ABBUŻ MILL-ĦNIENA TA’ ALLA? – L-3 Ħadd tar-Randan – 24 ta’ Marzu 2019
L-3 Ħadd tar-Randan
QEGĦDIN NABBUŻAW MILL-ĦNIENA TA’ ALLA?
Eżodu 3: 1-8a, 13-15; Salm 102; 1 Korintin 10:1-6; 10-12; Luqa 13:1-9
Il-Vanġelu
Dak iż-żmien, ġew xi wħud għand Ġesù u qalulu b’dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom. U Ġesù qabad u qalilhom: “Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom. Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa’ t-torri ta’ Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta’ Ġerusalemm ? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda.”
U qalilhom din il-parabbola: “Wieħed kellu siġra tat-tin imħawwla fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx. Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa, ‘Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f’din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha, għax għalfejn se tibqa’ tkidd l-art? Iżda dak wieġbu, ‘Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel. Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha.’ “
Il-Ħsieb
Il-ġrajjiet li jiġru madwarna kemm-il darba jimpressjonawna, speċjalment meta jkun hemm xi diżgrazzja jew xi mewta ta’ xi ħadd żgħir. Kulħadd jistaqsi u jrid ikun jaf ir-raġuni tal-mewt. Xi kultant insiru anki mħallfin fuq il-ħajja tal-mejjet billi nagħtu l-ġudizzju glorjuż jew ta’ tkasbir skond il-mod kif inħarsu lejh.
Fi żmien Ġesù wkoll ġraw żewġ traġedji kbar u l-poplu tkellem dwarhom: il-fatt li Pilatu qatel xi Galilej waqt l-offerta tas-sagrifiċċju u l-fatt ta’ meta waqa’ t-torri ta’ Silwah f’Ġerusalemm. Fiż-żewġ każijiet mietu n-nies. Ġesù jtenni li dawn ma mitux għax midinbin. Kull midneb huwa ħati sakemm ma jindimx mill-ħtija tiegħu. Il-Mulej irid ineħħi minni kull sens ta’ ġudizzju li ngħaddu fuq in-nies, iżda fl-istess ħin irid jiftħilna għajnejna beraħ biex ngħaddu ġudizzju u kritika fuq l-għemil tagħna.
IL-Kelma
Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Esodu, insibu s-sejħa li Alla għamel lil MoseÏ. Il-mod kif Alla jsejjaħ lil MoseÏ huwa mod meraviljuż kif il-Mulej ma jħarisx lejn l-uċuħ iżda lejn id-disponibbiltà, minkejja li lkoll inġibulu xi skuża. Is-Salm 102 li ntennu fis-Salm Responsorjali huwa għanja ta’ radd il-ħajr għax ħanin u ta’ qalb tajba l-Mulej.
Fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin, jurihom li għalkemm ħafna salvaw mill-jasar ta’ l-Eġittu, ftit baqgħu fidili lejn Alla. San Pawl itenni li r-rigal tal-fidi rridu nilqgħuh u ngħixuh. Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna r-rakkont taż-żewġ diżgrazzji li fi żmien Ġesù qajmu ħafna għagħa. Ġesù nnifsu jurihom li kull min għadu ħaj jeħtieġ li juża tajjeb iż-żmien tiegħu.
Il-Ħajja
- Irridu ngħixu l-fidi tagħna b’mod sħiħ u b’fiduċja kbira f’Alla. Il-ġrajjiet kurrenti tad-dinja jgħaddu, imma Alla ma jgħaddix, ma jispiċċax. Huwa għalhekk importanti li nżommu qalbna magħquda mal-Mulej.
- Hemm bżonn nagħrfu l-ħniena kbira ta’ Alla għal kull wieħed u waħda minna.
- Hemm bżonn nagħrfu ma nabbużawx minn din il-ħniena ta’ Alla għalina. Fir-Randan, permezz tat-talb u tas-sawm, irridu nersqu aktar lejn Ġesù kif aħna, iżda b’indiema vera u mhux b’ipokresija.
- Alla huwa ħanin u mhux Alla tal-vendikazzjonijiet. Jeħtieġ li din il-ħniena kbira t’Alla mhux biss nindunaw biha iżda ngħadduha lill-oħrajn.
- Fir-Randan, biex ikun Randan veru, irid ikun hemm mumenti ta’ deċiżjonijiet radikali u bidliet veri. Ix-xogħol f’idejna.
Id-Djalogu
Mulej, inti li tant tħobbna,
tant tafda fina,
għinna biex tassew matul dan ir-Randan,
ngħixu l-imħabba tiegħek
sabiex ninbidlu aħna u ngħinu lil oħrajn jinbidlu,
biex nagħrfu kull ħin ir-rieda tiegħek.