MORRU NEĦĦU L-BIŻA’ – Għid il-Ħamsin – 9 ta’ Ġunju 2019
Għid il-Ħamsin
MORRU NEĦĦU L-BIŻA’
Atti 2:1-11; Salm 103; 1 Korintin 12,3-7, 12-13; Ġwanni 20:19-23
Il-Vanġelu
Dak in-nhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Mbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.” Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.”
Il-Ħsieb
L-esperjenza tal-ħajja umana ta’ kuljum tgħaddina minn ħafna mumenti ta’ biża’. Il-biża’ li taħkem u ħafna drabi tipparalizza l-azzjonijiet li nkunu se nwettqu. Fil-ħajja tagħna spiritwali jiġrilna l-istess. Ħafna drabi nibżgħu nagħtu xhieda li aħna nsara, ħafna drabi nibżgħu ngħixu l-kelma ta’ Alla, ħafna drabi nibżgħu ninqatgħu minn kompromessi li nkunu ħloqna aħna għall-kumdità tagħna.
Il-festa kbira tal-lum ta’ nżul l-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja u fuqna personalment hija festa li tistedinna li għalkemm aħna bnedmin u mimlijin dgħufija, ilkoll kemm aħna għandna għalfejn nagħmlu kuraġġ. Il-Mulej jaf min aħna, il-Mulej jaf li aħna kollha biża’, il-Mulej jaf li lkoll kemm aħna nistgħu nwettqu ħafna ġid jekk nisimgħu, naċċettaw u ngħixu l-kelma tiegħu.
Huwa għal dan il-għan li l-Mulej jibgħat l-Ispirtu s-Santu, id-Difensur, li mhux biss se jsaħħaħ fina l-fidi iżda permezz tad-doni tiegħu se jqawwina biex naffrontaw is-sitwazzjonijiet ta’ ħajjitna kull ħin. L-Ispirtu s-Santu jinżel biex idawwalna u jurina x’għandna ngħidu u nagħmlu. L-għażla issa hija f’idejna kemm tassew għandna fidi fil-Mulej u f’dan il-mibgħut-difensur li huwa jibgħatilna, li rċevejna fil-Magħmudija u fil-Griżma ta’ l-Isqof. Kemm tassew qed inħossu l-preżenza ta’ l-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħna hija d-domanda li rridu nwieġbu għaliha b’mod personali llum.
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli, naraw l-inżul ta’ l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli kif kien iwiegħed Ġesù. Fit-tieni parti l-Appostli joħorġu jippriedkaw lill-ġnus kollha b’lingwi differenti. Fis-Salm Responsorjali, minn Salm 103, insibu għanja ta’ radd il-ħajr għax permezz tal-Miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu l-Mulej beda jġedded kollox. Fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, għandna t-teoloġija ta’ San Pawl dwar l-Ispirtu s-Santu fejn jurina l-għaqda li fiha jrawwimna l-Ispirtu s-Santu. Tgħammidna fi Spirtu wieħed biex insiru ġisem wieħed. Din l-għaqda tispikka aktar fil-paċi li l-Mulej jagħti lid-dixxipli tiegħu filwaqt li jonfoħ fuqhom l-Ispirtu s-Santu kif insibu fis-silta tal-Vanġelu ta’ San Ġwann illum.
Il-Ħajja
- Il-Mulej jaf li aħna dgħajfa. Iżda jridna nagħmlu kuraġġ u naħdmu
fl-għalqa tiegħu. Għalhekk jibgħat I-ispirtu s-Santu.
- Kemm tassew aħna nies li nħossuna mdawla permezz ta’ l-Ispirtu tal-
Mulej? Il-Mulej jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex nirrikorru lejh tul il-
jiem ta’ ħajjitna. Qed inwettqu dan?
- Xi djalogu nagħmlu ma’ l-Ispirtu s-Santu kuljum?
- L-Ispirtu s-Santu minbarra d-dawl permezz tad-doni tiegħu jridna li
nkunu ġebel ħaj fil-Knisja. Ejjew nitolbu llum biex niġġeddu fl-
impenn tagħna nisrani fis-soċjetà u fil-ħidma li nwettqu kuljum
Id-Djalogu
Spirtu s-Santu,
nitolbuk tinżel fina
biex turina xi trid minna
sabiex b’għemilna u ħidma
nwasslu l-Bxara t-Tajba fl-ambjent ta’ madwarna.