Prayer Cafè: GĦID IL-ĦAMSIN – ĦSIBIJIET FUQ IL-MADONNA mis-sur Charles Briffa, il-Ġimgħa 18 ta’ Mejju, 2018.
L-ewwel mara, Eva, dinbet, imma nsibu li Alla, mill-ewwel, juri li l-isfida kellha tkun bejn ix-xitan u mara oħra, l-Eva l-ġdida, il-Madonna, li kkumbattiet u rebħet lix-xitan.
Waħda mill-iktar persunaġġi li x-xitan jibża’ minnha hi Marija. Hu għandu mibgħeda kbira lejha, għax ġiet mgħollija ‘l fuq, ħafna iktar milli xtaq li jilħaq hu.
Jekk aħna nħarsu lejn il-Bibbja naraw ir-rispett kbir li Alla kellu lejn il-mara. Huwa x-xitan li jipprova jiġġieled u jiddegrada lill-mara.
Marija kienet imwiegħda mill-bidu. Eva intlaqtet bl-ingann tax-xitan. Fil-kas tal-Madonna ma kien hemm ebda ngann. Alla kien diġa’ ħelisha mid-dnub – l-Immakulata Kunċizzjoni. Alla staqsieha, ma mponiex, ma ngannax. Setgħet qalet le. Din hi l-imħabba t’Alla – li jħallina liberi. Hu x-xitan li jordmok, jagħmlek tiegħu, u jwiegħdek xi ħaġa b’qerq u joħodlok ħafna.
Alla ma jimxiex hekk. Alla bagħat lill-anġlu u għamel proposta lil Marija u hi aċċettat is-sejħa Tiegħu. Ma ngannahiex. Ma qalilhiex li ser tkun l-aqwa mara tad-dinja. Anzi l-problemi bdew mill-bidu – il-fatt li ħarġet tqila mill-Ispirtu s-Santu. Aħna għandna xhieda sabiħa ta’ din il-mara li, għalkemm għaddiet minn ħafna ġrajjiet – il-profezija ta’ Xmun fit-Tempju, il-ħarba lejn l-Eġittu. Dan ma kienx pass degradanti lejn Marija. Nistgħu aħna nifhmu aħjar is-sitwazzjoni ta’ ħafna nisa llum li jkollhom jaħarbu minn djarhom u minn pajjiżhom.
Fil-Magnifikat, il-Madonna tgħid “u għolla liċ-ċkejknin…” Il-Pjan t’Alla kien sempliċi. Marija tidħol fit-Tempju, issib lil Xmun bil-profezija tiegħu, u żżomm f’qalbha dak li qal fuq Ġesu’. Kienet taf x’ser jiġri. Kienet taf is-sitwazzjoni ta’ Binha – it-telfien fit-tempju, it-tieġ ta’ Kana. Hawn naraw il-persistenza tal-Madonna: “Agħmlu dak li jgħidilkom Hu.”
U hekk għada tagħmel il-Madonna mis-smewwiet. Min jaf kemm-il darba nitolbuha u hi tinterċedi għalina quddiem Binha.
Fir-Rabat għandna eżempju tal-imħabba tal-Madonna. Għandna grazzja kbira. Il-Madonna tibqa’ magħna. Għadha tiġri warajna. Għandna eżempju ta’ dan fid-dehriet tagħha, fl-interċessjoni tagħha fl-aħħar gwerra dinjija. U l-poplu kien u għadu jafda f’Marija.
Għaliex għandna fidi f’Ommna Marija? Jekk il-fidi tagħna hi l-fidi tal-isparar u l-festi, allura għadna ma fhimna xejn. Il-Madonna aċċettat ħafna affarijiet li ma fhemitx. Importanti li nimmeditaw fuq dawn il-ġrajjiet. Meta Ġesu’ qal: “Min hi ommi?”, ma hemm ebda degradazzsjoni lejha, imma aspett ta’ mħabba. Anke meta ndirizzha bħala “Mara”. Hi kienet taf x’inhi r-relazzjoni tagħhom – “Kull min jagħmel ir-rieda Tiegħi dak hu ommi …” Marija qalet “Agħmlu dak li jgħidilkom Hu”. Hekk irridu nagħmlu jekk irridu nħarsu lejha u nsejħulha “Ma”.
L-antenati tagħna kienu devoti kbar tal-Madonna, anke meta t-talb u l-quddies kien bil-Latin. Illum li nifhmu kelma b’kelma x’qed għid il-qassis, għad għandna l-istess devozzjoni?
Il-Madonna nqdiet b’nies sempliċi – it-tfal ta’ Fatima, Bernadette, li toħroġ bl-espressjoni “L-Immakulata Kunċizzjoni”. Alla juża lin-nies, imma ma jingannahomx. Ix-xitan, mill-banda l-oħra, jgħidlek affarijiet, imma biex jinqannak. Alla mhux hekk. Alla hu dak li jħallina liberi. Ix-xitan hu dak li joħdilna l-liberta’, dak li jimponi fuqna.
Nerġgħu lura lejn Marija. Meta tara lil Binha ttradut, ifflaġellat u mislub, ma tiddisprax. Baqgħet miexja warajh, baqgħet wieqfa taħt is-salib, fejn Ġesu’ għamel it-testment Tiegħu. Hu tana lil ommhu biex tkun ommna u omm l-umanita’ kollha.
Marija emmnet u aċċettat. Quddiem l-isfidi li għaddejjin minnhom illum, irridu nżommu dan quddiem għajnejna. Marija hi l-vera triq li twassalna għand Binha Ġesu’ u għand Alla. Insibuha bħala l-avukata tagħna meta ngħalqu għajnejna. Irridu nieħdu lil Malta tagħna lura għand ommna Marija.
Il-Papa Franġisku għadu kemm għamel festa ġdida – l-għada tal-Pentekoste – l-festa ta’ Marija Omm il-Knisja. Għażel l-għada tal-Pentekoste għax l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-Appostli meta kienu miġburin ma’ Marija fiċ-Ċenaklu.
Nitolbu ħafna għall-bżonnijiet tagħna u tal-Knisja. Ma ninsewx it-tletin sena li Marija għexet ma’ Ġesu’. Marija marret l-iskola ta’ Ġesu’ fil-Familja Mqaddsa. Il-Papa Pawlu VI kien jgħid: “Hemm bżonn li aħna l-insara mmorru l-iskola ta’ Marija. Mhix faċli, speċjalment għad-dinja ta’ llum.
Meta l-anġlu ta l-aħbar lil Marija, din baqgħet dejjem taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet tfisser dik it-tislima. Irridu nsibu mumenti għal Ġesu’. Hawn ambjent ta’ aljenazzjoni assoluta mill-istess valuri tas-soċjeta’. Qed naħsdu dak li niżirgħu.
Fl-iskola ta’ Marija trid tidħol b’sens ta’ umilta’, b’sens ta’ ubbidjenza lejn ir-rieda t’Alla, b’sens ta’ sagrifiċċju. Irridu dejjem inżommu quddiem għajnejna dik il-frażi li l-Madonna qalet fit-tieġ ta’ Kana:
“AGĦMLU DAK LI JGĦIDILKOM HU”