MINGĦAJR KOMPROMESSI – It-8 Ħadd matul is-sena A – 26 ta’ Frar 2017
It-8 Ħadd Matul is-Sena
MINGĦAJR KOMPROMESSI
Isaija 49, 14-15; Salm 61; 1 Korintin 4, 1-5; Mattew 6, 24-34
Il-Vanġelu
Alla u l-flus
“Ħadd ma jista’ jaqdi żewġ sidien; għax jew ikun jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.
L-inkwiet u t-tħassib
“Għalhekk ngħidilkom: tinkwetawx ruħkom għal ħajjitkom, x’se tieklu jew x’tixorbu, anqas għal ġisimkom x’se tilbsu. Jaqaw il-ħajja m’hijiex aqwa mill-ikel, u l-ġisem aqwa mill-ilbies? Ħarsu lejn l-għasafar tas-sema; la jiżirgħu u lanqas jaħsdu u lanqas igeddsu fl-imħażen, u madankollu Missierkom li hu fis-smewwiet jitmagħhom! Intom ma tiswewx aktar minnhom? U min minnkom, bl-inkwiet kollu tiegħu, se jseħħlu jtawwal għomru mqar b’jum wieħed biss? U għall-ilbies għalfejn tinkwetaw ruħkom? Ħarsu lejn il- ġilji ta’ l-għelieqi, kif jikbru! U la jitħabtu u lanqas jinsġu. Madankollu, ngħidilkom, anqas Salamun, fil-glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom. Mela jekk Alla jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa li llum hawn u għada tinxteħet fil-forn, kemm aktar lilkom, nies ta’ fidi ċkejkna! Għalhekk toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu, “X’se nieklu?’ jew ‘X’se nixorbu?’ jew ‘X’se nilbsu?’, għax dawn huma kollha ħwejjeġ li jfittxuhom il-pagani. Imma Missierkom li hu fis-smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh. Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja ta’ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll. Mela toqogħdux tħabblu raskom għall-għada, għax il-jum ta’ għada jħabbel rasu hu għalih innifsu. Biżżejjed hu għall-jum it-taħbit tal-ġurnata.”
Il-Ħsieb
Illum Ġesù jridna nkunu tassew radikali bl-għażliet ta’ ħajjitna. Ma tistgħux taqdu żewġ sidien. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus. IRRIDU NAGĦMLU GĦA|LA… nintelqu f’idejh. Alla jieħu ħsieb ta’ kollox u ta’ kulħadd. Mhux ser jinsa la lili u lanqas lilek. Il-Providenza qiegħda fostna… imma rridu nindunaw biha aħna.
Il-Kelma
L-ewwel qari huwa mill-Ktieb tal-Profeta Isaija fejn insibu li l-Profeta jxebbah lil Alla ma’ omm li ma tinsa qatt lil binha. Inkunu tassew nonqsuh jekk ngħidu li hu nsiena jew ħalliena. Fis-Salm 61 għandna għajta li f’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħna. Fit-Tieni Qari nsibu silta mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin. Il-ministri ta’ Kristu ntgħażlu minnu u f’idejhom huma fdati l-misteri ta’ Alla. Hemm bżonn għalhekk li l-amministraturi jkunu responsabbli ta’ din il-missjoni fdata lilhom.
Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Mattew, għandna lil Ġesù li jgħidilna li jeħtieġ li l-ewwel post fil-ħajja tagħna nagħtuh lil Alla. Ma nistgħux inħallu affarijiet oħrajn jiddominaw il-ħajja u l-qalb tagħna.
Il-Ħajja
- X’hemm fiċ-ċentru ta’ qalbek?
- Kemm tassew tafda fil-Providenza t’Alla?
- Kemm tħares u tafda lil Alla bħala OMMOK?
- Kemm temmen fil-Mulej u kemm tafda fil-Kelma tiegħu?
- F’dinja komplikata b’ħajja li qed inkomplu nikkomplikawha aħna jeħtieġ illum aktar minn qabel li nafdaw il-ħajja kollha tagħna f’idejn Alla.
Id-Djalogu
Mulej, f’idejk, nafda l-ħajja tiegħi.