TĦASSARHOM – It-18-il Ħadd matul is-sena A – 6 ta’ Awwissu 2023
It-18-il Ħadd Matul is-Sena
TĦASSARHOM
Isaija 35:1-3; Salm 144; Rumani 8:35-39; Mattew 14: 13-21
Il-Ħsieb
Ġesù jitma’ ħamest elef ruħ
Meta sama’ l-aħbar, Ġesù telaq minn hemm bid-dgħajsa u mar waħdu f’post imwarrab. Imma n-nies semgħu fejn mar, u telqu warajh bil-mixi mill-ibliet. Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, u fejjqilhom il-morda tagħhom. Xħin sar filgħaxija d-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu: “Dan post imwarrab, u l-ħin għamel sewwa. Ibgħathom lin-nies, ħa jmorru fl-irħula jixtru x’jieklu.” Imma Ġesù qalilhom: “Ma għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x’jieklu.” U huma qalulu: “Hawn ma għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet”. “Ġibuhomli hawn,” qalilhom. Mbagħad ordna lin-nies biex joqogħdu bilqiegħda fuq il-ħaxix; ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newwluhom lin-nies. U kulħadd kiel u xaba’, u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal u mlew bihom tnax-il qoffa. U kienu madwar ħamest elef raġel dawk li kielu, barra n-nisa u t-tfal.
Il-Ħsieb
Il-Kelma
L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb ta’ Isaija fejn il-profeta qed jagħmel kuraġġ lil dawk li jinsabu fl-eżilju ta’ Babilonja. Il-profeta Isaija jgħidilna li Alla minn rajh irid jagħmel patt. Is-Salm Responsorjali tal-lum huwa meħud minn Salm 144 fejn għandna lis-Salmista jtenni li l-Mulej se jtaffi x-xewqat tagħna. It-Tieni Qari hija silta ta’ San Pawl lir-Rumani fejn insibu li bis-saħħa ta’ l-imħabba li Alla sawwab fi qlubna nistgħu nirbħu kull tfixkil. Fil-Vanġelu ta’ San Mattew għandna l-figura ta’ Kristu bħala l-Messija mwiegħed li jqassam b’xejn ikel lill-foqra.
Il-Ħajja
- Il-Mulej jimxi magħna bl-abbundanza. Huwa l-egoiżmu tal-bniedem għib li jġib il-faqar u l-inġustizzji anki materjali fid-dinja.
- Kemm qed nimpenjqa ruħi f’attivitajiet favur il-fqar u l-emarġinati?
- Kif nista’ nimxi mal-Mulej bl-abbundanza li jimxi lejna Hu?
- Il-Mulej tana ikel bix-xaba’ fl-Ewkaristija. Kemm qegħdin nersqu lejh?
Id-Djalogu
Mulej, agħmel li fil-ħajja tiegħi ma nkunx egoist.
u li nersaq dejjem lejk
biex tagħtini s-saħħa ngħix aktar ta’ nisrani fis-soċjetà.