejna. Biex aħna ngħixu ferħanin, għandna bżonn nużaw daqsxejn iktar umoriżmu. In-nisrani veru ma jistgħax ma jitbissimx, anke fl-iktar mumenti diffiċli tal-ħajja. Tbissima tfisser paċi tal-qalb, tgħinna niftakru li anke jekk qegħdin inbatu, qed naqsmu ma’ Kristu t-tbatija li għadda minna minħabba fina.
Fl-eżorċitazzjoni “Ifirħu u Thennew”, il-Papa Franġisku jagħtina mezz ta’ kif nistgħu nkunu qaddisin avolja fil-kuntest ta’ ħajja li hi kontrina l-ħin kollu. Il-qaddis kapaċi jgħix fil-ferħ u b’sens ta’ umoriżmu. Mingħajr ma jitlef ir-realiżmu, kapaċi jdawwar lill-oħrajn bi spirtu pożittiv u mimli tama.
NIFTAKRU LI AĦNA MIMLIJIN BIL-GRAZZJA TAL-ISPIRTU S-SANTU.
Il-laqgħa ntemmet bit-talba tal-Missierna.