4.00 p.m. – It-2 Ħadd matul is-sena B – 14 ta’ Jannar 2024
It- 2 Ħadd Matul is-Sena
4.00 p.m.
Samwel 5: 3b-10.19; Salm 39; 1 Korintin 6: 13c-15a: 17-20; Ġwanni 1:35-42
Il-Vanġelu
[Ġwanni 1:35-42]
L-għada Ġwanni raġa’ kien hemm ma’ tnejn mid-dixxipli tiegħu. Ħares lejn Ġesù li kien għaddej minn hemm, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla.” Iż-żewġ dixxipli semgħuh jgħid dan, u marru wara Ġesù. Ġesù dar u rahom mexjin warajh, u qalilhom: “Xi tridu?” Iżda huma staqsewh: “Fejn toqgħod, Rabbi?” – li tfisser Mgħallem. Hu weġibhom: “Ejjew u taraw.” U marru miegħu u raw fejn kien joqgħod, u dak in-nhar baqgħu miegħu. Kien għall-ħabta ta’ l-għaxar siegħa. Wieħed mit-tnejn li semgħu x’kien qal Ġwanni u marru wara Ġesù kien Indrì, ħu Xmun Pietru. L-ewwel ma għamel mar isib lil ħuh Xmun, u qallu: “Sibna l-Messija” – li tfisser Kristu. U ħadu għand Ġesù. Ġesù ħares lejh u qallu: “Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa” – jew Pietru.
Il-Ħsieb
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb ta’ Samwel, għandna r-rakkont tas-sejħa ta’ Samwel li ma għarafx mill-ewwel iżda wara wieġeb il-kelma tal-Mulej. Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 39, għandna t-tweġiba miftuħa tan-nisrani matur quddiem l-istedina ta’ Alla. It-Tieni Qari, mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, jurina li għandna nużaw tajjeb il-libertà li ksibna fi Kristu. Fil-Vanġelu tal-lum għandna s-sejħa u stedina li għamel Ġesu lid-dixxipli – ejjew u araw.
Il-Ħajja
- Kemm qegħdin tassew, fil-ħajja tagħna, nirrispondu bis-serjetà għas-sejħiet ta’ Ġesù? Kemm qed infittxu u naraw x’qed jagħmel magħna Ġesù?
- Ġesù? jagħżilna b’isimna. Għandu missjoni għal kull wieħed u waħda minna. M’huwiex diffiċli li nsegwuh. Huwa tajjeb li ma naqtgħux qalbna. Importanti li nsegwuh.
- Fil-ħajja tagħna nieħdu ħafna riskji, speċjalment fejn jidħlu l-finanzi. Kemm qed nieħdu riskji ta’ fidi fl-għażliet li nwettqu għal Ġesù? Kemm qed insegwu dak li qed jgħidilna llum Ġesù, minkejja li jidher kontradittorju għas-soċjeta ta’ llum?
- Kemm qed nindikaw lil Ġesù lin-nies ta’ madwarna, bħalma għamel Ġwanni l-Battista?
- Ġwanni l-Evanġelista jiftakar il-ħin preċiż li sejjaħlu Ġesù. Int tiftakar?
Id-Djalogu
Hawn jien Mulej,
ġej nagħmel ir-rieda tiegħek (Salm 39).