L-INDAFA MILL-ĠDIEM – Is-6 Ħadd Matul is-Sena – 11 ta’ Frar 2018
Is-6 Ħadd Matul is-Sena
L-INDAFA MILL-ĠDIEM
Levitiku 13, 1-2, 45-46; Salm 31: 1-2.5.7.11; 1 Korintin 10, 31-11,1; Mark 1, 40-45
Il-Vanġelu
Resaq fuqu wieħed lebbruż jitolbu bil-ħerqa, nxteħet għarkubbtejh quddiemu u qallu: “Jekk trid, tista’ tfejjaqni.” Mqanqal mill-ħniena, Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: “Irrid, kun imnaddaf.” U minnufih il-lebbra marritlu u ġismu ndaf. U widdbu bis-sħiħ, bagħtu malajr u qallu: “Qis li ma tgħid xejn lil ħadd; iżda mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel offerta għall-fejqan tiegħek kif ordna Mosè, biex tkunilhom ta’ xhieda.” Iżda dak, meta telaq, beda jxandar ma’ kullimkien u jxerred l-aħbar, hekk li Ġesù f’ebda belt ma sata’ iżjed jidħol bid-dieher, imma kien jibqa’ barra fil-kampanja u kienu jmorru ħdejh nies minn kullimkien.
Il-Ħsieb
Il-Kelma
Fl-ewwel qari mill-Ktieb tal-Levitiku tissemma mill-ewwel il-marda tal-ġdiem li billi dak iż-żmien ma kienx hemm fejqan għaliha, kienet meqjusa bħala sinjal tad-dnub. Skond il-liġi ta’ Mosè l-imġiddem kien ikollu jgħix waħdu maqtugħ mis-soċjetà.
Salm 31 li ntennu fis-Salm Responsorjali hija karba lill-Mulej biex iħenn għalina u jaħfrilna dnubietna. Fit-tieni qari, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korinitn, hemm eżortazzjoni għalina lkoll biex nixbħu lil Kristu f’kollox. Huwa l-impenn tal-ħajja tagħna li għalih illum jeżortana San Pawl. Fil-Vanġelu għandna l-fejqan ta’ l-imġiddem u kif dan beda jxandar lill-Mulej ma’ kulħadd.
Il-Ħajja
- Qatt f’ħajtek aċċettajt ir-realtà li inti midneb?
- Kemm qatt tlabt b’sinċerita lill-Mulej inaddfek?
- Qatt għaraft il-ġdiem tiegħek fejn hu?
- Kemm tassew qed tirringrazzja lill-Mulej għall-fejqan u kemm tassew qed tħabbru ma’ l-oħrajn?
Id-Djalogu
Mulej,
Grazzi tal-fejqn,
li tagħtini fil-Qrar,
Grazzi u għinni nkompli
nitnaddaf minn ħżuniti.