TANA KOLLOX! – Corpus Christi – Il-Ħadd 3 ta’ Ġunju 2018
Tifkira solenni tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu
TANA KOLLOX!
Eżodu 24: 3-8; Salm 115; Lhud 9:11-15; Mark 14: 12-16; 22-26
Il-Vanġelu
Dan hu ġismi. Dan hu demmi. – Qari mill-Evanġelju skont San Mark
Fl-ewwel jum tal-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf tal-Għid, id-dixxipli tiegħu qalu lil Ġesù: “Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid?”
Imbagħad hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru l-belt, u tiltaqgħu ma’ raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh, u għidu lil sid id-dar ta’ fejn tarawh dieħel, “Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista’ niekol l-ikla tal-Għid mad-dixxipli tiegħi?” U hu jurikom kamra kbira fuq, imgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk.”
U d-dixxipli marru u daħlu fil-belt, u sabu kollox kif kien qalilhom hu; u ħejjew l-ikla tal-Għid.
Huma u jieklu, ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: “Ħudu, dan hu ġismi.” Imbagħad ħa kalçi f’idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu. U qalilhom: “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna. Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dak in-nhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla.”
Imbagħad kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ.
Il-Kelma tal-Mulej; R: Tifħir lilek Kristu
Il-Ħsieb
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Eżodu, insibu ċ-ċerimonja li permezz tagħha ġie mwettaq il-Patt bejn Alla u l-poplu Lhudi. Ixxerred id-demm ta’ l-għoġiela fuq l-altar. Id-demm huwa xbieha tal-ħajja nfisha għax seħħ il-Patt bejn Alla u l-poplu Lhudi. Is-Salm Responsorjali minn Salm 115, huwa r-radd ta’ ħajr tagħna għas-sagrifċċju li noffru lil Alla biex infaħħruh. Fit-Tieni Qari, l-ittra lil-Lhud turi kemm is-sagrifċċju ta’ Kristu jisboq bil-bosta kull tip ieħor ta’ sagrifiċċju. Kristu huwa l-Qassis il-Kbir u fl-istess ħin il-vittma. Fil-Vanġelu, meħud minn san Mark, għandna lid-dixxipli jħejju l-ikla ta’ l-Għid tagħhom. Din l-ikla kienet tfakkar il-ħelsien tal-poplu mill-jasar ta’ l-Eġittu u l-Patt mal-poplu fis-Sinaj. Dan il-Patt iss jingħata tifsira oħra.
Il-Ħajja
- Kristu waqqaf is-sagrament tal-Patt il-Ġdid: (a) li jifdi lill-bnedmin; (b) jaqla’ l-maħfra tad-dnubiet; u(c) li jġib għaqda sħiħa ma’ Alla u bejn il-bnedmin bejniethom.
- L-Ewkaristija ġġib l-għaqda u l-unità ma’ Kristu u bejn il-bnedmin. Qed nifhmu x’qed nirċievu? Qegħdin inħossuna li aħna strumenti ta’ għaqda?
- Kemm qed nersaq għat-tqarbin u nifhem tassew li ma nistax nibqa’ l-istess wara li nitqarben?
- Kemm qed infittex li nwarrab kollox u niltaqa’ ma’ Kristu fl-Ewkaristija kuljum? Nifhem li dan huwa l-Ħobż Ħaj li jżommna ħajjin?
Id-Djalogu
Mulej,
Inti l-Ħobż ħaj li nżilt mis-sema.
Agħmel li nifhem il-qawwa tiegħu
meta nirċevik.
Grazzi Mulej.