NIES ALJENATI. FIL-BŻONN TA’ RAGĦAJ! – Il-16-il Ħadd Matul is-Sena – 21 ta’ Lulju 2024
Is-16-il Ħadd Matul is-Sena
NIES ALJENATI. FIL-BŻONN TA’ RAGĦAJ!
Ġeremija 23:1-6; Salm 22; Efesin 2, 13-18; Mark 6: 30-34
Il-Vanġelu
“L-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kull ma kienu għamlu u għallmu. U hu qalilhom: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit.” Għax tassew, kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, u anqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom. Marru mela bid-dgħajsa weħidhom lejn post imwarrab, imma n-nies rawhom sejrin; kienu ħafna dawk li għarfuhom, u telqu jiġru ‘l hemm bil-mixi, nies mill-ibliet kollha, u waslu qabilhom.
Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.”
Il-Ħsieb
Il-mument tas-sajf ħafna drabi jfisser mument ta’ telqa u aljenazzjoni. Mument li fih aktar tara kif tistrieħ minn kollox, xi kultant anki mill-fidi. Nibqgħu mħawda kif il-fidi ma nistgħux inwarrbuha minna għaliex hi l-istess ħajja tagħna. Ġesù anki lill-Appostli, wara li rritornaw mill-predikazzjoni, ipprova jeħodhom f’post imwarrab biex jistrieħu. Iżda quddiem it-taħwid u l-għatx tan-nies mifxula, Ġesù jċedi għall-mistrieħ u jerġa’ jibda jgħallem.
Nies mifxula u mħawda. Kemm tassew ilkoll kemm aħna nistgħu ngħidu li aħna fl-istess pożizzjoni tan-nies? Kemm tassew ilkoll kemm aħna rridu nagħrfu li Ġesù huwa l-Iben t’Alla li qiegħed magħna kull ħin, anki fil-ġranet tas-sajf? Kemm tassew qed inħossu li Ġesu qed iħares lejn il-ħajja tagħna għax irid jgħinna tassew u mhux jindaħlilna?
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija, insibu li għaliex ir-re u l-mexxejja tal-Lhud kienu qed imexxu ħażin, Alla bagħat il-Profeta Ġeremija biex iwissi lill-poplu li kien se jaqa f’eżilju, iżda se jkun hemm il-mument li jqum mit-tifrik. Toħroġ fil-beraħ il-qawwa tal-figura tar-Ragħaj. Fis-Salm 22 għandna x-xebh tar-Ragħaj it-Tajjeb fejn xejn ma jkun jonqosna jekk l-Mulej ikun ir-ragħaj tagħna. Fit-Tieni Qari tal-lum għandna silta mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin fejn San Pawl juri li Alla wettaq dan il-pjan permezz ta’ Kristu.
Bis-saħħa tas-sagrifiċċju tiegħu fuq is-Salib, Kristu sar għalina għajn tas-sliem. Fil-Vanġelu tal-lum minn San Mark Kristu jitħassar lin-nies ta’ żmienu għax kienu qishom ngħaġ mingħajr ragħaj u għalhekk kompla jgħallem.
Il-Ħajja
- Kristu wkoll iħares lejn ġensna u jitħassarna għax jarana mexjin mingħajr sens ta’ direzzjoni. Hemm bżonn li nduru lejh u nisimgħuh.
- Kemm qegħdin infittxu li naħarbu l-aljenazzjoni tal-ħajja u nersqu lejn il-kelma li tagħti l-ħajja fl-Iskrittura Mqaddsa, b’mod speċjali fis-sajf?
- Kemm qegħdin nersqu aktar lejn il-quddiesa, ngħidu r-rużarju fil-familja, naqraw il-Kotba Mqaddsa biex nitħeġġu aktar f’dan il-mument tas-sajf?
- Nista’ tassew intenni bis-sinċerità li l-Mulej huwa r-Ragħaj tiegħi?
Id-Djalogu
Il-Mulej huwa r-Ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni!