ISSA L-WAQT LI TEMMEN U TĦENN – Is-26 Ħadd matul is-sena Ċ – 25 ta’ Settembru 2016
Is-26 Ħadd Matul is-Sena
ISSA L-WAQT LI TEMMEN U TĦENN
Għamos 6, 1a, 4-7; Salm 145; 1 Timotju 6, 11-16; Luqa 16: 19-31
Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa (16: 19-31)
“Mela kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar. U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru, bix-xewqa li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda ta’ l-għani. Sa l-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu. Ġara li l-fqir miet, u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Mbagħad miet ukoll l-għani, u difnuh. Dan, kif sab ruħu fi tbatijiet ħorox f’Art l-Imwiet, rafa’ ħarstu, u mill-bogħod lemaħ lil Abraham, b’Lazzru fi ħdanu. U għolla leħnu u qallu, ‘Missier Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li għandi fi lsieni, għax qiegħed ninħaqar wisq f’dan in-nar.’ ‘Ibni,’ qallu Abraham, ‘ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati. Barra minn dan, hemm vojt bla qjies bejnkom u bejnna, biex min ikun irid jaqsam minn hawn għal għandkom ma jkunx jista’, u anqas ma jgħaddu minn hemm għal għandna.’ Qallu l-għani, ‘Mela nitolbok, missier, ibagħtu f’dar missieri, għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif imiss, li ma jmorrux huma wkoll jiġu f’dan il-post ta’ tbatijiet ħorox!’ Qallu Abraham, ‘Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom.’ ‘Le, missier Abraham,’ qallu dak, ‘imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet, jindmu.’ Iżda wieġbu Abraham, ‘Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu.’ “
Il-Mulej jagħmel kollox b’ħaqq ġust magħna, iżda kemm tassew aħna qed nagħmlu l-istess mal-proxxmu tagħna? Ħafna drabi faċli nippuntaw subgħajna biex nikkundannaw inġustizzji li jkunu qed iseħħu f’pajjiżna jew barra minn pajjiżna, fuq il-faqar li hawn, fuq il-qtil li jsir, fuq ir-rata ta’ mibegħda li qed tikber fid-dinja…. iżda kemm tassew qed nagħrfu li ħafna drabi l-inġustizzji nistgħu nagħmluhom aħna fil-familji tagħna, fuq il-post tax-xogħol, fl-iskola, fil-komunitajiet tagħna? Kelma żejda li tgħid, att ta’ karità li ma tagħmilx, mibegħda li tkompli tifnik minn ġewwa, għażż li jwaqqfek milli tgħin lil xi ħadd u l-bqija. Kemm tassew fil-ħajja tagħna ta’ kuljum ngħixu l-ġustizzja? Irridu li kulħadd ikun ġust magħna iżda aħna kif qed ngħixu ma’ ħaddieħor?
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb ta’ Għamos insibu messaġġ attwali li min għandu l-ġid ma għandux jagħlaq għajnejh għad-dehra tal-fqir u widnejh għall-karba tiegħu. Is-Salm Responsorjali li ntennu flimkien huwa għajn ta’ tifħir lill-Mulej għaliex:
“Il-Mulej jeħles l-imjassrin;
Il-Mulej jiftaħ għajnejn l-għomja
Il-Mulej jerfa’ l-milwijin
Il-Mulej iħobb il-ġusti.”
Huwa minn dan is-salm li nindunaw li l-Mulej huwa ġust u jimxi spalla ma’ spalla mal-batut. Fit-Tieni qari, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lil Timotju, l-Appostlu jħeġġu biex jibqa’ jissielet sa l-aħħar. Ir-raġunijiet huma tlieta: L-istqarrija li għamel Timotju fil-Magħmudija tiegħu quddiem ħafna xhieda; L-eżempju ta’ Kristu; l-istennija tad-dehra ta’ Sidna Ġesù Kristu. Fil-Vanġelu ta’ San Luqa, is-silta tal-lum tmur ma’ dik li qrajna fl-Ewwel Qari mill-Profeta Għamos. Hija kundanna għall-egoiżmu ta’ l-għonja li ma jagħtux każ tal-fqir u l-batut.
Il-Ħajja
- Kemm huma importanti fil-ħajja tiegħek il-foqra u l-imġarrbin? Qatt ippruvajt tgħinhom?
- Kemm tassew, fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum, tagħti każ persuni li għandhom bżonn l-għajnuna tiegħek u tgħinhom?
- Il-Mulej jerfa’ lill-fqir u l-batut. Inti qatt erfajt lil xi ħadd mill-miżerja tiegħu b’kelma ta’ faraġ jew b’ġest ta’ solidarjetà?
- Qatt għamilt quddiem Ġesù eżami tal-kuxjenza dwar l-egoiżmu fil-ħajja u l-attitudni tiegħek?
- Kemm qed tipproġetta l-futur tiegħek, hi x’inhi l-età, fuq atti ta’ solidarjetaÏ ma’ min huwa fil-bżonn?
Id-Djalogu
Mulej, għinni li fl-għażliet
li nagħmel kuljum
nagħżel il-veru ġid
nagħżel lilek!