Prayer Cafè: L-IMĦABBA LEJN L-GĦADU – is-7 Ħadd Matul is-Sena – taħdita mis-Sur Joe Huber, il-Ġimgħa, 22 ta’ Frar, 2019.
Il-laqgħa bdiet bit-Talba tal-Moviment.
Imbagħad inqara l-Vanġelu minn San Luqa, k6, v27-38. Dan hu Vanġelu iebes. It-tagħlim li qed juri Ġesu’ f’dawn l-aħħar siltiet huwa rivoluzzjoni. Il-Liġi hemm baqgħet, imma issa ħadet xejr’oħra, saret iktar radikali: “Ħobb lil min jagħmillek il-ħsara”, “Ħobb lill-għadu u lil min jobgħodek”. Żewġ kelmiet jiġbru dan kollu: Imħabba u Maħfra.
L-ideja tal-imħabba altruista diġa’ nsibuha fl-ewwel ħames kotba tal-Iskrittura Mqaddsa – il-Pentatewku, per eżempju, Levitiku k19 v18: “La titħallasx b’idejk u la żżommx f’qalbek għal ulied niesek, imma ħobb lill-għajrek bħalek innifsek”. Fid-Dewteronomju nsibu: “Għalija l-ħlas u l-vendetta”
Il-ġudizzju uman, xi ftit jew wisq, dejjem imċappas bil-vendetta, bit-tpattija, għaliex l-imħabba tagħna hi dejjem imperfetta. Il-vera tifsira tal-imħabba jaghtiha San Pawl fl-Ewwel Ittra lill-Korintin, k13: “U kieku kelli nqassam ġidi kollu fil-karita’, u nagħti ġismi għall-ħruq bla ma jkolli mħabba, xejn ma jkun jiswieli ta’ ġid. L-imħabba taf tistabar u tħenn, l-imħabba mhix għajjura, ma tintefaħx biha nnifisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn, ma tagħmilx dak li mhux xieraq, ma tfittix dak li hu tagħha. Xejn ma tinkorla, ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verita’. Kollox tagħder, kollox temmen, kollox tistaporti. L-imħabba ma tintemm qatt”.
Aħna ngħixu bil-fidi, bit-tama, u bl-imħabba, pero’ meta mmutu l-fidi u t-tama jispiċċaw. Tibqa’ biss l-imħabba. “Meta jfeġġ Dak li Hu sħiħ, jgħib dak li hu nieqes. Bħalissa naraw bħalli kieku f’mera, imbagħad naraw wiċċ imb’wiċċ. Issa hawn fidi, tama, u mħabba. L-ikbar fosthom hi l-imħabba”.
Ġesu’ stqarr li Hu ma ġiex biex ineħħi l-Liġi, imma biex jipperfezzjonha. U x’inhu dak li jagħmilha perfetta? Il-qies li bih titkejjel l-imħabba mhux iżjed bniedem ma’ bniedem, imma ma’ Ġesu’ stess: “Intom tridu tħobbu bħalma ħabbejtkom Jien”. Din hi d-differenza, ir-rivoluzzjoni. Dan li jagħmilha perfetta. Ġesu qalilna biex nixbħu Lilu għax Hu hekk għamel.
Il-Kmandament tal-Imħabba jolqot, l-ewwel nett, mhux lil min iħobbna, imma lil min jagħmlilna d-deni, jgħajjarna, iżeblaħna, jisraqna, ikun kiefer magħna. Kristu, fuq is-salib, dan kellu.
Issa rridu nagħmlu distinzzjoni bejn l-att u l-persuna. Anke l-ikbar delinkwent huwa xbiha t’Alla, u nafu li Alla dejjem jiġri warajna biex jerġa jressaqna lejn il-merħla, bħal fil-Parabbola tan-Nagħġa l-Mitlufa. “Ikun hemm iktar ferħ fis-sema għal bniedem li jikkonverti, milli għad-disgħa u disgħin li m’għandomx bżonn il-konverżjoni”.
Il-ġustizzja għanda ssir bl-imħabba, mhux bil-vendikazzjoni. Il-prinċijpju ta’ għajn għal għajn u sinna b’sinna, pero’, għadu jintiret sal-ġurnata tal-lum. Allura rridu ngħarblu lilna nfusna, għaliex xi mkien f’qalbna dejjem se nsibu dik ir-rokna maħmuġa li rridu naħdmu fuqha. Għandna dejjem nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex idawwlilna moħħna biex inkunu nistgħu nnaddfuha. Il-Papa Franġisku dejjem jisħaq fuq kemm Alla jħobbna, tant li jsofri magħna. Il-talb hu d-direzzjoni li għandna m’Alla.
San Pawl jgħidilna li Alla ħabbna bla ma ta kas li aħna konna għedewwa Tiegħu. “Meta aħna konna bla saħħa, Kristu, meta wasal iż-żmien, miet għall-ħżiena. Bilkemm wieħed imut għal wieħed tajjeb, għalkemm wieħed għandu mnejn jagħmel il-qalb u jmut għal bniedem ġust. Iżda Alla wriena l-imħabba Tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin”.
Permezz ta’ Kristu erġajna sibna l-ħbiberija li kienet intilfet minħabba d-dnub tan-nisel. Issa ħadd ma jista’ jħobb u jaħfer jekk ma jarax lil Kristu Msallab fl-oħrajn, u l-appoġġ spiritwali u anke fiżiku tal-komunita’. Weħidna ma naslux biex naħfru.
Il-Papa Franġisku jgħid: “Jekk jien inħobb bis-serjeta’, lil Knisja ma nippruvax inkissirha bis-snini”. Min jaħseb li qed jgħix ħajja nisranija kważi perfetta, dejjem għandu dik ix-xi ħaġa ġo qalbu li jrid jirranġa. Din hi l-mixja tal-konverżjoni, mhux episodju, imma kontinwita’.
L-imħabba lejn l-għadu hi l-pedament tal-Kristaneżmu. Imħabba mhux lejn l-għemil, imma lejn il-persuna. “Ħennu bħal ma Hu ħanin Missierkom”. Il-Ħniena t’Alla hi nfinita. Aħna rridu nersqu lejn l-infinita’ tal-ħniena, tal-imħabba, l-imħabba għotja. “Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati, tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati, aħfru, u ssibu l-maħfra”. “Kejl tajjeb, marsus, mheżżeż tajjeb u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom, għax bl-istess kejl li tkejjlu intom jitkejjel lilkom”.
Dan kollu jinġabar fil-kliem tal-Missierna: “Aħrilna dnubietna bħal m’aħna naħfru lil min hu ħati għalina”.
Alla jħobb lil midneb, imma jobgħod id-dnub. Allura jħobb lil midneb biex jerġa jiġbdu Lejh. U aħna ħafna drabi nobgħodu lill-midinbin! Jekk aħna ma nħobbux l-għedewwa tagħna, allura aħna għedewwa t’Alla? L-għadu hu ħolqien t’Alla, anke jekk iweġġana u jagħmlilna l-ħsara. U lill-Iben t’Alla, min ma weġġgħux, speċjalment fuq is-salib? Qgħad għaż-żebliħ, għall-bżieq, għat-tgħajir, għas-swat, għat-tislib. Dan kollu għall-midneb. Fuq is-salib qal: “Aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”. Ġesu’ qabeż għalihom quddiem Alla.
Dan hu l-qofol ta’ dan il-Vanġelu. Ġesu’ ma neħħiex in-normi tal-Liġi, imma ġabha għall-perfezzjoni. Aħna rridu nagħmlu ħilitna biex nixbħu lil Alla, li jħobb bla ma jqis Lilu nnisfu. Madre Tereża hi eżempju ta’ dan: “Biex tħobb bis-serjeta’ trid tweġġa”.
Il-mibgħedu dejjem fiha element ta’ egoiżmu. Inħallu l-ispirtu tad-dinja jirkibna u jbegħdna minn Alla, għax nilqgħu l-messaġġi tal-profeti foloz. Aħna rridu nipperswadu ruħna li sitwazzjonijiet prekarji ma nistgħux nirbħuhom jekk mhux bl-intervent t’Alla, bit-talb, u bid-dehen tal-Ispirtu s-Santu. Weħidna hi mpossibbli. L-imħabba mhix atteġġjament interjuri, xi ħaġa li nħossu. “Lil min jagħmillek id-deni, pattilu b’ġid”.
Mhix faċli, imma din hi r-rivoluzzjoni li ġab Ġesu’. Trid tirbaħ lilek innifsek, tagħmel sforz kbir, trid tkun konvint. Barra dak li hu spiritwali, jidħol ukoll l-element psikoloġiku. Meta jirnexxilek tpatti azzjoni ħażina b’waħda tajba, anke psikoloġikament tħossok iktar b’saħħtek. Mhux li tħossok superjuri, imma aktar paċi miegħek innifsek.
Naħsbu ftit fuq dan il-Vanġelu u ngħarblu lilna nfusna b’reqqa, u nfittxu r-rokna li għandna bżonn innaddfu. Il-maħfra awtentika’ m’hix atteġġjement ta’ superjorita’. Irridu nkunu bħal Kristu, għax is-suppervja twebbes il-qlub, ittella’ l-ħitan bejnietna, filwaqt li l-imħabba lejn l-għedewwa tagħmilna nixbħu lil Alla, li ma talabna xejn biex bagħtilna lill-Ibnu. Hu ħallas il-prezz għalina. “Dak li tridu li ħaddieħor jagħmel magħkom, agħmluh intom lil ħaddieħor”
Fl-imħabba fraterna m’hemmx kompromessi, imma hi mibnija fuq ir-rispett u l-aċċettazzjoni tal-ieħor, anke meta dan għandu idejat opposti għal tagħna. Irridu dejjem infittxu dak li jgħaqqadna.
Santu Wistin jgħid: “Kristu hu kollox għalina. Jekk tixiteq tfejjaq il-ġrieħi tiegħek, Hu t-Tabib. jekk int mgħobbi bil-ħtija, Hu l-Ġustizzja. Jekk għandek bżonn l-għajnuna, huwa Hu li jtik il-Qawwa. Jekk tibża mill-mewt, ftakar li Hu l-Ħajja. Jekk tixtieq il-Ġenna, Hu it-Triq. Jekk taħrab id-dlam, Hu id-Dawl. Jekk tfittex l-ikel, Hu is-Sustanzi”.
Il-laqgħa għalqet bit-Talba tal-Missierna.