DEHRA – GARANZIJA: It-2 Ħadd tar-Randan – 17 ta’ Marzu 2019
It-2 Ħadd tar-Randan
DEHRA – GARANZIJA
Ġenesi 15:5-12,17-18; Salm 26; Filippin 3, 17-4,1; Luqa 9, 28b-36
Il-Vanġelu
F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u lil Ġakbu, u tala’ fuq il-muntanja biex jitlob. U ġara li huwa u jitlob, id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta’ bjuda li tgħammex. U kien hemm żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, Mosè u Elija, li dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm.
Pietru u sħabu kienu mejtin bin-ngħas, imma baqgħu mqajmin sewwa, u raw il-glorja tiegħu u ż-żewġt irġiel li kienu miegħu.
Xħin dawn it-tnejn kienu se jinfirdu minnu, Pietru qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.” Ma kienx jaf x’inhu jgħid.
Waqt li kien qiegħed jgħid dan, ġiet sħaba u għattiethom u huma beżgħu kif daħlu fis-sħaba. U minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu!”
Malli nstama’ l-leħen Ġesù sab ruħu waħdu. Huma żammew is-skiet, u għal dawk il-jiem ma qalu xejn lil ħadd minn dak li kienu raw.
Il-Ħsieb
Fil-mixja tagħna ta’ kuljum ikun hemm mumenti ta’ qtigħ il-qalb, mumenti li fihom ngħaddu minn passaġġi mdallma. F’dawn il-mumenti ħafna jitilfu l-fidi tagħhom. Jaħsbu li Alla nsiehom. Illum il-Mulej, proprju fil-mixja tiegħu lejn il-passjoni, fuq il-muntanja Tabor jitbiddel f’dik li aħna nsejħulha t-Trasfigurazzjoni, il-mument ta’ bidla li jfisser għalina lkoll garanzija. Garanzija li, wara din il-ħajja, il-premju tagħna huwa li mmorru ma’ dan “L-Iben il-Maħtur”. Din id-dehra tal-lum, fil-mixja tagħna matul dawn l-erbgħin jum tar-Randan, tfisser għalina lkoll li aħna rridu nimxu wara Ġesù li huwa d-dawl ta’ ħajjitna u nemmnu bil-fidi li l-Mulej se jibdel f’ferħ in-niket tagħna. Huwa għal dan il-għan li l-Mulej Ġesù jkun spalla ma’ spalla magħna fil-mixja tagħna fuq din l-art. Hi mixja li mhux dejjem tkun għan-niżla, iżda ħafna drabi għat-telgħa. Hemm bżonn iżda li nisimgħu mill-vuċi li nstemgħet fit-trasfigurazzjoni: Nemmnu li Ġesù huwa l-Iben il-Maħtur, u nisimgħu mill-Kelma tiegħu.
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi, għandna ċerimonja antika ta’ kuntratt li l-Lhud ħadu mingħand il-Ħittin, poplu b’kultura kbira ta’ l-istess żmien tal-Lhud. F’din iċ-ċerimonja Alla għamel ma’ Abraham Patt li bih wegħdu nisel kbir daqs il-kwiekeb tas-sema, u li jagħti lil nislu art kbira. Minkejja li Abraham u martu kienu mdaħħla fiż-żmien huwa emmen dak li qallu Alla. Is-Salm 26 li ntennu fis-Salm Responsorjali, huwa għajta ta’ ferħ u faraġ li l-Mulej huwa d-dawl u s-salvazzjoni tagħna. Fit-Tieni Qari tal-lum, fl-Ittra lill-Filippin, San Pawl itenni li għandhom jixbħu lilu, huwa li għamel ħiltu kollha biex jimxi fuq l-eżempju ta’ Kristu. Għal Kristu u x-xandir ta’ l-Evanġelju huwa jinsab il-ħabs. Fl-Evanġelju minn San Luqa għandna l-mument tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej. Pietru saħansitra jinsa lilu nnifsu tant kemm id-dehra kienet kbira.
Il-Ħajja
- Qatt assistejt għat-trasfigurazzjoni tal-Mulej? Qatt ħassejt il-bidla li jġib fik il-Mulej fl-Ewkaristija? Qatt tennejt li tassew inti ħieni bil-preżenza fik tal-Mulej?
- Kemm tassew ilkoll kemm aħna nagħrfu nirringrazzjaw lill-Mulej għall-ġid kollu li jagħtina kull ħin bid-dawl u s-salvazzjoni li kisbilna?
- Isimgħu lilu kien il-kliem li ntemm bih id-diskors tal-konferma li nstema’ fit-Trasfigurazzjoni. Kemm tassew qed nisimgħu l-Kelma tal-Mulej u naċċettawha fil-fond ta’ qalbna?
- “Imma aħna pajżana tas-sema pajjiżna”, itenni San Pawl fit-Tieni Qari tal-lum. Tassew li aħna nħossuna ċittadini tas-sema?
- Is-salvazzjoni tagħna għandna nħarsu lejha bħala trasfigurazzjoni – bidla – konverżjoni li hija l-garanzija li ġab Ġesù permezz tal-Predikazzjoni –Passjoni – Mewt u Qawmien tiegħu.
Id-Djalogu
Mulej, inti d-dawl u s-salvazzjoni tiegħi.
Għinni, Mulej, inwettaq tassew ir-rieda tiegħek fija,
sabiex naċċetta u ngħix il-kelma tiegħek
ħalli matul dawn il-jiem tar-Randan
nagħraf tassew nagħtik qalbi u ħajti.