ĦARĠU JXANDRU – Il-15-il Ħadd Matul is-Sena [B] – 13 ta’ Lulju 2024
Il-15-il Ħadd Matul is-Sena
ĦARĠU JXANDRU
Għamos 7:12-15; Salm 84; Efesin 1:3-14; Mark 6: 7-13
Il-Vanġelu
U sejjaħ it-Tnax, u beda jibgħathom tnejn tnejn, filwaqt li tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena. U wissiehom biex ma jieħdu xejn magħhom għat-triq ħlief ħatar: la ħobż, la ħorġa, lanqas flus fi ħżiemhom; imma li jilbsu l-qrieq u ma jxiddux żewġ ilbiesi. Qalilhom: “Fejn tidħlu f’xi dar, ibqgħu fiha sa ma titilqu minn hemmhekk. U jekk xi post ma jilqagħkomx u ma jisimgħukomx, itilqu minn hemm u farfru t-trab minn taħt saqajkom bħala xhieda kontrihom.” Ħarġu mela jxandru biex in-nies jindmu; u keċċew bosta xjaten, u dilku ħafna morda biż-żejt u fejjquhom.
Il-Ħsieb
Għandna missjoni xi nwettqu. Bħala Nsara kull ħin hemm biċċa xogħol tistenniena. M’huwiex ix-xogħol ippriedkat mis-suq iżda huwa x-xogħol li jrid minna Kristu għall-ġid tas-Saltna t’Alla. Għandna missjoni biex ma’ Kristu nxandru l-indiema kontra l-qawwiet tal-ħażen. Huwa importanti għalina lkoll li nagħrfu f’liema għalqa bagħatna l-Mulej biex inwettqu l-missjoni tiegħu. Kulħadd għandu xi xogħol xi jwettaq. Kulħadd jista’ jgħid li qiegħed iwettaq xi xogħol għax-xandir tas-Saltna ta’ Alla? Kemm aħna konvinti li qed naqdu din il-missjoni fil-postijiet tax-xogħol jew tad-divertiment, fid-djar tagħna, fit-toroq tagħna? Li tgħix ta’ Nisrani jfisser li taħdem ukoll biex Ġesù jidher aktar bl-eżempju tagħna fl-ambjenti tagħna. Hemm bżonn li s-soċjetà ta’ llum tara eżempji tajba u mhux eżempji ħżiena.
Il-Kelma
L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Profeta Għamos fejn il-profeta juri lil Amasja, qassis ta’ Betel, li l-Mulej iqajjem il-profeti minn fost il-poplu u mhux b’xi mod ereditarju. Fis-Salm Responsorjali minn Salm 84 għandna t-talba biex il-Mulej juri lilna t-tjubija u s-salvazzjoni tiegħu. It-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, huwa innutalba ta’ San Pawl li juri x’inhu l-Pjan ta’ Alla sabiex jifdina mid-dnub. Fil-Vanġelu tal-lum għandna lil Ġesù li, filwaqt li jibgħat lill-Appostli fuq il-missjoni tax-xandir ta’ l-indiema lill-ġnus, bħala l-Imgħallem tagħhom jagħtihom id-direttivi ta’ dak li għandhom x’jagħmlu fil-missjoni tagħhom.
Il-Ħajja
- Il-Mulej irid jibgħat lilek ixxandar il-mument ta’ l-indiema lil dawk ta’ madwarek. Lest tgħidlu IVA?
- Kemm aħna konvinti li l-Mulej jagħżel lilna lkoll għal din il-missjoni?
- Irridu naħsbu wkoll il-mod kif Alla jkellem lill-bnedmin:
- “Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b’ħafna modi permezz tal-profeti. Iżda f’dan l-aħħar żmien huwa kellimna permezz ta’ Ibnu.” – Lhud 1, 1.2
- Mill-Ktieb ta’ Għamos rajna li Alla jagħżel kontinwament nies sempliċi. Huwa Alla li se jdawwalna biex inwettqu l-missjoni tiegħu.
Id-Djalogu
Mulej, għinni
fil-missjoni li fdajtli f’idejja.