IS-SALTNA TAS-SMEWWIET: TEŻOR U ĠAWHRA – 17-il Ħadd matul is-sena A – 30 ta’ Lulju 2023
Is-17-il Ħadd Matul is-Sena
IS-SALTNA TAS-SMEWWIET: TEŻOR U ĠAWHRA
Slaten 3, 5-6, 7-12; Salm 118; Rumani 8, 28-30; Mattew 13: 44-52
Il-Vanġelu
Il-parabbola tat-teżor moħbi
“Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa.”
Il-parabbola tal-ġawhra
“Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil wieħed neguzjant ifittex ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha.”
Il-parabbola tax-xibka
“Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil xibka mitfugħa l-baħar li fiha jinġabar minn kollox. Meta timtela jtellgħuha x-xatt, u joqogħdu bilqiegħda, jiġbru fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu l-ħażin. Hekk jiġri fi tmiem id-dinja: l-anġli joħorġu jifirdu l-ħżiena mill-ġusti, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.
Il-qadim u l-ġdid
“Kollu fhimtuh dan?” “Iva” qalulu. U hu qalilhom: “Għalhekk kull kittieb li jkun sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet jixbah lil wieħed sid li, mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim.”
Il-Ħsieb
It-teżor moħbi fl-għalqa u l-ġawhra prezzjuża li ntilfet ipoġġuna llum il-Ħadd fil-pożizzjoni ta’ tfittxija. Tfittxija. Tfittxija għax-Saltna ta’ Alla. Huwa ferm importanti li fil-ħajja tagħna ta’ kuljum ma nieqfu qatt nagħmlu din it-tfittxija. Għaliex? Għaliex ħafna drabi aħna, aljenati minn dak kollu li jdur madwarna, NITILFU L-AKTAR ĦAĠA ESSENZJALI. Din hija li nsegwu r-rieda tal-Mulej. Kemm-il darba mmorru l-knisja u ma nindunawx bil-ġawhra prezzjuża tal-Kelma ta’ Alla u l-qawwa li tagħtina l-Ewkaristija? Kemm-il darba għażilna dak kollu li hu materjali u ma ndunajniex li l-għażla tagħna, it-teżor tagħna, hi xi ħaġa li ma tispiċċax? Kemm tassew f’ħajjitna qed nitolbu bħalma talab Salamun fl-Ewwel Qari tal-lum, fejn għamel rifjut ta’ l-affarijiet materjali u talab lill-Mulej jagħtih l-għaqal, il-għerf u d-dehen?
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten, għandna r-rakkont ta’ l-ewwel mumenti ta’ tmexxija tas-Sultan żagħżugħ Salamun, li bħala s-Sultan tal-Lhud jitlob lill-Mulej li jagħmel tmexxija sewwa tal-poplu Lhudi. Is-Salm 119 li ntennu fis-Salm Responsorjali, huwa għajta tas-Salmista li, bħal Salamun, jitlob li jkun jaf sewwa l-liġi tal-Mulej. Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, San Pawl irid jiżgura lill-Insara li huma msejħin għall-ħajja ta’ dejjem. Lil dawk li sa mill-bidu għarafhom, Alla ried li jkunu jixbħu lil Ibnu Ġesù. Fil-Vanġelu tal-lum ta’ San Mattew għandna żewġ parabboli fuq is-Saltna ta’ Alla. Ġesù joħroġ fil-beraħ li għan-nisrani s-Saltna ta’ Alla għandha tkun l-akbar teżor.
Il-Ħajja
- Nafu x’inhi s-Saltna ta’ Alla? Hija importanti għalina b’mod personali?
- Kemm tassew qed naħdmu għal din is-Saltna u f’din is-Saltna ta’ Alla?
- Salamun fl-Ewwel Qari talab lill-Mulej jagħtih id-dehen. Qatt tlabna aħna lill-Mulej jagħtina d-dehen għal dak kollu li għandna bżonn fid-deċiżjonijiet li nieħdu kuljum?
- Kemm tassew qed nużaw dan id-dehen biex nifhmu aktar il-Kelma ta’ Alla u ngħixuha kuljum fil-qadi tad-dmirijiet tagħna?
Id-Djalogu
O Mulej
nitolbok li matul il-ħajja tiegħi, minkejja d-difetti,
nifhem tassew xi trid minni
fil-ħidma għas-Saltna tiegħek.